"Dan l-inċident kien manna mis-sema għall-Oppożizzjoni"
Il-biża’ li “ninqabdu” hija l-kawża tad-defiċjenza f’kull amministrazzjoni pubblika
Hemm min qed iħossu diżgustat u hemm min qiegħed jieħu pjaċir. Qiegħed nirreferi għal inċident tal-isparatura tal-eks xufier tal-Ministru Manwel Mallia. Min tassew irid li dawn l-affarijiet ma jiġrux u ma jibqgħux jiġru huwa diżgustat. Wieħed minn dawk li huma diżgustati kien mingħajr tlaqliq ta’ xejn il-Prim Ministru. Għandu raġun.
Ma kienx jonqos li l-Oppożizzjoni tagħmel kapital politiku minnha. Kif kelli l-okkażjoni ngħid fuq il-mezzi tax-xandir kull fejn kont mistieden, dan l-inċident kien manna mis-sema għall-Oppożizzjoni. Dan l-inċident mhux biss serva ta’ ammunizzjoni jekk mhux ukoll ta’ arsenal politiku, iżda kien l-aqwa devjazzjoni li seta’ jkun hemm biex id-diskussjoni nazzjonali ma tibqax iffokata fuq il-baġit. Iżda din hija l-politika.
Mingħajr ma rrid naħsad lil ħadd, jiena ma kontx wieħed minn dawk li nħsadt. F’sens tajjeb ovvjament u mhux f’sens ħażin. Mhux għax ħadt pjaċir bl-inċident, mhux għaliex jiena naqbel ma’ dan ix-xorta ta’ aġir, iżda għaliex intbagħat messaġġ importanti lil kulħadd. Mhux f’sens wieħed iżda f’diversi sensi. Intbagħat messaġġ li għad hemm ħafna xi jsir biex il-mod kif jiġru l-affarijiet tal-Istat ikunu trasparenti. Il-biża’ li “ninqabdu” hija l-kawża tad-defiċjenza f’kull amministrazzjoni pubblika.
Niftakar qisu kien ilbieraħ, x’kien qal il-Prim Ministru Lawrence Gonzi meta b’kumbinazzjoni tgerbibna fuq iż-żieda tal-onorarja. F’mument minnhom fil-Paralment instema’ jgħid “Qabbduna!” Bħal meta l-omm taqbad lil binha ż-żgħir li bil-moħbi qiegħed ibill subgħajh fil-bott tal-ġamm u li meta jinqabad bil-ġamm imċaflas ma’ ħalqu jiċħad dak li qiegħed jagħmel u jekk ukoll ma jwaħħalx f’ħaddieħor. Il-biża’ li ninqabdu ġġegħelna nagħmlu affarijiet li wara jiddispjaċina li għamilniehom. Fil-paniku li naħbu l-verità jsiru aktar żbalji.
M’hemm ebda dubju li min żbalja jrid iwieġeb. Fuq nota pożittiva, il-partiti politiċi kollha qegħdin jaqblu fuq dan u ma neħodha xejn bi kbira li wara l-inkjesta se jkun hemm xi ras jew tnejn li jitgerbu. M’hemmx qbil, dwar il-mod kif għandna naslu għal dawk responsabbli. Hemm dawk li jgħidu li l-Ministru u dawk ta’ taħtu għandhom idabbru rashom mill-ewwel. Filwaqt li hemm min jargumenta li għandha tkun inkjesta li tistabilixxi r-responsabbilità.
Jidhirli li l-anqas fuq il-mod m’għandu jkun hemm differenza. Meta kien ħareġ li s-segretarju personali ta’ Tonio Fenech kien ixxaħħam biex jagħmel pjaċir fi ħlas ta’ xi taxxi, tant li anke nstab ħati ta’ tixħim mill-aħwa Montebello, li isimhom kien diġà marbut sfieq mal-Ministru, din id-diskussjoni wkoll qamet. Forsi mhux bl-istess qawwa ta’ issa għalkemm dak li ġara kien ukoll gravi.
Dakinhar, sa fejn jirrigwarda lil Tonio Fenech, il-biċċa waqfet hemm għaliex intqal li hu kien mar minn jeddu għand il-Kummissarju tal-Pulizija. X’kien eżatt l-eżitù ħadd ma jaf sewwa, iżda milli jidher il-Kummissarju tal-Pulizija ta’ dak iż-żmien kien kuntent b’dak li qallu Tonio u dan mingħajr qatt ma sirna nafu x’xorta ta’ investigazzjonijiet saru dakinhar. Mingħajr ma kien hemm xejn pubbliku, Tonio Fenech jidher li ħareġ “maħsul” mill-bieb tad-depot! Fil-fehma tiegħi stil għal kollox Biżantin!
Joħroġ ċar, li dakinhar li ħafna bdew jitolbu r-riżenja ta’ Tonio Fenech, il-Ministru ħass li qabel jiddeċiedi jekk għandux jirriżenja kellu jmur quddiem xi awtorità biex tiġġudikah. Dakinhar kienet standard li kulħadd imur għand il-Kummissarju tal-Pulizija kull meta xi politiku jkun qiegħed jiġi akkużat b’xi skorettezza. Il-Kummissarju tal-Pulizija kien qisu l-prim konfessur tal-politiċi li kienu fil-Gvern. Tmur għandu, jisimgħek u jagħtik l-assoluzzjoni. Toħroġ mingħandu b’ċertifikat ta’ ndafa u kollox kien jieqaf hemm.
Għalhekk ma nistax nifhem il-kritika li qiegħda ssir mill-Oppożizzjoni. Illum, flok il-Kummissarju tal-Pulizija, hemm inkjesta magħmula minn tliet imħallfin li żgur ħadd ma għandu xejn xi jgħid fuqhom. Mhux bniedem waħdu f’xi kamra fid-Depot tal-Furjana se jinvestiga l-każ tal-isparatura, iżda tlieta minn nies li servew fuq il-bank tal-ġudikatura għal snin sħaħ. Ix-xogħol dejjem kien li toħroġ il-verità, hi x’inhi.
Tlieta li għaddew ħajjithom jiġġudikaw lill-mijiet ta’ nies se jiskrutinaw mhux biss dak li jridu jgħarblu, iżda żgur li hemm aktar trasparenza. Kważi kważi nistaqsi jekk dawn ix-xorta ta’ inkjesti għandhomx isiru pubbliċi bħalma jiġri fl-Amerka kull meta jkun hemm kontroversji ta’ din ix-xorta. Id-destin politiku ta’ dawk kollha li missew ma’ dan l-inċident huwa marbut mal-konklużjonijiet ta’ din l-inkjesta.
Iżda hemm aspetti oħra għal din l-istorja li għandhom għalfejn jinkwetawna. L-aspett ta’ sistemi li jippermetti informazzjoni li tiskula għand politiċi oħrajn biex ikollhom munizzjon politiku. Hi x’inhi s-sistema, informazzjoni li suppost tibqa’ għand il-Gvern għandha tibqa’ hemm jekk ma tkunx għal konsum pubbliku. Li jinkwetani mhux li telefonati li saru internament saru pubbliċi, għax sabu triqithom f’idejn politiċi. Li kieku kienet l-istampa li ħarġet bihom ma kontx ninkwieta daqstant għaliex l-istampa mhux suppost għandha aġenda moħbija. Li jinkwetani hu li spiċċaw għand l-Oppożizzjoni!
Dan ifisser li internament fl-istituzzjonijiet hemm min qiegħed jaħdem politikament billi jgħaddi informazzjoni mhux bi skop li l-pubbliku jkun infurmat, iżda biex jagħti vantaġġ politiku lill-forzi politiċi li sa ftit ilu kienu sfiduċjati għal komportament tagħhom meta kienu fil-Gvern. Tgħaddi informazzjoni lil min sa ftit ilu, mhux mhux biss ma kienx ix-xempju ta’ korrettezza anzi li kien l-antitesi tagħha. L-istess ħaġa jista’ jingħad għall-għibien tar-rapport dwar l-inċident, li kellu indikazzjoni ċara li l-“Iskoċċiz” kellu erba’ darbiet aktar mil-livell ordinarju ta’ alkaħol fih!
Dawn kollha huma defiċjenzi li juru kemm hija fjakka s-sistema li għandna. Din hija sistema li tista’ faċilment tkun politiċizzata.