Ħtija u mistħija
Hemm it-tendenza li nixħtu sens ta’ ħtija fuq nies li ma jappartjenux għall-mudell sanzjonat minnha
Waqt li fuq xi mezzi tax-xandir u siti soċjali għaddejjin is-sondaġġi popolari dwar min għandu jkun l-Arċisqof il-ġdid ta’ Malta, il-programm televiżiv TimesTalk indirizza r-riżenja tal-Arċisqof Pawlu Cremona, riżenja li kienet ilha mistennija u li, kif qal Cremona nnifsu, kienet ilha tiġi kkunsidrata. F’TimesTalk tkellmu tlieta min-nies, għalkemm ma jidhirlix li qajmu wisq ħsibijiet kritiċi fuq is-suġġett, tneħħi kummenti sinifikanti ħafna fil-konfront tal-Professur Victor Axiaq wara ħafna dlik ta’ xema’ u taparsi tifħir. Attwalment il-programm kollu kellu ħafna minn dan id-dlik, imma dan qajla jinteressani proprju għax jidhirli li kien atteġjament prevedibbli ħafna.
L-iktar mument li laqatni fil-programm kien l-intervent irrekordjat ta’ Michael Axiaq, membru tal-fergħa lokali tal-Opus Dei, eks-parlamentari Nazzjonalista, li mistoqsi dwar is-sinodu li għadu kemm għalaq fil-Vatikan, qajjem punt dwar l-omosesswalità, anzi dwar il-livelli ta’ “ħtija” (kliemu, mhux kliemi) paragunabbli mal-livelli differenti ta’ omosesswalità. Qabel il-ħtija hemm il-punt li, fl-1948, Alfred Kinsey flimkien ma’ żewġ kollaboraturi oħrajn, Walder Pomeroy u Clyde Martin, ippubblika studju marbut mal-imġieba sesswali tal-irġiel. Magħruf bħala l-Kinsey Reports, Sexual Behaviour in the Human Male, kien xogħol li, kif jindika t-titlu, kellu jagħti tagħrif dwar il-komportament sesswali tal-irġiel u li fih Kinsey ħareġ bl-idea li huwa possibbli li xjentifikament tiġi kkwantifikata l-imġieba sesswali. Fost il-konklużjonijiet li Kinsey u l-kollaboraturi tiegħu jiġbdu, hemm dik li anki l-orjentazzjoni sesswali ta’ dak li jkun tista’ tiġi kkwantifikata, tant li l-istudju jistabbilixxi skala miz-zero sas-sitta li tikkwantifika kemm raġel huwa etero jew omosesswali.
L-istudju ta’ Kinsey mill-ewwel kien kontroversjali. Minnha nfisha din mhijiex sorpriża, l-aktar meta wieħed iqis li fuq livell ġenerali dan l-istudju kien pijunier, li ttratta suġġetti li fl-1948 kienu għadhom meqjusin bħala tabù, kemm għax kienu ħwejjeġ privati ħafna kif ukoll għax kien għad hemm tendenza li s-sess u s-sesswalità jiġu diskussi b’mod moralistiku aktar milli xjentifiku. Iżda kien hemm ukoll elementi fi ħdan l-akkademja li sabet problemi serji bl-istudju ta’ Kinsey. Il-metodoloġija ta’ kif ġiet miġbura d-data, l-għażla ta’ nies li rrispondew għall-mistoqsijiet li minnhom ħarġet id-data, kif ukoll il-kampjun ta’ persuni li fuqu ġie bbażat ir-riżultat tar-rapport Kinsey wkoll ġew ikkritikati minn diversi akkademiċi.
Il-punt hu li, kif kellha turi t-teorija kritika li okkupat il-kumplament tas-seklu li għadda, ebda rapport, ebda studju u ebda statistika ma tista’ tittieħed b’newtrali għaliex imqar il-mistoqsija stess aktarx li tindika xaqliba min-naħa ta’ min qiegħed jagħmel l-istudju. Fi kliem ieħor anki r-rapport ta’ Kinsey jixhed bias u mhuwiex ħieles għal kollox minn dan il-bias.
Issa fil-każ tal-intervent televiżiv ta’ Dr Axiaq din il-ġimgħa l-problema hija doppja: l-ewwel, li huwa uża l-iskala ta’ Kinsey bħala kejl xjentifiku tal-omosesswalità meta din l-iskala fiha diversi problemi, kemm metodoloġiċi u kemm filosofiċi. It-tieni – u din hi xi ħaġa li ma jagħmilx Kinsey – Dr Axiaq juża l-iskala ta’ Kinsey mhux biss biex ikejjel l-etero jew l-omosesswalità ta’ dak li jkun imma biex ikejjel il-ħtija ta’ dak li jkun. Fi kliem ieħor il-fehma ta’ Dr Axiaq titlaq mill-premessa – u tajjeb li nemfasizza li din il-premessa mhijiex dik ta’ Kinsey – li l-omosesswalità hija essenzjalment ħażina; li persuni omosesswali huma ħżiena, tant li għandhom il-ħtija li huma omosesswali. Fil-fehma tiegħi, opinjoni bħal din tikkuntrasta sewwa mas-sensibilità li, ikolli nżid fl-aħħar, is-soċjetà qiegħda turi mal-komunità omosesswali, anki jekk wieħed għandu jkun kawt u ma jibdiex jemmen li l-omofobija ġiet eradikata. Meta wieħed iqis li l-orjentazzjoni sesswali mhijiex xi ħaġa li nagħżlu (anki jekk nistgħu nħossuna kburin biha) imqar il-ħsieb ta’ ħtija mhux biss jistona imma huwa sinonimu għal preġudizzju u antagoniżmu.
Nifhem li l-intervent ta’ Dr Axiaq kien wieħed qasir u li fil-ħin allokat lilu ma setax jelabora kliemu wisq. M’iniex ċert jekk bir-referenza tiegħu għall-omosesswali u l-omosesswalità kienx qiegħed jalludi għall-orjentazzjoni sesswali jew l-imġieba sesswali, distinzjoni li, għallinqas għall-komunità omosesswali Nisranija, hija importanti ħafna. Minħabba l-istqarrijiet li għamel waqt TimesTalk din id-distinzjoni taf tkun importanti anki fir-rigward ta’ Dr Axiaq. Bażikament il-mistoqsija tista’ tkun: kemm huwa leġittimu argument li jitfa’ ħtija fuq xi ħadd li għandu orjentazzjoni sesswali li m’għażilhiex hu, iktar u iktar meta din l-orjentazzjoni m’hi qiegħda tikkawża ebda deni fuq xi ħadd? Imbagħad, liema huwa dak il-proċess li jagħti d-dritt lil Ċikku jew Peppa biex jgħaddi ġudizzju ta’ ħtija fuq ħaddieħor?
Dan id-diskors iwassalni għal punt ieħor li xtaqt inqajjem, marbut mal-idea ta’ ħtija. Jekk is-soċjetà qiegħda turi sinjali ta’ sensittività akbar lejn l-omosesswali (u nifhem li kelma bħal ‘is-soċjetà’ taf tkun wiesgħa u perikoluża) mhux l-istess jista’ jingħad li qiegħed jiġri fil-konfront ta’ persuni li ġisimhom u d-dehra tagħhom tidher, b’xi mod jew ieħor, difettuża. Fl-ossessjoni li sar għandha din is-soċjetà biex tidher sabiħa, attraenti u, iva, seduttiva, hemm it-tendenza li nixħtu sens ta’ ħtija fuq nies li, volontarjament jew le, ma jappartjenux għall-mudell sanzjonat minnha. Jekk mara tidher miexja fit-triq b’wiċċha mimli tikmix, b’ġenbejha ħirġin wisq ʼil barra jew b’xi forma oħra ta’ ‘difett’ malajr se tingħadda ġuri u malajr ħafna se jkollha ġudizzju mdendel fuq rasha. Imqar atturi li f’żgħożithom kienu stilel, donna nippretendu li jibqgħu stilel għal ħajjithom kollha u jekk jiddeċiedu li jixjieħu fil-paċi malajr nibdew nistaqsu “X’seta’ ġralha, kif saret tidher?” Fost dawn in-nies li jaqilgħu l-kundanna hemm dawk li ġew iġġudikati b’piż żejjed. Bl-iskuża li l-piż żejjed huwa ta’ dannu għas-saħħa, bi statistiċi li jagħmlu l-premessa li huma xjentifiċi li għandhom l-għan li jħammru wiċċ in-nies li huma ʼl barra mill-kwadru tas-sbuħija, dawn in-nies jingħataw il-kundanna għaliex jidhru li huma bla rażan, mingħajr il-ħila ta’ lġiem fuq l-istinti l-aktar bażiċi tal-bniedem jekk mhux ukoll tal-annimali. Dawn ukoll huma ħatja għax għamlu għażla li ma jkunux bħall-bqija, li jwebbsu rashom u jgħixu stil ta’ ħajja li ma jgħoddx għall-industrija tar-reklamar.
U dalwaqt se nsibu min iħejji skala oħra mal-oħrajn li jeżistu, ħalli l-kundanna tiġi leġitimizzata.