L-iħirsa ta’ Nixon u Profumo

Jekk ħamsin, erbgħin sena ilu kien diġà diffiċli li wieħed jgħatti xturu, illum sar verament diffiċilissimu, jekk mhux, impossibli

Fid-diskors tal-baġit tal-Kap tal-Oppożizzjoni u fir-replika tal-Prim Ministru, kien ċar li t-tnejn li huma aktar kienu qed jindirizzaw il-pubbliku televiżiv milli l-kollegi parlamentari tagħhom. L-arja kienet mimlija b’akkużi u kontro-akkużi bl-użu ta’ diskors bħal “giddieb” u “ipokrita” u forsi anke agħar minn hekk għax ma segwejtx id-diskorsi kollha. Interessanti li dan il-lingwaġġ jintuża mingħajr iċ-ċensura mis-sedja, u dan anke peress li ħadd mid-deputati ma talabha, meta l-Parlament tagħna jsegwi t-tradizzjoni ta’ Westminster. Tali lingwaġġ mhuwiex aċċettabli fil-Commons u wieħed ikollu jirrikorri għal diskors aktar meqjus sabiex jittrażmetti l-istess akkuża.

Dan jista’ jkun ir-riżultat tal-fatt li d-distinzjoni bejn il-platea parlamentari u z-zuntier tal-pjazza fejn qabel kienu jiltaqgħu l-irġiel wara l-quddiesa tal-Ħadd, qiegħda dejjem tispiċċa. Illum flok iz-zuntier għandna l-mezzi soċjali u l-blogs tal-ġurnali fejn kulħadd itellaq biex juri għerfu u fejn spiss id-diskussjoni tispiċċa żurżieqa ta’ tgħajjir u skambji bla sustanza ta’ xejn. Jidher li f’dinja fejn is-‘sound bite’ tal-politiku hija spiss aktar importanti mis-sustanza tal-proposta politika, anke l-Parlament qiegħed jittieħed mill-atmosfera tal-mezzi soċjali u l-portali tal-ġurnali.

Jekk nerġgħu nieħdu l-eżempju tar-Renju Unit u l-Parlament ta’ Westminster, mhux talli wieħed ma jistax jgħajjar lill-kollega tiegħu bħala “giddieb” imma lanqas ma wieħed jista’ jigdeb fl-awla. Il-gideb fil-Parlament huwa meqjus bħala nuqqas verament serju. Xi erba’ snin ilu kont ktibt f’dawn il-kolonni dwar l-iskandlu kbir ta’ Jack Profumo, il-ministru tad-difiża tar-Renju Unit li fl-1963 kellu jirriżenja minn ministru u minn deputat wara li ammetta li kellu relazzjoni extrakonjugali ma’ Christine Keeler minkejja li fil-Commons kien stqarr li ma kien hemm xejn mhux f’loku fir-relazzjoni ta’ bejniethom. Meta intwera li dak li ntqal fil-Parlament ma kienx minnu, Profumo kellu jitlaq il-ħajja pubblika u qatta’ l-aħħar ħamsa u għoxrin sena ta’ ħajtu jwettaq xogħol volontarju f’Toynbee Hall, istituzzjoni miftuħa għall-aktar residenti fqar tal-East End ta’ Londra. Profumo patta għal ‘dnubietu’ jnaddaf il-latrini sakemm irrijabilita ruħu, laħaq kap ta’ Toynbee Hall u anke kien mistieden għall-festin t’għeluq it-tmenin sena ta’ Margaret Thatcher.

Bħalma f’demokrazija parlamentari mhux aċċettabli li wieħed jigdeb lir-rappreżentanti tal-poplu, anqas u anqas mhu aċċettabli li politiku jiżvija l-opinjoni pubblika jew agħar. Il-mezzi tax-xandir dejjem kellhom irwol importanti x’tilgħab sabiex iżżomm l-organi tal-istat fuq ponot subgħajhom. Mhux ta’ b’xejn tissejjaħ ir-raba’ fergħa tal-istat, ‘the fourth estate’, minħabba l-mod kif iżżomm l-eżekuttiv, il-leġislatura u l-ġudikatura taħt skrutinju kontinwu. L-irwol tal-istampa kien kruċjali sabiex jinkixef il-gideb ta’ Jack Profumo bħalma kienet l-istampa, u partikolarment, il-Washington Post, li għaxar snin wara kkundannat lil Richard Nixon għall-ispjunaġġ li ppruvaw iwettqu r-Repubblikani fil-kwartier demokratiku f’Watergate fil-kampanja presidenzjali tal-1972. Wara saga ta’ bosta xhur li matulha ħarġet biċ-ċar il-konnessjoni bejn l-individwi li daħlu illegalment f’Watergate u uffiċjali tal-amministrazzjoni ta’ Nixon u tal-Kumitat għar-Rielezzjoni tiegħu u bil-Kungress jhedded l-‘impeachment’ tiegħu minħabba l-mod kif prova jgħatti l-iskandlu, Nixon kellu jirriżenja minn President; l-unika darba li president Amerikan kellu jirriżenja.

Jekk ħamsin, erbgħin sena ilu kien diġà diffiċli li wieħed jgħatti xturu, illum sar verament diffiċilissimu, jekk mhux, impossibli. Qegħdin ngħixu fl-era diġitali fejn kull ċittadin iġorr miegħu mobile b’camera magħha u jista’ jieħu r-ritratti u l-filmati li jidhirlu. Mhux talli hekk, talli jista’ jaqbad u jippubblika l-materjal fuq il-mezzi soċjali mingħajr il-ħtieġa li jgħaddi minn xi intermedjarju jew xi filtru. Qabel l-avvent tal-era diġitali, editur ta’ ġurnal seta’ jikkondizjona l-opinjoni pubblika b’dak li jagħżel li jippubblika jew li ma jippubblikax. Min ikun l-oġġett ta’ spekulazzjoni fil-pubbliku, seta’ jhedded li jieħu azzjoni illegali bħalma kien għamel Profumo, imma llum dan sar ferm aktar diffiċli. Il-media llum ma tistax tinjora dak li jidher fuq il-mezzi soċjali u fuq il-blogs individwali li ħafna drabi qed jispiċċaw jiddettaw huma l-aġenda pubblika. Biċ-ċirkulazzjoni tal-ġurnali stampati dejjem nieżla minħabba l-aċċess għall-aħbarijiet fuq l-internet, il-ġurnali m’għadhomx l-uniċi atturi fuq il-palk.

Dan mhux xi żvilupp partikolari għal Malta. Naraw f’pajjiżi oħra kif ġurnali diġitali bħall-Huffington Post iżidu fil-popularità tagħhom mentri ġurnali tradizzjonali bħall-Washington Post tilfu ħafna mill-valur tagħhom u nbiegħu bi prezz ferm baxx ħdejn dak li kienu jġibu sa ftit snin ilu. Barra l-fatt li kull individwu sar reporter u fotografu u editur, iktar ma jgħaddi ż-żmien aktar u aktar mill-attività pubblika ta’ kull wieħed u waħda minna qed tinqabad fuq il-kameras li qed dejjem ifaqqsu kull fejn iddawwar rasek.  

L-effett kumulativ tas-CCTV cameras u tal-miljuni ta’ smartphones li hawn jiġru fl-idejn hu li aktar ma jgħaddi żmien, ilkoll kemm aħna spiċċajna dejjem aktar taħt l-iskrutinju penetranti u pervażiv tal-kollettività. L-era ta’ Big Brother qiegħda tassew iżżernaq. Din il-ġimgħa kellna bosta eżempji ta’ dan il-fenomenu, kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna.

Is-Sibt tal-ġimgħa l-oħra, twettaq delitt atroċi ftit ’il bogħod minna, fir-raħal ta’ Santa Croce Camerina ħdejn Ragusa li żgur hu magħruf minn bosta Maltin li xtraw propjetà fil-kampanja apparentement trankwilla Ragusana. Tifel ta’ tmien snin instab mgħallaq, mitfugħ mingħajr qalziet ta’ taħt ġo kanal ħdejn mitħna antika. Naħseb li bosta minnkom rajtu x-xeni ta’ ommu apparentement isterika wara li skoprew il-katavru tiegħu. Imma l-verżjoni li ommu tat lill-investigaturi mill-ewwel bdiet tiġi ddubitata peress li l-kameras tal-iskola ta’ Loris ma rawhx dieħel is-Sibt filgħodu u ma kienx jidher fil-karozza tagħha kif stqarret ommu. Il-kameras qabdu wkoll il-karozza tal-omm f’post ħamsin metru ’l bogħod minn fejn instab il-katavru tiegħu meta hija suppost marret fil-kastell ta’ Donnafugata għall-kors tat-tisjir. Probabilment sa x’ħin tkunu qed taqraw din il-kolonna, l-omm tkun diġà ġiet arrestata.

Rajna ukoll din il-ġimgħa l-furur li qam l-Amerika wara li grand jury deherlu li ma kienx hemm lok li jakkuża lill-pulizjott li ġie ffilmjat jifga iswed Amerikan mhux armat li rreżista l-arrest minħabba li kien qed ibigħ sigaretti tal-kutrabandu. Mewt in diretta li tat lok għall-iskrutinju l-aktar komplet mad-dinja kollha imma l-grand jury mhux neċessarjament wasal għall-konklużjoni t-tajba. Rajna ukoll f’pajjiżna kif għaqdiet favur l-annimali żiedu l-pressjoni pubblika sabiex id-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali jibda azzjoni kriminali kontra min immaltratta annimali billi ppubblikaw filmati ta’ moħqrija ta’ annimali. 

Imma fuq kollox rajna kif verżjoni uffiċjali ta’ inċident serju ħafna li kien jinvolvi sparar b’arma tan-nar ġiet immedjatament skreditata b’ritratt ta’ bullet fil-fanal tal-karozza. Fi żminijiet oħra, forsi dik il-verżjoni uffiċjali kienet taqa’ taħt anqas skrutinju immedjat u kien ikollha aktar ċans li titwemmen. Jiena għaddejt mit-tunnel in kwistjoni fil-11 pm, rajt il-karozza fuq il-low-loader imma ħsibt li kien inċident tat-traffiku. Malli wasalt id-dar, stajt naqra l-verżjoni uffiċjali li ġew sparati tiri fl-arja imma ftit wara tfaċċa r-ritratt tal-bullet fil-fanal ta’ wara li faqa’ l-bużżieqa immedjatament, tant li l-istess Ministru tal-intern kellu jabbandunaha l-għada stess.

Meta wieħed iqis kif kull aspett ta’ ħajjitna qed jiġi rreġistrat viżwalment u mhux biss, wieħed ma jifhimx kif xi ħadd jipprova jikkundizzjona l-opinjoni pubblika b’verżjoni tal-fatti manifestament inveritiera. Hawn min donnu ma fehemx li fl-ambjent diġitali li qegħdin fih, sar kważi impossibli tgħatti x-xemx bl-għarbiel. Hawn min deher li mhux jgħid il-verità darba, tnejn, tlieta u żgur li tali żlealtà lejn il-poplu Malti għandha tattira ċ-ċensura l-aktar severa tal-opinjoni pubblika. Jekk min għandu jassumi r-responsabilità politika għal dan it-tradiment tal-patt fiduċjarju li għandu jkun hemm bejn l-elettur u l-elett jonqos li jeħodha, wieħed jistenna li s-soċjetà demokratika tkun matura u evoluta biżżejjed sabiex timponi tali ċensura konkretament. 

Il-Gvern għandu maġġoranza bla preċedent imma jinsab fi kriżi ta’ awtorità morali li ftit rajna bħalha, u li ċertament ftit stennew li sejra tiżviluppa f’punt daqshekk kmieni tal-leġislatura. Il-kwistjoni morali teħtieġ li tiġi indirizzata bl-aktar mod skjett u mingħajr biża li wieħed jammetti n-nuqqasijiet li twettqu. Dan jitlob l-akbar għaqal u umiltà imma fin-nuqqas, il-Gvern se jsib ruħu imbroljat nieżel bil-mod il-mod f’garigor li dejjem isir aktar dejjaq sakemm jasal f’kantina mudlama mingħajr ħruġ ta’ xejn. Il-pajjiż jeħtieġ gvern li kapaċi jieħu d-deċiżjonijiet li jeħtieġ il-pajjiż u mhux gvern li qed jegħreq fit-tajn tal-kwistjoni morali li jirnexxielu jżomm rasu ’il fuq biss billi jiggranfa mal-qasab tad-dawrien.

Segwini fuq Twitter @ellisjoseph jew fuq Facebook sabiex naqsmu dak li qed jiġri fid-dinja.

More in Blogs