Adulti ta' 16...

Ta’ 16 għandek tiġi promoss għal adult?

Ftit tas-snin ilu l-età tenera ta’ 16-il sena kienet meqjusa bħala età fejn il-bniedem ikun għadu se jibda l-ħajja, fejn ikun beda jsellem il-ħajja tat-tfulija u jibda jingrana għal ħajja adulta. Kienet età imsejħa ‘sweet’ f’diversi kanzunetti fejn kulmin ikun f’din l-età ma kienx meqjus bħala adult u matur biżżejjed biex jiddeċiedi, la dwar is-sess, la dwar min imexxih u lanqas dwar jidħolx xħin irid id-dar. Età li tpoġġi lit-tfajla jew ġuvni taħt protezzjoni ta’ adult qabel jilħaq l-età ta’ adult, jiġifieri sentejn wara din l-età ‘ħelwa’. Min ikollu x’jaqsam sesswalment ma’ ‘tfal’ ta’ din l-età kien meqjus bħala pedoflu.

Iżda d-dinja qatt ma waqfet tevolvi u dawk li sa 30 sena ilu kienu meqjusa bħala tfal illum saru rġiel u nisa. L-internet fetħilhom il-bibien kollha li waslu għall-maturità qabel il-waqt. Il-politiċi bdew iħarsu lejn din l-età fejn setgħu anke jagħżlu min imexxihom fil-lokalità tagħhom. Għalhekk nemmnu li bħalma huma maturi biżżejjed li jagħżlu min jista’ jmexxihom fil-lokalità tagħhom, huma maturi biżżejjed biex jistgħu jagħtu kunsens għas-sess u ma jitqisux iżjed bħala għodda tal-pedofli. Għax l-età ta’ 16 fil-preżent m’għadhiex età li ma tkunx taf xi trid, li ma tkunx taf x’inhu tajjeb jew ħażin għalik. Jekk kapaċi tagħżel u tivvota min jista’ jmexxi l-lokal tiegħek kapaċi wkoll tagħżel min jista’ jkollok x’taqsam miegħu sesswalment.

Għalhekk hu argument ferm fattwali dak li l-Onorevoli Tabib Godfrey Farrugia għamel dan l-aħħar li l-età ta’ kunsens għandha tinżel għal sittax-il sena. Wasal iż-żmien li l-liġijiet tal-pajjiż jinbidlu u persuna ta’ 16-il sena tibda titqies bħala adulta f’kull sens tal-liġi. Sew għal vot, għal kunsens tas-sess u anke jekk jinstabu ħatja f’xi att kriminali.

Għax wieħed għandu jkun jaf li Malta hi l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea li l-eta ta’ kunsens hi ta’ 18-il sena. Bħalha hemm il-Vatikan (li sa ftit snin ilu l-età ta’ kunsens kienet ta’ 12-il sena) u t-Turkija. Il-bqija tal-pajjiżi l-oħra kollha niżżlu l-età ta’ kunsens għal 16-il sena ħlief għal Ċipru u l-Irlanda li hi ta’ 17-il sena. Għal ġieħna fi Spanja l-età ta’ kunsens hi ta’ 13-il sena filwaqt li l-Italja u l-Ġermanja flimkien ma’ tużżana pajjiżi oħra din tinżel għal 14-il sena.

Dan kollu jkompli jagħti raġun lit-Tabib Farrugia li jitlob li l-età f’Malta sa 16-il sena. Speċjalment li dan l-aħħar konna ferm avventurużi fejn daħħalna d-divorzju u daħħalna l-unjoni ċivili. X’qed nistennew biex nirranġaw din il-liġi li qed tpoġġina l-aħħar fl-Ewropa.

Sadattant l-SDM u l-MŻPN ħarġu bl-għajta biex żgħażagħ ta’ 16-il sena ’l fuq jkunu jistgħu jivvutaw fir-referendum tal-kaċċa. Iżda dan kif inhi l-liġi bħalissa ma tistax tiġri anke jekk dawn iż-żgħażagħ ingħataw il-poter li jistgħu jgħażlu min imexxihom fil-lokal. Għalkemm hi ferm ironika li dawn iż-żgħażagħ jingħataw dritt li jagħżlu min imexxihom fil-lokalità iżda m’għandhom l-ebda dritt jekk sentejn oħra jibqgħux igawdu l-ħajja libera tal-ħlejjaq tal-ajru fir-rebbiegħa.

Żgur li wasal iż-żmien li dawn hekk imsejħa tfal jiġu promossi għal adulti bħal sħabhom kollha fl-Ewropa.

More in Blogs