Id-diversità tkompli żżewwaqna
L-Editorjal tal-Ħadd 7 ta' Diċembru
Il-Malti qed ikompli jiżżewwaq b’kulturi, kuluri, mentalità u sesswalità diversa. Id-diversità tinsab magħna u din ġiet bl-influss tal-immigranti irregolari, bl-influss mill-Ewropa tal-Lvant, sew dawk li jagħmlu parti mill-komunità Ewropea kif ukoll dawk il-bjondi li tħalltu fi żwieġ mal-irġiel Maltin u bl-influss tal-Asjatiċi li qed jinfiltraw fl-Ewropa kollha.
Iżda għaliex il-Malti jkompli jiżżewwaq? Għax wieħed irid jifhem li dak li ħafna jsejħulu Malti pur mhu xejn għajr dak li ilu jiżżewwaq eluf ta’ snin bit-taħlit mal-Feniċi, Franċiżi, Spanjoli, Ingliżi, Normanni, Kavallieri, Taljani u Għarab. Taħlit ta’ eluf ta’ snin fir-razza Maltija li jagħmilna qawsalla ta’ kuluri, min hu bjond u min hu ismar, min għandu xagħru qastni, iswed jew innukklat. Min hu għajnejh żoroq, ħodor, kannella jew suwed.
U hawn fejn kull wieħed minna jrid iżomm f’moħħu meta nitkellmu fuq kif l-Afrikani, l-Għarab, ir-Russi, Bulgari jew Rumeni qed joħonqu r-razza pura Maltija. Għax dak li qed inqisuh pur dejjem kien imħallat.
Il-globalizzazzjoni qed terġa’ toffrilna aktar taħlit u aktar ma jgħaddu s-snin, dawn l-hekk imsejħa immigranti irregolari se jkollhom ulied li jsiru regolari. Dawn inisslu l-ulied li jibdew jitħalltu mas-soċjetà tagħna fejn l-ewwel impatt tagħhom se jkun ma’ uliedna ‘l-puri’ fil-klassijiet tal-iskejjel.
It-tfal ma jitwieldu bl-ebda preġudizzju. Għalihom isfar, iswed, għajnejh imġebbda, jitkellem Malti mkisser inkella bil-velu jew le, huma tfal bħalhom, tfal li jidħku, jilagħbu, jibku u meta jaqtgħu subgħajhom demm aħmar joħroġ, hu x’inhu l-kulur tal-ġilda.
It-tfal fil-kulur tal-ġilda differenti jaraw biss diversità, qawsalla ħelwa li ssebbaħ il-klassi tagħhom. U hu hawn li l-edukaturi u l-ġenituri mid-djar tagħhom iridu jaħdmu u jgħallmu lil uliedhom li għandhom jaċċettaw lil min hu differenti minnhom, sew jekk hu mill-kulur tal-ġilda, sew jekk mir-reliġjon tagħhom, sew jekk hu mill-istil ta’ ħwejġu u anke jekk għandux omm u omm, missier u missier, omm waħedha jew missier biss, inkella għandu omm u missier jew jitrabba f’xi istitut.
Din hi d-diversità li rridu nippreparaw lil uliedna biex jaffaċċjaw fl-ewwel laqgħa tagħhom mad-dinja t’hemm barra. Irridu ngħallmuhom u nedukawhom minn ċkunithom li fi triqithom fl-iskola se jiltaqgħu ma’ subien li jogħġbuhom is-subien u ma’ bniet li jogħġbuhom il-bniet u dawn mhumiex differenti minn dawk li jogħġobhom l-oppost tagħhom. Dawn m’għandhomx jiġu mwaqqgħin għaċ-ċajt fl-iskola jew ridikolati inkella mgħajrin għax dawn kapaċi jgħixu u jilagħbu ma’ xulxin mingħajr ebda problema ta’ xejn. Sew jekk għandu ġibdiet sesswali differenti, sew jekk għandu ġenituri differenti, sew jekk jipprattika reliġjon differenti kif ukoll jekk għandu aċċent differenti.
Huma l-ġenituri li jridu jrabbu lil uliedhom li jaċċettaw id-diversità, li jaraw li d-diversità tiftħilhom orizzonti ġodda għax jiftħu moħħhom u qalbhom għal kulturi u sistemi differenti ta’ kif jgħix dak li hu differenti minnhom.
Il-Musulmani, il-Ħindu, Buddisti, Kristjani u Kattoliċi ilhom hemm eluf kbar ta’ snin u hemm se jibqgħu anke jekk ma naċċettawx id-diversità. Anke s-suwed u l-Asjatiċi jew l-Ewropej tal-Lvant se jibqgħu hawn u anke jiżdiedu. Mela ejja ngħallmu mil-lum lil uliedna jkunu kapaċi jgħixu d-diversità ħalli l-futur tagħhom ma jkunx imdemmi nkella mtappan mill-mibgħeda razzjali.
Anke fl-iskejjel wasal iż-żmien li wieħed mis-suġġetti jkun dwar ir-reliġjonijiet tad-dinja fejn jiġu mgħallma r-reliġjonijiet kollha ħalli kulħadd ikun jaf fuq ir-reliġjon tal-ieħor. Wara kollox kull reliġjon hi bbażata fuq imħabba, paċi u s-serħan tar-ruħ.
Inżommu f’moħħna li t-tfal tal-lum huma l-ġenituri ta’ għada. U dak li jitgħallmu llum jgħallmuh huma għada.