Haw' sex!
“Haw’ int!”; “Tbissem naqra!”, “Kif aħna, sbejħa?”, “Il-qaddisin x’mara!”, “Haw’, pupa!”, “Haw’, sbejħa!”, “Kif aħna, dalgħodu?”, “Haw’, sex!”
Ftit tal-jiem ilu tqajmet diskussjoni fuq wieħed mis-sit soċjali l-aktar popolari minn Mel Hart li tibbloggja fuq melahart.com, wara li esperjenzat dak li ħafna u ħafna nisa jesperjenzaw fil-ħajja ta’ kuljum: il-fastidju verbali minn irġiel li jkunu fil-viċinanzi tagħhom, huma u mixjin fit-triq, jew fuq tal-linja... insomma fejn ikun. Mel Hart nediet id-diskussjoni billi staqsiet kif fl-2014 għadu għaddej dan il-vizzju ta’ ħafna rġiel li malli jaraw mara li togħġobhom iridu bilfors ipespsulha, isaffrulha, isejħulha, jew inkella jmorru pass oltre u jtaptpulha fuq spallejha, jiġbdulha xi ftit xagħarha jekk mhux ukoll iċ-ċinga tal-bra u forsi anki jaslu biex imissuha.
B’kumbinazzjoni ftit jiem wara din id-diskussjoni s-sit ihollaback.org tella’ video-dokumentarju ta’ attriċi miexja fit-toroq ta’ New York. Il-kamera moħbija tikxef in-numru ta’ fastidji li din it-tfajla tirċievi f’għaxar sigħat mixi fit-toroq ta’ din il-metropoli. Il-kummenti li taqla’ din it-tfajla jvarjaw iżda l-messaġġ huwa dejjem l-istess. Ihollaback.org jispjega li din l-attitudni hija waħda maskilista li tixhed il-prepotenza li ċerti rġiel jesprimu fil-konfront ta’ nisa u tfajliet. Huma ħafna l-istudjużi li ħarġu b’osservazzjonijiet kif il-mara titqies minn ħafna bħala oġġett ta’ skrutinju, ta’ attenzjoni sesswali jekk mhux ukoll ta’ fetix. Wieħed jista’ wkoll isib ruħu jaħseb l-għala l-fastidju verbali jsir biss – għallinqas normalment – mill-irġiel lejn in-nisa u mhux viċiversa. Ir-raġuni taf tkun li l-kumment li jiġi eżatt wara l-ħarsa sewwa, huwa minnu nnifsu xhieda ta’ poter: il-poter li dak li jkun għandu li jinvadi l-privatezza (avolja f’post pubbliku) u, anki jekk fuq livell ta’ xewqa jew fantasija, jottjeni dak l-‘oġġett’ li qiegħed iħares lejh. Sakemm mara tħoss li m’għandhiex poter ugwali għal dak ta’ raġel, diffiċli li wieħed jistħajjilha tasal tieħu din il-kunfidenza. Terġa’ u tgħid, li mara kellha tieħu dan it-tip ta’ poter, aktarx li titlef il-‘femminilità’ tagħha – dik ippreparata għaliha mir-raġel u mhux dik naturali – u tispiċċa rrelegata għal livell baxx.
Ħafna minn dawn il-kummenti li jgħaddu minn irġiel li ‘jittantaw xi tfajla’ għal dawk in-nisa għaddejin jixhdu wkoll il-mibegħdiet u l-preġudizzji soċjali li jiddominaw fis-soċjetajiet tagħna. Ħafna drabi huma kummenti razzisti u sessisti li jippuntaw lejn il-kulur u d-daqs tal-mara miexja, lejn l-età wkoll. Drabi oħra l-iskop hu li jirredikolaw lil dik li tkun, li jintimidawha hekk, għall-gost li tara lil xi ħadd jiġi intimidat. Hija logħba kerha ta’ poter, bħal ħafna logħbiet krudili oħrajn.
Iżda hemm spunt ieħor li joħroġ minn dan id-dokumentarju miġbud bil-moħbi. Dawn huma wħud mill-messaġġi li tieħu l-attriċi hija u miexja, tradotti f’lingwaġġ li nimmaġina kien jintuża kieku d-dokumentarju nġibed hawn u mhux Manhattan: “Haw’ int!”; “Tbissem naqra!”, “Kif aħna, sbejħa?”, “Il-qaddisin x’mara!”, “Haw’, pupa!”, “Haw’, sbejħa!”, “Kif aħna, dalgħodu?”, “Haw’, sex!” F’episodju minnhom, reġistrat mill-kamera, jidher ġuvni li mhux biss jgħaddi kumment lejn it-tfajla iżda jibqa’ miexi maġenbha. F’dan il-każ il-fastidju ma jsirx biss verbalment, imma anki fiżiku għax anki jekk ma jmisshiex jimxi magħha fi prossimità li tista’ tinħass anki intimidatorja. Prepotenza, forsi, imma dak li jgħid dan il-ġuvni huwa ħafna aktar interessanti (fis-sens li jistħoqqlu kumment) mill-messaġġi li jgħaddu rġiel oħrajn. Wara ftit sekondi miexi maġenb il-mara jistaqsiha: “Ma tridx kliem?” Imbagħad: “Ma tridx kliem għax jien ikrah?” Ftit passi oħrajn u jerġa’: “Ma nistgħux inkunu ħbieb, x’taħseb?” Sadattant it-tfajla tibqa’ siekta, tħares ʼil quddiem u miexja b’pass mgħaġġel: “Ma titkellimx int? Jekk nagħtik in-numru tiegħi tkellimni?” U l-aħħar messaġġ qabel jaqta’ qalbu u ma jibqax miexi magħha: “Ikrah wisq għalik, hux veru?”
Filwaqt li dak li jkun ma jistax ma jarax l-istess imġiba prepotenti, f’dan il-każ ifiġġu wkoll aspetti ta’ solitudni u inferjorità. U jfiġġ ukoll l-effett li l-pressjoni biex dak li jkun jidher sabiħ, ikun sabiħ, għandha fuq il-bniedem tas-seklu wieħed u għoxrin. Filwaqt li din il-pressjoni ilha ħafna mitfugħa fuq in-nisa, huwa evidenti li dawn l-aħħar snin il-pressjoni fuq l-irġiel qiegħda tiżdied. L-internet mimli siti li jagħtu l-pariri lill-irġiel kif iqabbżu l-muskoli addominali – is-sinjal l-aktar riċenti ta’ maskulinità ideali. Id-diskussjoni li dawn is-siti joħolqu fost l-utenti rġiel tixhed mhux biss l-interess li hawn imma wkoll l-intensità u s-serjetà li biha tittieħed it-trobbija tal-muskoli addominali. Xi ħadd jargumenta li biex itella’ l-famuż six pack raġel jeħtieġ sena, ħaddieħor imeri u jgħid li hu rnexxielu f’sitt xhur, ieħor tal-idea li dan kollu jiddependi minn kemm xaħam hemm fil-ġisem ... u d-diskussjoni ttul u ttul.
Fost il-mistoqsijiet l-aktar komuni li l-irġiel jibagħtu lil siti tal-ġmiel maskili hemm: kif wieħed jista’ jħaxxen xagħru biex ma taqax, kif wieħed għandu jevita li wiċċu jitkemmex u kif l-aħjar li wieħed ineħħi l-pil pubiku mingħajr ma jbati ħruq jew ħakk. Allura l-mistoqsijiet li dak il-ġuvni jindirizza lit-tfajla miexja bil-kamera moħbija quddiemha jieħdu sinifikat ikbar: ir-raġel li għandu fih taħlita tal-irġulija tradizzjonali li tħoss li għandha kull dritt tinvadi, u dik aktar riċenti (forsi) li xorta waħda tqis li għandha dan id-dritt iżda fl-istess waqt, mingħajr ma trid, qiegħda tesprimi ansjetà li aktarx tinħass aktar f’xenarju urban jekk mhux metropolitan.
X’inhu li jħoss ġo fih dak il-ġuvni meta jara li t-tfajla li ried jistad (bil-mod żbaljat imma b’dak biss jaf) tibqa’ miexja u ddur ma’ waħda mill-eluf ta’ kantunieri ta’ New York?
B’ebda mod ma jien nipprova nnaqqas mill-iskumdità ta’ dawk il-ħafna nisa li ta’ spiss isibu rwieħhom f’sitwazzjoni bħal din – u anki agħar – bħalma b’ebda mod ma jien nipprova niskuża l-imġiba ta’ min, bla ebda konsiderazzjoni, jaħseb li għandu dritt fuq ħaddieħor. Imma tassew, taħt il-faċċata ta’ qawwa u poter jaf hemm ir-rogħda tal-inċertezza u l-biża’ mill-falliment. Wara kollox din l-imġiba hija forma oħra ta’ bulliżmu u llum sirna nħarsu lejn dan bħala, fl-aħħar mill-aħħar, manifestazzjoni ta’ inċertezzi u ansjetajiet aktar milli ta’ saħħa.