Is-Servizz Pubbliku li neħtieġu

Jekk se naqbdu t-triq li biex tokkupa kariga pubblika jrid ikollok it-tessera tal-partit fil-gvern, inkunu qbadna triq diżastruża li żgur ikollha konsegwenzi negattivi fuq il-futur tal-pajjiż

Bremer kien ukoll ta l-ordni sabiex kull min kien membru tal-partit Baath ta’ Saddam jitkeċċa mis-servizz pubbliku
Bremer kien ukoll ta l-ordni sabiex kull min kien membru tal-partit Baath ta’ Saddam jitkeċċa mis-servizz pubbliku

L-istorja mimlija b’eżempji. Meta spiċċa l-Imperu Biżantin fl-1453 bil-waqgħa ta’ Kostantinopli, l-amministrazzjoni Ottomana baqgħet iddominata għal sekli sħaħ mill-Griegi. Kien biss wara l-Gwerra ta’ Indipendenza Griega fl-1821 li l-griegi ma’ baqgħux aktar fdati. Wara l-waqgħa tar-reġim faxxista u dak nażista fl-1945, bosta, forsi wisq, mill-membri taċ-ċivil baqgħu jokkupaw il-karigi li kellhom. Adattaw għall-ambjent politiku ġdid u l-karriera tagħhom baqgħet miexja. Spiss saret kritika għaliex l-istrutturi pubbliċi ma ġewx imnadfa mill-kollaboraturi kollha ta’ dawn ir-reġimi ripressivi. Kien hemm min pappiha taħt il-faxxisti u baqa’ jpappiha, jew pappa aktar, fid-demokrazija. L-eżempju ta’ Kurt Waldheim huwa pjuttost klassiku : minkejja li hemm ħafna dubji dwar ir-rwol tiegħu fl-armata tedeska matul it-Tieni Gwerra Dinjija u l-ħabi tiegħu fir-rigward, Waldheim spiċċa segretarju-ġenerali tal-Ġnus Magħquda kif ukoll president tal-Awstrija.

L-istorja ukoll tagħtina eżempji fejn il-ħakkiema l-ġdida ma’ mxewx bl-istess kawtela u kinsu l-ancien regime bl-għeruq u xniexel. Meta waqa’ Saddam Ħussein fl-2003, Paul Bremer mexa ferm differenti min kif imxew l-amministraturi ċivili u militari fil-Ġermanja u fl-Italja ta’ wara l-gwerra. Bl-Ordni numru 2 tat-23 ta’ Mejju 2003, Bremer xolja l-armata iraqina u 400,000 suldat spiċċaw bla xogħol u bla paga. Bosta minn dawn spiċċaw is-sinsla tal-irvell sunnita li ffrustra għal ħafna snin l-isforzi amerikani sabiex jikkwietaw lill-Iraq. Jingħad ukoll li l-Istat Iżlamiku huwa miżgħud b’ex-uffiċjali u ex-suldati tal-armata ta’ Saddam. 

Bremer kien ukoll ta l-ordni sabiex kull min kien membru tal-partit Baath ta’ Saddam jitkeċċa mis-servizz pubbliku. Bosta għalliema spiċċaw bla xogħol fil-waqt li ħafna membri taċ-ċivil tniżżlu fil-grad. Din il-politika ħolqot kaos kbir u tefgħet il-ħatab fuq in-nar ta’ l-irvell sunnita u minħabba f’hekk, ġiet revokata f’Jannar 2008. 

Din il-kolonna spiss stqarret li min jinjora l-istorja, jagħmel hekk b’riskju għalih. Nhar il-Ħadd li għadda s-segretarju permanenti prinċipali, is-sur Mario Cutajar stqarr f’intervista li ta li fis-settur pubbliku, kien hemm u għad hemm il-ħtieġa li karigi, presubilment ta’ ċertu livell, jimtlew minn persuni ta’ fiduċja u dan peress li l-gvern attwali kien ilu ħamsa u għoxrin sena fl-opposizzjoni. Dan qalu wara li l-Ombudsman, il-Prim’Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino kkritika l-prattika li qiegħda ssir dejjem aktar mifruxa, anke taħt il-gvern preċedenti, li jinħatru persuni ta’ fiduċja fir-rapport tiegħu, l-Ombudsplan 2015. 

L-Ombudsman kien pjuttost suċċint fil-kummenti tiegħu : “Tradizzjonalment id-dritt amministrattiv f’Malta segwa mill-qrib dak Anglo-Sassonu li jqis is-servizz ċivili bħala ħolqa vitali fil-katina bejn amministrazzjoni u oħra. Kien allura ikkunsidrat servizz rigorożament apolitiku u l-impjegat pubbliku kien mistenni jagħti l-istess servizz b’korrettezza u lealtà ikun min ikun fil-Gvern. Dan ma jfissirx li l-Gvern tal-ġurnata m’għandux id-dritt li jkollu nies ta’ fiduċja tiegħu li jfasslu u jassiguraw it-twettiq tal-politika espressa fil-programm elettorali li fuqu ngħata l-mandat biex jamministra l-pajjiż. Iżda għal ħafna żmien kien ikkunsidrat li dawn in-nies, li spiss ikunu ingaġġati b’kuntratt minn barra s-servizz pubbliku u magħżula direttament mill-Ministru, ikunu numru ristrett li jifformaw il-qalba tas-segretarjat u impjegati oħra li jassistu direttament lill-Ministru fil-qadi tad-doveri tiegħu. Jidher però li, f’dawn l-aħħar snin, il-linja ta’ demarkazzjoni bejn dak li hu ingaġġ ta’ uffiċjali fis-servizz ċivili u l-uffiċjali fis-servizz tal-Ministeru qiegħda kull ma tmur tisfuma. Eżekuttiv wara l-ieħor qegħdin kull ma jmorru jaddottaw politika li jagħmlu ħatriet b’mod dirett ta’ persuni biex jamministraw taqsimiet ta’ Dipartimenti jew Awtoritajiet biex jassiguraw li l-policies tal-Gvern jiġu mwettqa. Ħatriet dawn li spiss ma humiex limitati għal l-ogħla karigi fl-Amministrazzjoni Pubblika imma ukoll f’karigi inferjuri. Hija l-fehma tal-Ombudsman li meta ħatriet bħal dawn ma jibqgħux każijiet iżolati u eċċezzjonali iżda jsiru b’mod regolari, kważi parti mill-istil tal-Eżekuttiv, jingħata lok inevitabbliment għal sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ trasparenza u diffikultà ta’ kontabilità. Dan proprju għaliex dawn il-ħatriet isiru b’mod dirett mingħajr ebda sejħa għall-applikazzjonijiet, b’kundizzjonijiet ta’ servizz mhux dejjem magħrufa u għal kollox barra mill-proċeduri stabbiliti għall-ingaġġ ta’ persuni fis-servizz pubbliku fil-Kostituzzjoni, liġijiet u regolamenti applikabbli...” L-Ombudsman ma setgħax jesprimu ruħu aħjar. Li ma semmiex hu li meta ħatriet fis-servizz pubbliku jimtlew direttament mingħajr ma tintuża l-proċedura stabilita fl-artiklu 110 tal-Kostituzzjoni, tali prattika żgur tiddemoralizza lill-uffiċjali pubbliċi li jkunu qed jaqdu dmirhom lealment. 

L-Ombudsman irrakkomanda ukoll li “għandu jiġi assigurat li kull sistema ta’ ingaġġ fis-servizz pubbliku, kemm f’dak li hu servizz ċivili fis-sens tradizzjonali tal-kelma, kif ukoll fis-servizz tal-Awtoritajiet Pubbliċi għandu jkun għal kollox trasparenti, soġġett għal regoli ċari u univoċi..” Stqarr ukoll li “l-Ombudsman kellu diġà l-opportunità li jesprimi ruħu f’investigazzjonijiet li saru taħt l-Amministrazzjoni preċedenti u li wassluh biex jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ definizzjoni ċara ta’ x’inhuma l-limiti tal-hekk imsejjħa ‘positions of trust’. Jidher li anke sa minn dak iż-żmien, l-Eżekuttiv seta’ kien qiegħed jutilizza din il-formula biex jagħmel ħatriet li jidher li jistgħu jmorru lil hinn minn dak li l-liġi, r-regolamenti u issa d-direttivi tal-Unjoni Ewropeja eċċezzjonalment jippermettu fir-rigward ta’ impjiegi għal żmien definit.”

Għandu jiġi assigurat li kull sistema ta’ ingaġġ fis-servizz pubbliku għandha tkun għal kollox trasparenti

Fl-opinjoni tal-Ombudsman “hu aċċettabbli li l-Amministrazzjoni tassigura li f’ċerti pożizzjonijiet vitali ta’ tmexxija taħtar nies ta’ fiduċja biex, sakemm tkun fil-gvern tassigura t-twettiq tal-policies tagħha. Però apparti d-distinzjoni li teħtieġ li ssir bejn assenjazzjoni leġittima ta’ doveri lill-uffiċjali diġà fis-servizz pubbliku u ħatriet minn barra s-servizz, hu ovvju li t-twessiegħ tad-definizzjoni ta’ ‘position of trust’ tista’ twassal għall-allegazzjonijiet ta’ abbuż u diskriminazzjoni improprja f’dan il-qasam...

Wieħed ifakkar li essenzjalment il-ħatriet ta’ uffiċjali pubbliċi u oħrajn hu regolat inter alia fil-Kostituzzjoni fl-Artikolu 110 li jipprovdi għall-proċess li jinvolvi l-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku maħsub biex jassigura li ma jkunx hemm abbuż u li l-ħatriet isiru b’mod ġust. Dan apparti li s-subinċiż 6 tal-istess Artikolu jipprovdi li “Dħul f’impjiegi ma’ kull korp stabbilit bil-Kostituzzjoni jew b’xi liġi jew taħt xi liġi oħra, u ma’ kull soċjetà jew korp ieħor li fih il-Gvern ta’ Malta, jew xi korp kif intqal qabel, ikollhom sehem biżżejjed biex jikkontrollaw jew li fuqu jkollhom kontroll effettiv, għandu, kemm-il darba dak id-dħul ma jkunx sar wara eżami pubbliku li jkun ġie avżat kif imiss, isir permezz tas-servizz għall-impjegar kif provdut mis-subartikolu (2) ta’ dan l-Artikolu...Din ukoll hi materja ta’ importanza u ta’ interess pubbliku li timmerita li tiġi dibattuta fl-ogħla Istituzzjoni tal-pajjiż.”

Għażilt li nikkwota fit-tul mir-rapport tal-Ombudsman għax jidhirli li ma setax janaliza s-sitwazzjoni f’mod aktar preċiż u jitfa dawl fuq sitwazzjoni fis-servizz pubbliku li jidher li sejra għall-agħar. Ma huwa xejn sodisfaċenti li l-uffiċjal pubbliku l-aktar għoli jirrispondi għat-twissijiet ċari tal-Ombudsman li ċertament saru fl-interess pubbliku bi stqarrija pjuttost superfiċjali li nies ta’ fiduċja dejjem kienu u għadhom meħtieġa. Jekk kien hemm tendenza taħt l-amministrazzjoni preċedenti li jiġu appuntati aktar persuni ta’ fiduċja f’posizzjonijiet fejn tali nomini ma kienux strettament meħtieġa, kif indubbjament qed jimplika l-Ombudsman fir-rapport tiegħu, l-Eżekuttiv, hu min hu fil-gvern, għandu jindirizza tali tendenza preokkupanti u m’hux ikompli bl-istess prassi bl-iskuża li dak li qed jagħmel kien qed isir taħt il-gvern preċedenti.

Wieħed irid joqgħod attent u l-Ombudsman kien ċertament preċiż fil-mod kif tkellem (indubbjament il-formazzjoni legali tiegħu kienet t’għajnuna kbira fir-rigward). Bil-ħajja dejjem issir aktar kumplessa, wieħed m’għandhux jiskanta li s-servizz pubbliku jimpjega nies barra mis-servizz sabiex jimla l-karigi fi ħdanu. Din m’hix xi ħaġa pekuljari għal Malta : Mark Carney sar Gvernatur tal-Bank of England wara li kien il-gvernatur tal-Bank of Canada u l-gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Iżrael kien imsemmi bħala suċċessur ta’ Ben Bernanke bħala kap tal-Federal Reserve. M’għandna nieħdu l-ebda skandlu jekk nies esterni jinħatru f’karigi delikati u mpenjattivi. Imma huwa essenzjali li l-proċess ta’ ħatra jkun wieħed trasparenti għal aħħar, skond in-normi kostituzzjonali u intiż sabiex jintgħażel l-aktar kandidat adattat, irrispettivament mit-twemmin reliġjuż jew politiku tiegħu jew il-kulur ta’ ġildu.

Malta hija żgħira wisq biex tkun tista’ taffordja li fis-servizz pubbliku nies ta’ partit jew ieħor ikunu mbarrati milli jokkupaw posizzjoni minħabba t-twemmin politiku (jew apolitiku) tagħhom. Jidher li s-sur Cutajar ma ndunax li raġuni mportanti li gvern Nazzjonalista dam daqshekk fil-poter kien il-fatt li karigi pubbliċi mportanti kienu spiss jimtlew min-nies m’hux tal-kulur tiegħu u dana minkejja l-kritika li kien jirċievi mill-istess sostenituri tiegħu. U jekk niġu għal dan, anke fl-amministrazzjonijiet preċedenti Laburisti, bosta kienu n-Nazzjonalisti li okkupaw karigi importanti u qdew dmirithom b’lealtà. Jekk se naqbdu t-triq li biex tokkupa kariga pubblika jrid ikollok it-tessera tal-partit fil-gvern, inkunu qbadna triq diżastruża li żgur ikollha konsegwenzi negattivi fuq il-futur tal-pajjiż.

Segwini fuq Facebook jew fuq Twitter @ellisjoseph biex taġġorna ruħek b’dak li qed jiġri fid-dinja ta’ madwarna.

More in Blogs