La ’l hawn u lanqas ’l hemm!
L-iStat għandu jipprovdi l-protezzjoni kollha biex dak li għandu jingħad jibqa’ jingħad mingħajr biżà u theddid
Il-ġurnaliżmu huwa wieħed mill-istituzzjonijiet li fis-soċjetà tagħna qed isir ferm u ferm aktar importanti. Donnu qed naraw l-opinjoni pubblika titbandal skont kif jorjentaw ruħhom il-kmamar tal-aħbarijiet, il-linji editorjali u l-ġurnalisti li hemm fiha. Wisq probabbli mhux żgur huma stess jirrealizzaw kemm kif tinkiteb kelma u kif tinqara sentenza jew kif ssir mistoqsija tagħmel differenza fil-mod ta’ kif l-opinjoni pubblika tiġi mfassla.
Ħa nieħu eżempju żgħir biex nillustra dan il-punt.
Biżżejjed wieħed jikkontribwixxi fil-kummenti ta’ xi artiklu li jkun deher fuq xi newsportal u tara li jekk torjenta t-ton tal-argument tiegħek b’ċertu mod issib ruħek qiegħed tagħti direzzjoni lil dik il-‘konversazzjoni’.
Ippruvawha u taraw.
Aħseb u ara meta jkollok kamra tal-aħbarijiet sħiħa, ġurnalisti, preżentaturi jħambqu l-ħin kollu kemm jirnexxilhom aktar ibiddlu d-direzzjoni tal-ħsieb.
Rajna s-saħħa tal-mezzi tax-xandir waqt l-elezzjoni ġenerali li għaddiet li ftit jew wisq (jien naħseb aktar it-tieni) ħallew impatt fuq kif jiżviluppaw l-ideat tagħhom iċ-ċittadini.
Issa għalxiex ġej?
Jien kif issa jafu ħafna għandi l-programm tiegħi Għandi xi Ngħid fuq Radju Malta li ilni mmexxi għal aktar minn 6 snin. F’dan il-programm nittrattaw kull tip t’avveniment u storja. Hemm tirrealizza b’aktar ċertezza kemm dak li jingħad, jiġi diskuss u rrappurtat għandu saħħa u kemm jinfluwenza daqqa ftit u daqqa ħafna l-opinjoni pubblika fuq diversi suġġetti.
Jien minn din l-esperjenza fuq ir-radju u meta nikteb xi opinjoni fuq il-ġurnali nirrealizza r-responsabilità kbira li għandi biex ma nkunx dommatiku, li ma nkunx qisni xi oraklu li minni joħroġ l-għerf kollu tad-dinja u li nistenna li la qed ngħidu jien dawk kollha ta’ madwari għandhom jisktu u jisimgħu għax la għedtha jien bilfors li naf x’qed ngħid.
Għalkemm nispiċċaw nikkritikaw l-istituzzjoni tal-Knisja meta nisimgħu l-kelma ‘dogma tal-fidi’ bil-mod il-mod il-mezzi tax-xandir jew aħjar xi wħud min-nies fil-mezzi tax-xandir jitkellmu u jieħdu pożizzjoni fuq kwistjonijiet donnu dak kollu li jgħidu l-kumplament ma jgħoddx u tagħhom biss sew.
U hawn nirrita ruħi.
‘Aħna’ tal-mezzi tax-xandir, li niktbu, li nitkellmu u li nidhru fiha, jekk ma noqogħdux attenti ħa nispiċċaw inbiddluha f’xi istituzzjoni li tipproduċi ‘il-verità’ u li dak li jingħad minna nibdew naħsbu li hi xi regola sagro santa.
Qed ngħid dan għax anke jekk naħsbu li nafu l-fatti kollha, anke jekk jidhrilna li aħna fis-sew, anke jekk nemmnu tant f’dak li qed ngħidu li rridu nipperswadu lill-oħrajn bil-konvinzjonijiet tagħna, jkun żball, jew dnub (ħalli nkompli nuża lingwaġġ reliġjuż) jekk nersqu lejn il-poplu b’ din l-arroganza.
Iva, fil-fehma tiegħi huwa tajjeb li fl-argumenti li nagħmlu bħala ġurnalisti, opinjonisti, persuni li nikkontribwixxux fil-mezzi tax-xandir la għandna nkunu ’l hawn iżżejjed u lanqas ’l hemm iżżejjed.
Irridu nagħtu lok lil ħaddieħor, lil min qed ‘jaqrana’ u ‘jismagħna’ li ma nġibuhx qisu xi ċass jistenna li aħna nagħtuh it-tarf tal-istorja.
L-istorja, il-ġrajja, il-kwistjoni, il-kontroversja, aħna fi dmir li nitfgħuha fuq il-mejda, li nanalizzawha, li nagħtu d-dimensjonijiet kollha tagħha, li nsibu l-ħofor fl-argument imma mhuwiex sew li mmorru quddiem in-nies, quddiem il-konsumaturi tagħna u nesiġu minnhom li jaħsbu kif ngħidulhom u jgħidu dak li nitfgħulhom f’wiċċhom.
U fil-waqt illi naf li xi draba anke jien mingħajr ma rrid ħa niddetta, ħa nitkellem donni għandi l-verità kollha, nibqa’ kommess li fl-interventi li nagħmel, fil-messaġġi li nwassal, ħa nkun qed nagħmel minn kollox biex inkun ‘neither here nor there’ - b’rispett lejn in-nies.
It-traġedja Charlie Hebdo
Hekk kif qed nikteb dan l-artiklu ħierġa l-istorja fuq l-attakk li sar fuq l-edituri u l-ġurnalisti tar-rivista satirika Charlie Hebdo fi Franza. Mat-12 il-persuna nqatlu jiddefendu l-ħidma ġurnalistika tagħhom, jiddefendu l-libertà tal-kelma. Ġenerazzjoni ta’ cartoonist tinqatel f’ħakka t’għajn, f’isem alla li jien ma nikkonoxxix, f’isem reliġjon u fidi li ma jistħoqqilhiex din it-tebgħa fuqha.
Naturalment din ir-rivista Franċiża dejjem kienet fiċ-ċentru tal-kontroversja minħabba l-qilla fil-kritika tiegħu mgeżwra fit-tpinġijiet li jafu jħallu impatt mhux żgħir.
Atti bħal dawn jitolbu li aħna nuru solidarjetà u d-diskors kollu ta’ jekk kienx ġustifikat jew le attakk bħal din, jew jekk dan il-magazine kienx insensittiv huma superflui u bla sens f’dan il-mument.
Jekk f’soċjetà sekulari m’aħniex kapaċi nagħmlu analiżi ta’ tpinġija, niddeċiedu togħġobniex jew le u fejn jekk hemm bżonn nikkumbattu idea b’idea, allura verament tpoġġi f’kuntest il-validità u r-relevanza tal-konvivenza fil-komunitajiet tagħna.
L-appell tiegħi huwa biex anke f’Malta nkomplu nsaħħu l-istrutturi fejn hemm bżonn u l-iStat għandu jipprovdi l-protezzjoni kollha biex dak li għandu jingħad jibqa’ jingħad mingħajr biżà u theddid.