Lagħbu bil-goff ma’ Gough

Dawn huma stejjer li seħħew anke sa riċenti fil-qalba tal-Ewropa fejn id-demokrazija suppost fjorixxiet

Gough Whitlam miet, iżda l-memorja tiegħu u t-tagħlima tiegħu jibqgħu ħajjin għal dejjem
Gough Whitlam miet, iżda l-memorja tiegħu u t-tagħlima tiegħu jibqgħu ħajjin għal dejjem

Snin ilu kont ktibt artiklu jismu “Lagħbu bil-goff ma’ Boff.” Kien jirrigwarda l-mod kif il-Knisja kienet issilenzjat lis-saċerdot Leornado Boff għat-teoriji tiegħu dwar il-politika Latina. Fost oħrajn dik li tissejjaħ it-teoloġija tal-liberazzjoni li kienet saħansitra tippermetti l-użu tal-vjolenza kont it-tirranija u l-inġustizzji soċjali.

L-Amerika Latina hija miżgħuda b’dawn ix-xorta ta’ eżempji. Kull meta jfeġġ xi politiku li jkun qiegħed jipprattika s-sewwa u qiegħed jirfes il-kallijiet tal-interessi kapitalistiċi tal-Istati Uniti jew tal-barunijiet lokali dejjem jispiċċa ħażin. Jista’ jkun anke qassis bħal Oscar Romero. Salvador Allende li kien tabib u umanista għaliex ried li joħroġ lill-bdiewa u lill-poplu Ċilen mis-saram li kienu fih spiċċa litteralment ibbumbardjat fil-palazz Presidenszjali tiegħu u kellu joqtol lilu nnifsu b’kalshkinov li kien tah bħala rigal Fidel Castro.

Fil-pajjiżi fqar il-kolpi ta’ stat huma xi ħaġa ta’ kuljum. Ma jgħaddix xahar li ma nisimgħux li seħħ kolp ta’ stat fejn hemm il-faqar u l-inġustizzji soċjali. Ħafna drabi dawn ix-xorta ta’ tneħħijiet bil-forza ta’ politiċi li jkunu eletti demokratikament naħsbu li jsiru biss f’dawk il-pajjiżi fejn ngħidu li m’hemmx demokrazija. Iżda dan mhux minnu għaliex dawn anke jseħħu f’dawk il-pajjiżi fejn suppost hemm id-demokrazija.

Dawn huma stejjer li seħħew anke sa riċenti fil-qalba tal-Ewropa fejn id-demokrazija suppost fjorixxiet. Ftit tas-snin ilu tneħħew politiċi eletti demokratikament biex flokhom tqiegħdu oħrajn li l-anqas biss ħarġu għall-elezzjoni. Pereżempju fl-Italja Silvio Berlusconi “tneħħa” b’dan il-mod biex floku laħaq Mario Monti li ma kienx elett mill-poplu biex xorta ma għamel xejn. Jiena ma għandi ebda simpatiji ma’ Berlusconi, iżda dik li tbagħbas mad-demokrazija għaliex hekk tiddetta l-ekonomija hija għalija forma oħra ta’ kolp ta’ stat.

Ftit tal-jiem ilu miet Gough Whitlam. Gough kien Prim Ministru tal-Awstralja fil-bidu u f’nofs is-sebgħinijiet. Kellu programm soċjali li l-Awstralja qatt ma kienet rat bħalu. Neħħa l-lieva, introduċa sistema ta’ kura tas-saħħa b’xejn u edukazzjoni terzjarja b’xejn. Izda ma setax jiggverna. Il-Konservattivi bdew joħolqulu kull ostaklu possibbli, kif jafu jagħmlu kullimkien meta jkun hemm Amministrazzjoni Laburista. Gough Whitlam għamel minn kolox biex il-Gvern tiegħu jibqa’ ħaj. Irnexxa darba sakemm dak li kien pjanat seħħ.

L-Awstralja għadha sal-lum Monarkija Parlamentari u għad għandha Gvernatur. Il-Gvernatur ta’ dakinhar ħa deċiżjoni li sal-lum għadha kontroversjalil. Neħħa lil Gough Whitlam bil-poteri li tagħtiha l-Kostituzzjoni. Talab lill-Kap tal-Oppożizzjoni tal-partit Konservattiv ta’ dak iż-żmien biex jieħu post Gough Whitlam u hekk ġara. 

L-uniku ħtija ta’ Gough Whitlam kienet li biex iwettaq il-progett soċjali tiegħu kien se jirfes il-kallu ta’ min għandu flus għaliex bilfors ried iżid it-taxxi. Bħal Salvador Allende b’differenza waħda: filwaqt li lill-allendi neħħew bil-kanuni, lil Whitlam ħallewh ħaj u tneħħa bl-eleganza ta’ iljunfant li jipprova jiżfen il-ballet! Hija storja antika li kull min ikollu programm b’saħħtu hemm ċans tajjeb li jkollu jitlaq jew jitneħħa. Kemm jekk fl-Amerika Latina u kemm jekk f’xi pajjiż li jgħid li hu demokratiku.

Gough Whitlam miet ftit tal-ġimgħat ilu. Minkejja kollox baqa’ bniedem maħbub u f’qalb in-nies. Meta smajt bil-mewt tiegħu ma stajtx ma niftakarx f’Dom Mintoff li bħal Gough Whitlam fis-sebgħinijiet kellu programm soċjali. Iżda Dom Mintoff irnexxielu jwettqu. Fl-ewwel erba’ snin tal-Amministrazzjoni tiegħu anke f’Malta kellna Gvernatur li bħal dak Awstraljan kellu poteri residwali u kien Ingliż li kien jismu Sir Maurice Dorman.

Dom Mintoff ra fil-bogħod u ħa l-passi kollha meħtieġa biex ma jiġrilux bħal Gough Whitlam. Fost l-ewwel li għamel neħħa lil Sir Maurice Dorman, li bħala Gvernatur Ingliż m’għandi ebda dubju li aktar kien iħoss qrib il-kuruna milli lejn il-poplu Malti. Dom Mintoff xamm x’seta’ jiġrilu iżda kien determinat li dan ma jiġrix. Floku għamel lil Sir Anthony Mamo li għalkemm talinqas kien Malta xorta kien qiegħed jirrapreżenta lill-Kuruna Ingliża. 

Dom Mintoff ried li kull rabta li kien hemm mal-Kuruna tispiċċa għal kollox biex kull possibbiltà ta’ ndħil bl-iskuża ta’ poteri Kostituzzjonali jispiċċa għal kollox. Kien għalhekk li fl-1974 Malta saret Repubblika. Wieħed irid jiftakar li bi Gvernatur u bil-preżenza tal-militar Ingliż f’Malta kollox seta’ jigri. Gorg Borg Oilvier kien daq parti minn din l-esperjenza wara li Malta kienet ħadet l-Indipendenza tant li darba minnhom saħansitra qata’ l-provista tad-dawl lill-bażijiet militari.

Gough Whitlam miet, iżda l-memorja tiegħu u t-tagħlima tiegħu jibqgħu ħajjin għal dejjem. 

More in Blogs