Blalen u annimali
Minbarra r-rabta bejn l-isport u l-ekonomija hemm dik tal-isport mal-politika
Kienu jgħidu li l-attivitajiet sportivi huma okkażjoni ta’ kompetizzjoni fi spirtu ferrieħi li fihom jispikka l-kunċett tal-logħob u l-għaqda, fejn l-ispettaturi jħeġġu lill-isportivi fir-rieda tagħhom għar-rebħ; fejn l-atleti jaraw ir-riżultati ta’ xhur jekk mhux snin ta’ taħriġ kontinwu, rigoruż u dixxiplinat. Dak huwa l-ideal li anki fl-iskejjel dejjem ippruvaw jgħaddu lit-tfal: li l-importanti huwa li tipparteċipa u li wara l-logħba jispiċċa l-antagoniżmu, nieħdu b’idejn xulxin u t-telliefa jifirħu mar-rebbieħa.
L-istorja tal-isport, iżda, mimlija katalgi u listi ta’ avvenimenti li jgiddbu dan l-ideal. Ibda biex, l-isport sar magna li tiġġenera somom eżorbitanti ta’ flus. F’rapport maħruġ aktar kmieni din is-sena minn Forbes, tħabbru l-istimi tal-ħlasijiet li l-ikbar stilel tal-futbol irċevew sa tmiem is-sena li għaddiet. Huwa stmat, pereżempju, li l-Portugiż Cristiano Ronaldo daħħal mal-erbgħin miljun Ewro f’salarju u bonus biss (eskluż id-dħul ta’ kważi għoxrin miljun Ewro mir-reklamar u drittijiet oħrajn) u l-produzzjoni ta’ gowls tiegħu wasslet biex il-klabb sinjurun li jilgħab miegħu joħroġlu kuntratt għal ħames snin li se jispiċċa jagħtih ħlas ta’ ʼl fuq minn mija u sittin miljun Ewro.
Dawn is-somom astronomiċi mhumiex il-ħobża ta’ kuljum tal-plejers tal-futbol biss. L-istess rapport jiżvela li fl-istess perjodu l-golfista Tiger Woods kellu dħul ta’ madwar wieħed u sittin miljun Ewro, waqt li t-tennista Roger Federer daħħal mas-sitta u ħamsin miljun Ewro.
Filwaqt li l-atleti qegħdin idaħħlu dawn il-miljuni kollha, dawk li jmorru jarawhom qegħdin jaraw l-infiq tagħhom jogħla wkoll. F’dawn l-aħħar tliet snin, fl-Ingilterra, il-prezzijiet biex dak li jkun imur jara logħba futbol għolew bi tlettax fil-mija. Mhux il-klabbs kollha jbiegħu l-biljetti għal-logħob bl-istess prezz, u d-dħul fl-istadium jista’ jvarja sew: jista’ jitla’ sa ʼl fuq minn mija u ħamsa u għoxrin Ewro għal partita waħda.
Minbarra r-rabta bejn l-isport u l-ekonomija hemm dik tal-isport mal-politika. Anki din hija storja antika li tgiddeb għal kollox l-ideal tal-fraternità u l-pjaċir. L-Olimpjadi tal-1936 f’Berlin kellhom iservu ta’ xhieda għall-qawwa suprema tar-razza l-bajda fuq razez suwed u l-Lhud skont il-filosofija Nazista ta’ dak iż-żmien. Fl-1968, dejjem fl-Olimpjadi, Tommie Smith u John Carlos jibdlu ċ-ċerimonja tal-għoti tal-midalji wara t-tellieqa tal-mitejn metru fi stqarrija politika bis-salut tal-Black Power. Mumenti bħal dawn jinstabu f’avvenimenti ta’ dixxiplini sportivi differenti għaliex l-isport huwa attività tan-nies, tal-folla li ssegwi.
Din il-ġimgħa, din ir-rabta tal-isport mal-politika, reġgħet kienet evidenti fil-partita għall-kwalifikazzjoni tal-kampjonat Ewropew bejn is-Serbja u l-Albanija, żewġ stati fil-qalba tal-Ewropa li, bażikament, ma jinħamlux. L-antagoniżmu u l-mibegħda bejn dawn iż-żewġ nazzjonijiet huma magħrufa u antiki ħafna. Fil-qalba tal-kunflitt bejn dawn it-tnejn hemm l-art imsejħa l-Kosova, li s-Serbja tqis b’tagħha l-istess kif tagħmel l-Albanija. Il-logħba tal-ballun, b’dak kollu li jseħħ mhux biss fl-istadium imma anki ʼl barra minnu, hija sport li joffri mezz effikaċi ħafna għall-messaġġi u l-manifestazzjonijiet politiċi li m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-logħba nfisha. Il-logħba tal-ballun ħafna drabi tinbidel f’arena ta’ antagoniżmu politiku li għandu għeruq etniċi storiċi li jmorru snin twal ħafna, abbli anki qabel ma ġiet ivvintata din il-logħba. Pereżempju l-antagoniżmu bejn is-sostenituri Kattoliċi ta’ Celtic u l-Protestanti tar-Rangers; bejn ix-xellugin ta’ St Pauli u n-neonazisti tal-Hansa Rostock. Dil-ġimgħa, fi stadium f’Belgrad, kien imiss il-mibegħda (u mhux sempliċiment antagoniżmu) Serba-Albaniża biex donnha tfakkarna mhux biss kemm il-logħba tal-ballun taqdi tajjeb il-politika, imma tfakkarna wkoll fis-sehem li l-istess logħba kellha fil-gwerra tal-Balkani fil-bidu tad-disgħinijiet. 13 ta’ Mejju 1990, Dinamo Zagreb jilqgħu lit-tim tal-Istilla l-Ħamra ta’ Belgrad fl-istadium Maksimir f’Zagreb għal logħba mill-ogħla diviżjoni tal-kampjonat Jugoslav. Dan seħħ biss ġimagħtejn wara li l-Kroazja kellha l-ewwel elezzjonijiet liberi f’ħamsin sena, li raw lil Franjo Tudman u l-partit nazzjonalista tiegħu rebbiħin. Il-logħba spiċċat fi ġlied vjolenti kbir, u diversi analisti baqgħu jsostnu li l-gwerra Jugoslava bdiet fl-istadium ta’ Zagreb.
Allura din il-ġimgħa fil-logħba bejn it-tim nazzjonali Serb u dak Albaniż kien hemm xeni tal-biża’ mhux daqstant minħabba r-riżultat (sal-erbgħin minuta tal-ewwel taqsima l-iskor kien għadu ma nfetaħx) imma minħabba l-mibegħda reċiproka bejn l-elementi nazzjonalisti taż-żewġ naħat, l-aktar minħabba r-reġjun tal-Kosova. Attwalment il-waħx fl-istadium beda b’mossa pjuttost umoristika: drone beda jittajjar minn xi ħadd misterjuż, jiġbed miegħu bandiera bis-simboli u ritratti ta’ eroj Albaniżi. Imbagħad plejer Serb jiġbed il-bandiera tad-drone u jduru għalih xi plejers Albaniżi u minn hemm ʼl hemm fil-ground seħħ minn kollox.
Is-Serbi qegħdin jallegaw li ħassew l-unur nazzjonali tagħhom umiljat u li l-mossa kollha kemm hi kienet provokazzjoni. Min-naħa Albaniża ħarġet l-akkuża li s-sostenituri Serbi kienu ilhom jiprovokaw bil-kant u s-slogans xejn kumplimentużi.
Ma nafx min għandu raġun minn dawn iż-żewġ naħat. Imma ma stajt nimpressjona ruħi (b’mod negattiv) kif iż-żewġ stati esprimew rabja għall-mod kif l-unur nazzjonali tagħhom ġie urtat. It-tisfir waqt l-innu nazzjonali Albaniż, il-kant, l-istrixxuni ... dawn kollha huma armi. Is-Serbi jisħqu li pajjiżhom ma kellux jiġi umiljat hekk; l-Albaniżi jgħidu l-istess.
Il-ġlied u l-abbandun tal-logħba f’Belgrad ikompli jsaħħaħli l-fehma lin-nazzjonaliżmu se jwassal, għada pitgħada, għall-mibegħda għaliex attwalment il-filosofija tiegħu mhijiex l-imħabba lejn il-pajjiż nattiv daqskemm il-mibegħda lejn il-ġar jew dak li jitqies bħala rivali. Il-fehma li n-nazzjonaliżmu huwa espressjoni ta’ mħabba lejn il-patrija hija falza: in-nazzjonaliżmu, il-kburija bin-nazzjon, jiddefinixxu rwieħhom skont il-mibegħda. Fi kliem ieħor dik il-pala tal-id tistrieħ fuq is-sider waqt l-innu nazzjonali mhijiex simbolu tal-imħabba iżda tal-mibegħda.
Bażikament il-fehma tiegħi hija li kwalunkwe grupp (etniku, soċjali, politika u x’naf jien) għandu bżonn l-għedewwa u hija l-eżistenza tal-għadu li tagħi s-sens ta’ kburija u d-definizzjoni akkanita tan-nazzjon. Id-definizzjoni ta’ min jien, fi kliem ieħor, hija possibbli sakemm jirnexxili nagħmel nosserva, jew addirittura noħloq, id-differenza mill-ieħor. Il-partitarji Serbi kellhom bżonn lill-iskwadra Albaniża tinżel tilgħab fil-grawnd biex iħossuhom mhedda u minn dik it-theddida tiddependi l-identità tan-nazzjon.
Inħallu l-istadium ta’ Belgrad. Din il-ġimgħa fl-istadium prinċipali tal-antagoniżmu Malti – il-parlament (li għadu fejn kien qabel) – iż-żewġ skwadri antagonisti tagħna laħqu ftehim unanimu li, b’liġi, f’Malta ma jkunx hawn ċirku ieħor li juża l-annimali. Il-mertu ta’ din id-deċiżjoni importanti jmur għal dawk favur id-drittijiet tal-annimali u diversi individwi li ħadmu – mit-toroq u bl-argumenti tal-persważjoni – u rebħu.