Il-bżieżaq ta’ madwarna
“U fin-nuqqas ta’ superministru tal-finanzi Ewropew, fuq ħadd aktar ma jaqa’ l-piż li jipprova joqtol id-dragun tad-deflazzjoni minn Mario Draghi, il-president tal-Bank Ċentrali Ewropew”
Il-bidu tas-sena spiss ikun akkumpanjat bix-xorb ta’ nbid abjad mimli bżieżaq. Kriżi jew mhux kriżi, il-bejgħ tal-prosecco u tax-xampanja jew spumante baqa’ għaddej ġmielu. Forsi din is-sena kienet aktar okkażjoni mis-soltu sabiex wieħed jiftaħ flixkun ta’ nbid bil-bżieżaq.
U dan peress li f’dawn l-aħħar xhur infaqgħu ħafna bżieżaq. Infaqgħet fuq kollox il-bużżieqa tal-prezz taż-żejt, bużżieqa li bidlet il-kors tal-istorja. Għax kien fuq kollox l-għoli esaġerat fil-prezz taż-żejt li ħeġġeġ in-nirien tar-Rebbiegħa Għarbija u nkinsu r-reġimi sekulari u repressivi ta’ Hosni Mubarak fl-Eġittu, ta’ Zine el Abidine fit-Tuneżija u ovvjament ta’ Muammar Gaddafi fil-Libja f’rivoluzzjoni li laqtitna mill-qrib.
Il-bużżieqa tal-prezz taż-żejt nefħet bżieżaq oħra bħal dak tal-prezz tal-qamħ li affetwa bil-bosta lil min għandu dħul baxx u ta’ materja prima ferm meħtieġa fl-ekonomija bħar-ramm. Dan minkejja li wara l-falliment ta’ Lehman Brothers fil-15 ta’ Settembru 2008, l-ekonomija Amerikana u ftit wara l-ewrożona daħlu f’riċessjoni li konna ilna ma naraw bħalha mis-snin tletin.
U dan li kien tassew ironiku u qajla loġiku: minkejja l-kriżi ekonomika li laqtet lill-ewrożona u lill-akbar ekonomija fid-dinja (tal-anqas s’issa), il-prezz taż-żejt li kien madwar $100-il barmil meta faqqgħet il-kriżi, wara li waqa’ għal xi $60, ma damx ma reġa’ tela’ u sa Ġunju li għadda kien madwar $110-il barmil. U anke l-valur tal-euro baqa’ ferm b’saħħtu minkejja li l-ewrożona daħlet f’riċessjoni tremenda. Ir-rata tal-kambju euro/dollaru f’Lulju 2008 kienet 1.57, jiġifieri ewro kien jiswa ftit aktar minn dollaru u nofs. Sa Novembru ta’ dik is-sena, ir-rata niżlet għal €1.25. Imma sa sena wara f’Novembru 2009, ir-rata kienet reġgħet telgħet għal 1.50 u sa April tas-sena l-oħra kienet ftit anqas minn 1.40. Ftit jagħmel sens li kontinent b’ekonomija staġnata, b’pajjiżi sħaħ li ma setgħux aktar jisselfu mis-swieq internazzjonali u kellhom jitolbu self speċjali mit-troika tal-Fond Monetarju Internazzjonali, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea li l-munita unika kellha rata daqshekk għolja. Dan kien ixekkel il-kompetittività tal-prodotti u s-servizzi esportati Ewropej mentri jaġevola l-impurtazzjoni ta’ oġġetti u servizzi.
Għal żmien twil is-soluzzjoni ta’ bosta ekonomiji nazzjonali quddiem riċessjoni kienet l-iżvalutar tal-munita nazzjonali. Jiena niftakar rata tal-lira Taljana ma’ dik Maltija ta’ 1,700 imma meta l-ewro ssostitwixxa l-lira Taljana, ir-rata kienet xi 4,800. Daqshekk żvalutat il-lira Taljana matul iż-żmien. U kull meta l-lira Taljana kienet titlef fil-valur, il-prodotti Taljani jsiru aktar kompetittivi u jibdew jinbiegħu aktar fis-swieq barranin. Fl-istess waqt, il-prodotti impurtati kienu jsiru jiswew aktar u anqas kompetittivi fis-suq domestiku bir-riżultat li l-prodotti domestiċi kienu wkoll isiru aktar kompetittivi. B’hekk, l-ekonomija Taljana kienet tistejqer wara ftit u kienet toħroġ mill-kriżi. L-iżvantaġġ ta’ tali politika hi li spiss ir-rata tal-inflazzjoni kienet tispara.
Bl-adozzjoni tal-ewro, din l-istrateġija rudimentari ma baqgħetx aktar possibli. Illum l-ebda gvern nazzjonali ma jista’ jaqbad u jiżvaluta l-munita nazzjonali. U n-nuqqas ta’ integrazzjoni ekonomika fissret li minkejja s-saħħa tal-ewro, ċerta pajjiżi bħal Ġermanja xorta baqgħu jesportaw bil-kbir. Imma l-Ġermanja kienet wettqet riformi kuraġġużi tas-suq tax-xogħol fi żmien il-Kanċellier Schroder u għalkemm Schroder tilef l-elezzjoni, il-Ġermanja ta’ Merkel gawdiet minn dawn ir-riformi u kellha passiġġata fiż-żminijiet l-aktar koroh tal-kriżi tal-ewrożona.
Imma l-pajjiżi li talbu bail-out kellhom iwettqu ristrutturar ekonomiku mingħajr ma jirrikorru għall-iżvalutar kif kienu jagħmlu fiż-żminijiet ta’ qabel l-ewro. Meta wieħed iqis kollox, wieħed ma jistax ma jimpressjonax ruħu bl-isforzi li wettqu Spanja, l-Irlanda, il-Portugall u anke l-Greċja sabiex jirristrutturaw l-ekonomiji tagħhom. In-nuqqas ta’ possibilità ta’ żvalutazzjoni ġiet kumpensata mill-fatt li l-ewro hu l-munita ta’ 334 miljun ruħ. Imma l-esportazzjoni għal swieq barra mill-ewrożona hija t-triq tas-salvezza għal bosta ekonomiji.
Ċertu pajjiżi issa bdew juru l-ewwel sinjali ta’ titjib ekonomiku. Għalkemm ir-rata tal-qgħad fi Spanja ta’ 23.7% għadha ferm għolja, fl-aħħar tliet xhur tal-2014, l-ekonomija Spanjola żiedet 253,000 impjieg, l-ogħla ammont minn mindu adottat l-ewro. Mill-banda l-oħra, l-ekonomija Irlandiża kibret bi kważi 5% fl-2014 u r-rata tal-qagħad niżlet għal 11%. U anke fil-Greċja qed jidhru l-ewwel riżultati ta’ rxuxtar ekonomiku bl-ekonomija toħroġ minn riċessjoni ta’ bosta snin f’Novembru li għadda wara tnaqqis fil-Prodott Gross Domestiku ta’ 30%. Fit-tieni tliet xhur tal-2014, ir-rata tal-qgħad kienet 3.6% anqas minn sena qabel għalkemm għadha aktar minn 25%. Madankollu, fl-elezzjoni li se ssir aktar tard dan ix-xahar, il-partit Syriza li hu fl-Oppożizzjoni u li qed iwiegħed li mhux se jaċċetta aktar awsterità u jerġa’ jirristawra d-dinjità Griega huwa favorit li jirbaħ maġġoranza relattiva.
Mill-banda l-oħra, l-ewrożona issa qiegħda f’deflazzjoni, jiġifieri l-ħajja qiegħda torħos flok ma ssir aktar għolja. Għal ħafna minnha, dan hu fenomenu ġdid għax pjuttost imdorrijin bil-ħajja togħla b’rata mgħaġġla. F’Diċembru li għadda, il-
ħajja fl-UE raħset b’0.1% mentri fl-ewrożona raħset 0.2%. L-akbar fattur ta’ traħħis kien it-tnaqqis drastiku tal-prezzijiet ta’ enerġija għax altrimenti, il-ħajja għoliet b’0.6%. Imma kif rajna fil-Ġappun, id-deflazzjoni hija fenomenu ferm serju li jipparalizza l-ekonomija. U fin-nuqqas ta’ superministru tal-finanzi Ewropew, fuq ħadd aktar ma jaqa’ l-piż li jipprova joqtol id-dragun tad-deflazzjoni minn Mario Draghi, il-president tal-Bank Ċentrali Ewropew (B.Ċ.E.).
Il-B.Ċ.E. ilha miexja bil-mod il-mod sabiex tibda tippratika dak li fil-jargon finanzjarju jissejjaħ quantitative easing. Dan ifisser ix-xiri massiċċ ta’ bonds tal-gvern kif għamlu sa ftit ilu l-Federal Reserve Amerikan u anke l-Bank of England. Kemm l-Amerika kif ukoll l-Ingilterra rnexxielhom joħorġu mir-riċessjoni, anzi qed ikollhom riżultati ekonomiċi tajbin mentri l-ewrożona baqgħet imwaħħla fir-riċessjoni. Madankollu, l-B.Ċ.E. huwa kostrett mill-istatut tiegħu u mill-opposizzjoni Ġermaniża li ma jsellifx lill-gvernijiet nazzjonali u s’issa ma xtarax bonds itwal minn tliet snin. Din il-ġimgħa, f’koinċidenza providenzjali, l-Avukat-Ġenerali Ewropew irrelata f’kawża li hemm quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-legalità tal-Qorti Ewropea. Dan wara referenza li saritilha minn qorti Ġermaniża fuq talba ta’ politiku Ġermaniż. Il-parir tal-Avukat-Ġenerali kien wieħed pożittiv li l-Qorti hija mistennija li tadotta biex tneħħi kwalunkwe ostaklu legali li seta’ jaffaċja l-B.Ċ.E.
Intant, bil-politika ta’ rati tal-imgħax negattivi pprattikata mill-B.Ċ.E., il-valur tal-ewro kompla jinżel u laħaq il-livell ta’ 1.16 meta sena ilu r-rata kien 1.36 u anke aktar kif rajna. Dan ifisser li sena ilu, Amerikan ried 1.36 dollari biex jixtri ewro mentri issa kull ma jrid 1.16, 15% anqas. U anke l-isterlina apprezzat kontra l-ewro għax mentri sena ilu sterlina kienet tixtri €1.20, illum tixtri €1.30. Jekk Ingliż irid jixtri appartament ta’ €150,000 fl-ewrożona, illum jiġih £10,000 anqas minn sena ilu.
Imma l-aktar bużżieqa li nfaqgħet kienet dik tal-frank Svizzeru. Il-Bank Ċentrali Żvizzeru ddeċieda nhar il-Ħamis li ma jibqax jiddefendi r-rata ta’ kambju ta’ €1.2 għal 1 Sfr li kien ilu jiddefendi għal tliet snin. Id-deċiżjoni ħasdet is-swieq finanzjarji u sa waslet biex fallew kumpaniji tal-kambju. Il-frank Svizzeru f’ġurnata apprezza bi 30% ! Ir-riżultat hu li issa l-ewrożona se ssir ferm irħas għall-Iżvizzeri u viċi-versa.
X’aktarx li d-deċiżjoni mhux mistennija tal-Iżvizzeri kienet provokata mill-illanċjar imminenti tal-politika ta’ Qorti Ewropew li l-B.Ċ.E. hu mistenni li jadotta fil-laqgħa tal-gvernaturi ta’ nhar il-Ħamis. Hemm min qed jistenna programm ta’ €500 biljun imma hemm min qed jgħid li €1 triljun tkun somma aktar adekwata sabiex tevita l-periklu ta’ deflazzjoni fuq l-orizzont ekonomiku tal-ewrożona.
Jekk bosta pajjiżi bħal Spanja u l-Irlanda rnexxielhom jakkwistaw riżultati tajbin bir-ristrutturar li wettqu tal-ekonomiji tagħhom, aħseb u ara kemm se jiġu fuq saqajhom u jibdew jiġru f’xenarju ta’ roħs fil-prezz taż-żejt, ta’ tnaqqis tar-rata tal-kambju tal-ewro li tirrifletti aktar il-qagħda ekonomika reali tal-ewrożona u l-programm ta’ Qorti Ewropew li se jinjetta biljuni kbar fl-ekonomiji tal-ewrożona. Mill-banda l-oħra, dawk il-pajjiżi bħal Italja u Franza li jittitubaw u jkaxkru saqajhom sabiex iwettqu r-riformi ekonomiċi li tassew għandhom bżonn, jiżbaljaw jekk jistrieħu biss fuq dan ix-xenarju aktar favorevoli għax żgur mhumiex se jieħdu vantaġġ sħiħ tar-riħ aktar favorevoli li qed jonfoħ.
U din hi lezzjoni għalina wkoll. Jeħtieġ li nibqgħu minn ta’ quddiem fit-tellieqa tal-kompetittività għax pajjiżi oħra, anke fl-istess ewrożona, ma baqgħux weqfin. Min joqgħod jargumenta fuq bezzun fuq l-Air Malta mhux jifhem kemm qed ngħixu f’ambjent kompetittiv u kemm pajjiżna ma jistax joqgħod iżolat mit-tibdil ekonomiku li qed jiġri madwarna. Mill-banda l-oħra, il-pajjiż s’issa għadu ma gawdiex il-benefiċċji tar-roħs drastiku fil-prezz taż-żejt u l-gvern għandu jispjega għaliex. Jekk dan hu biss minħabba żieda fl-intaxxar fuq il-petrol, allura, wieħed jista’ jaqbel ma tali strateġija. Imma jekk dan hu riżultat ta’ żbalji fl-istrateġija tax-xiri tal-petrol, allura wieħed irid joqgħod attent li tali żbalji ma jirrepetux ruħhom ħalli pajjiżna ma jitlifx il-benefiċċji ta’ prezzijiet orħos tal-petrol. U f’dan l-isfond, wieħed jixtieq ikun jaf x’qed jagħmlu eżattament l-M.R.A. u l-M.C.C.A.A. sabiex jiżguraw li f’pajjiżna jkun hawn suq kompetittiv tal-petrol fil-każ tad-diesel fejn hawn aktar minn impurtatur wieħed u pprezzar trasparenti tal-petrol bla ċomb.
Jekk nilludu ruħu bħalma għamlu oħrajn li nistgħu nissuperaw il-forzi tal-gravità għad inqumu bħal Newton b’tuffieħa fuq rasna. Il-prosperità futura ta’ dan il-pajjiż tibqa’ dejjem tiddependi fuq it-tneħħija ta’ riġiditajiet fis-suq u ħażin għalih min dan ma jifhmux.
Imma kollox ma kollox m’għamilniex ħażin li xrobna l-inbid tal-bżieżaq għaliex din ċertament tidher li se tkun is-sena meta l-ewrożona fl-aħħar tibda tagħti l-ġenb lir-riċessjoni li fnietha f’dawn l-aħħar snin. Ma niżbaljawx jekk nuru ottomiżmu kawt wara dawn is-snin iebsa.