Awguri kbira... u kelma ta' ħabib

Dan il-Milied nevitaw li ngħidu diskors bħal "nifhmek", "għandek kollox tajjeb, għandek tħossok ferħana", "Cheer up"

Nibda biex nawgura lill-qarrejja kollha ta' dan il-blogg Milied hieni, u sena 2015 mill-aħjar, mimlija barkiet u affarijiet sbieħ. 

Dan iż-żmien sabiħ u speċjali tal-Milied u l-ewwel tas-sena, iġib miegħu ħafna ferħ f'ħafna nies. Għaldaqstant huwa żmien fejn in-nies imdejjqa, li jħossuhom waħedhom u bla tama jiżdiedu. In-nies li jkunu għaddejjin minn żmien ta' dipressjoni ġeneralment imorru għall-agħar minħabba li jħossuhom li mhumiex kapaċi jifirħu u jieħdu gost bħal kumplament tan-nies.

Dan il-Milied nevitaw li ngħidu diskors bħal "nifhmek", "għandek kollox tajjeb, għandek tħossok ferħana", "ejja m'għandux għalfejn iħossok imdejjaq, bħalissa żmien il-Milied", "Cheer up" etc għax allavolja ngħiduh b'onestà jagħmel lill-persuna iżjed psikoloġikament debboli minħabba ħafna raġunijiet. 

Nużaw kliem bħal "għandek raġun iħossok hekk. Biss jiena dejjem hemm għalik. Mhux se nħallik waħdek. Tkun trid, mingħajr ma nisfurzak, ejja magħna kul".

Dwar id-dipressjoni, x'inhi u xi tfisser, k'Alla jrid is-sena d-dieħla niddedikaw iżjed minn blog wieħed, biex nifhmu iżjed it-tbatija ta' min iġarrab id-dipressjoni.

Nispiċċa billi nagħmel appell biex apparti li nkunu ġeneruzi waqt l-Istrina ta' nhar il-Ġimgħa 26 ta' Dicembru, inkunu anke sensittivi għan-nies viċini tagħna. Żgur li hemm xi ħadd madwarna li jħossu waħdu, imdejjaq u maqtugħ għalih. Ibgħatlu messaġġ jew ċempillu! Kapaċi dak ikun l-iktar rigal speċjali li stajt tagħti dan il-Milied. 

Insellimkom, u nawguralkom saħħa u kuntentizza. 

More in Blogs