Attenti għall-messaġġi ta’ sterjotipi fil-mezzi tax-xandir!
Irridu u ma rridux, dawn il-messaġġi kollha li aħna qed nirċievu jaffetwaw il-modi ta’ kif naraw lilna nfusna u lil ħaddieħor
Il-mezzi tax-xandir jgħaddulna messaġġi dwar kif għandna nidhru u kif għandna nġibu ruħna. Ħafna drabi dawn il-messaġġi, li aħna nsejħulhom sterjotipi, narawhom abbażi tas-sess, tal-età, jew ta’ fatturi oħrajn fil-ħajja tagħna.
Pereżempju, naraw kif ħafna drabi n-nisa jintwerew bħala persuni li jkunu sottomessi, oġġetti sesswali, u nisa tad-dar. Mill-banda l-oħra l-mod kif il-mezzi tax-xandir juruna l-irġiel huwa bħala persuni aggressivi, b’saħħithom u li jokkupaw pożizzjonijiet għolja fuq il-postijiet tax-xogħol. Iżda fir-realtà tal-ħajja ta’ kuljum, kif iġġib ruħha mara u kif iġib ruħu raġel, hija differenti minn kif qed narawhom fil-mezzi tax-xandir.
Irridu u ma rridux, dawn il-messaġġi kollha li aħna qed nirċievu jaffetwaw il-modi ta’ kif naraw lilna nfusna u lil ħaddieħor, u kif għandna nġibu ruħna. Messaġġi ta’ dan it-tip jistgħu jkunu ta’ ħsara għaliex jistgħu jwasslu biex naħsbu li n-nisa u l-irġiel għandhom iġibu ruħhom skont dawn l-isterjotipi li naraw fil-mezzi tax-xandir minflok bil-mod li jixtiequ huma skont il-personalità tagħhom. Fil-verità rridu naraw il-ħiliet u x-xewqat tal-persuna u mhux nimxu skont l-isterjotipi ħalli ma noħolqux preġudizzju jew diskriminazzjoni minħabba li nkunu qed inħarsu lejn in-nisa u lejn l-irġiel b’mod differenti minn kif għandna nħarsu lejhom.
Reklamar diskriminatorju
Ir-reklami li naraw ukoll jgħaddulna ħafna messaġġi li jistgħu jaslu li jiddiskriminaw għal raġunijiet diversi. Hemm reklami li jinħarġu għal postijiet battala ta’ xogħol li jistgħu jġegħluna naħsbu li xi postijiet, kif ikunu rreklamati huma addattati biss għan-nisa, jew inkella għall-irġiel. Dan ma jgħoddx biss għat-tip ta’ lingwa li tintuża f’dawn ir-reklami iżda wkoll għall-istampi li ġieli naraw fihom. Jekk il-kliem u t-titlu ta’ post battal għal impjieg jirreferi għan-nisa biss, dan jista’ jinftihem li x-xogħol mhux miftuħ għall-irġiel. Bħal ngħidu aħna, post għal segretarja jista’ jinftihem li hu addattat għan-nisa biss u mhux l-irġiel. L-istess meta naraw stampa ta’ mara f’reklam għal post tax-xogħol, nistgħu nassoċjaw dak ix-xogħol man-nisa u mhux mal-irġiel.
Ġieli naraw reklami li jużaw stampa ta’ mara f’reklam li jinħareġ illum imbagħad jużaw stampa ta’ raġel għall-istess reklam meta jerġa’ jinħareġ l-għada. Imma min jara r-reklam illum mhux bilfors jerġa’ jarah l-għada, għalhekk tajjeb li dan jiġi evitat ħalli l-messaġġ li jingħata jkun wieħed dejjem inklussiv.
Tant huwa importanti li r-reklami ma jkunux diskriminatorji li fl-2004 ħarġet liġi dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel li tgħid li l-ebda reklam li għandu x’jaqsam ma’ post vakanti tax-xogħol m’għandu jkun diskriminatorju. Għaliex? Għax jistgħu jeskludu lin-nisa jew lill-irġiel milli japplikaw u dan ifisser li persuni ma jingħatawx l-istess opportunitajiet fil-ħajja.
Dan kollu jgħodd ukoll għal reklami dwar l-aċċess għall-oġġetti jew servizzi. Ikun hemm reklami ta’ oġġett jew servizz li wkoll imorru kontra l-liġi. Eżempju li nistgħu nġibu hu dak meta jiġi offrut prezz differenti għall-irġiel u n-nisa biex jidħlu f’diskoteka jew jattendu xi riċeviment. Jew meta servizz ikun offrut lil grupp ta’ persuni u mhux lil kulħadd. Għalhekk, anki reklami għal oġġetti u servizzi jrid ikollhom lingwaġġ u stampi inklussivi biex dejjem jiġu evitati d-diskriminazzjoni u l-isterjotipi.
Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE), fost il-ħidmiet tagħha, tara li fil-mezzi tax-xandir ma jinħarġux reklami diskriminatorji kemm għal postijiet ta’ xogħol, kif ukoll f’reklami għal oġġetti u servizzi. Meta jinstab reklam ta’ dan it-tip, l-NCPE tieħu azzjoni billi, tiġbed l-attenzjoni ta’ min ikun qed jagħmel dan ir-reklamar u tissuġġerixxi x’jista’ jsir biex tiġi eliminata d-diskriminazzjoni. Dan jgħodd ukoll meta jkun hemm reklamar li fih ikun intuża l-isterjotipar tar-rwoli tan-nisa u l-irġiel f’ambjenti differenti.
Ir-role models
L-adoloxxenti u ż-żgħażagħ ikunu influwenzati mhux ftit minn role models li l-mezzi tax-xandir tagħtihom u li fuqhom jibbażaw il-karattru, il-valuri u l-aspirazzjonijiet tagħhom. Pereżempju naraw kantanti, atturi u sportivi, li għamlu suċċess wara l-ieħor u bħal donnu dan sar mingħajr ebda sforz, mingħajr ebda falliment, narawhom sinjuri u bl-ikbar djar, bl-aqwa ilbies... iżda dawn kemm verament qed ikunu ta’ mudell għaż-żgħażagħ fil-mod kif jgħixu l-ħajja tagħhom?
Studju li kien sar fl-Amerika minn Dr Marilyn Price-Mitchell fl-2011 ħareġ ħames kwalitajiet li ż-żgħażagħ ifittxu fir-role models. Jgħidu kif jagħrfu role models li juru passjoni għax-xogħol tagħhom u jkollhom il-kapaċità li jgħaddu din il-passjoni lill-oħrajn. Ħareġ ukoll li ż-żgħażagħ ifittxu role models li jgħixu l-valuri fil-ħajja tagħhom u li jimpenjaw irwieħhom fil-komunità billi jagħtu mill-ħin u t-talenti tagħhom għall-benefiċċju tal-oħrajn. Japprezzaw meta dawn ir-role models jinteressaw ruħhom aktar fil-ġid ta’ ħaddieħor milli fihom infushom u meta jaċċettaw lil persuni oħrajn li huma differenti minnhom. Japprezzaw ħafna l-kapaċità li huma jegħlbu l-ostakli li jiffaċċjaw matul il-karriera tagħhom.
Għaldaqstant, il-mezzi tax-xandir għandhom ikunu konxji minn dak li jfittxu ż-żgħażagħ fir-role models li huma jammiraw. Dan sabiex din tista’ turi l-aspetti pożittivi tar-role models mhux biss għas-soċjetà inġenerali imma b’mod speċjali għaż-żgħażagħ għaliex ikunu għadhom qed jiffurmaw il-karattru tagħhom. Għalhekk, hawnhekk joħroġ kemm huwa importanti li ż-żgħażagħ jiġu edukati kif jaqraw il-messaġġi diretti u indiretti li l-media tippreżentalhom. Edukazzjoni bħal din m’għandhiex tingħata biss fl-iskejjel iżda wkoll fid-djar, mill-ġenituri jew min ikun qed jieħu ħsieb lil dawn l-adolexxenti u ż-żgħażagħ.
F’dan ir-rigward, l-NCPE torganizza sessjonijiet ta’ taħriġ fl-iskejjel għall-edukaturi u l-istudenti kif ukoll għal kull min hu interessat. Dan biex tqajjem aktar kuxjenza kemm dwar id-diskriminazzjoni kif ukoll dwar kif l-isterjotipi jistgħu jingħelbu bil-għan li kemm nisa kemm rġiel fis-soċjetà Maltija, jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom.
Għal aktar informazzjoni tista’ tagħmel kuntatt mal-NCPE fuq 25903850 jew [email protected]
Renee Laiviera hija l-Kummissarju tal-NCPE.