Is-soltu tnejn
Waħda mara ħalliet din id-dinja minn nofs ta’ kuritur ta’ sptar...
Mistoqsi dwar il-mewt il-profeta ta’ Gibran jgħid li l-mewt hi bħal meta wieħed joqgħod għeri fir-riħ u jdub fix-xemx.
Jien u nħares lejn l-iskrin abjad karti fejn qed nikteb dawn il-ftit kelmiet, għaddej riħ qawwi jaqsam lejl iswed u kiesaħ tipiku ta’ Jannar. Ħin l-irqad dan għal dawk li jaħdmu fil-ħinijiet normali tal-ġurnata imma bejn dan ir-riħ qawwi, bejn id-dlam u s-skiet, għajr it-taħbit tar-riefnu mal-ħitan u s-siġar tal-ġonna tal-ġirien, il-ħsieb jistad dis-sentenza ta’ Gibran: “bħal meta wieħed joqgħod għeri fir-riħ”. Naturlament, xi ħadd f’loku, l-aħħar ħsieb li jiġih jekk ikollu jkun barra f’lejl bħal dan huwa li jinża’ ħwejġu, u allura jista’ jkun li l-profeta kellu f’moħħu wkoll li l-mewt hija stramberija.
Hi x’inhi, hemm l-istramberiji fir-ritwali funebri u f’dawk li jippreċedu l-mewt. Fost il-ħafna inviti li rċevejt dil-ġimgħa biex nilgħab il-candy crush saga u biex nibgħat id-dettalji personali tiegħi għax xi ħadd misterjuż ħallieli żewġ miljuni dollari, b’xi mod wasalli indirizz biex nipperpara ruħi (f’każ li jkolli l-ħin) dwar il-mod kif għandi mmut; mhux biss hux imdawwar bil-familjari jew sulu sulu, imma anki fejn: hux id-dar jew l-isptar; fuq xi għolja jew muntanja, ħdejn il-baħar jew f’xi xmara. Tiskanta biex joħorġu ċerti nies!
Hawn min imut f’nofs kuritur.
Hemm ċerta ironija ddawwar mewta f’kuritur għax, kif jagħmel ir-reġista Ettore Scola fil-film “La Famiglia”, il-kuritur jista’ jservi ta’ metafora għall-mogħdija tal-ħajja, inkluża l-mogħdija lejn il-mewt. Imma forsi dan mhuwiex il-ħsieb xieraq li dak li jkun jistenna meta jisma’ li hawn min imut fil-kurituri, fil-kurituri tal-isptar, anki għaliex il-kuritur ħafna drabi jfisser ‘barra’, il-post fejn tistenna biex tidħol ‘ġewwa’, l-iskumdità tal-istennija biex tidħol fil-kumdità ta’ ġewwa. Xi ħaġa tgħidilna li m’għandniex immutu ‘barra’ imma ‘ġewwa’; li l-kuritur m’għandux ikun il-lok fejn tagħlaq għajnejk. Għaldaqstant hija ħaġa mhix xierqa li xi ħadd imut f’nofs kuritur.
Waħda mara ħalliet din id-dinja minn nofs ta’ kuritur ta’ sptar. Allura mbagħad, wara, il-kelliema tal-Oppożizzjoni għas-saħħa, tgħajjat konferenza stampa u tesprimi r-rabja tagħha li waħda mara mietet f’kuritur. Ir-rabja hija inidirizzata – m’għandniex xi ngħidu – lejn il-gvern aktar milli lejn il-mewt li m’għandhiex sens ta’ pudur u tiġi ssibek fejn ġie ġie. Wara din l-istqarrija toħroġ oħra mill-isptar, imbagħad jidhru rapporti li jgħidu li s-segretarju parlamentari għas-saħħa ltaqa’ mal-familjari ta’ din il-mara li, min-naħa tagħhom, esprimew ir-rabja mhux għax ommhom mietet f’kuritur imma għax il-kelliema tal-Oppożizzjoni rrappurtat il-mewta tal-maħbuba tagħhom mingħajr ma talbithom il-kunsens. Terġa’, il-mezzi tax-xandir irrappurtaw lil dawn il-qraba li qalu li l-maħbuba tagħhom mietet assistita bil-mezzi mediċi kollha, minkejja li dan seħħ f’nofs kuritur. Filwaqt li serrħu ras il-pubbliku kollu li fl-isptar hemm it-tagħmir kollu meħtieġ biex isalva l-ħajjiet, dawn il-qraba ħarġu ddiżappuntati li l-Oppożizzjoni bidlet mewt il-qariba tagħhom f’ballun politiku.
Tassew, f’Malta anki l-mewt taf tkun prop tal-partiti. Anki l-mewt taf tkun logħba li fiha jerġgħu jiltaqgħu l-antagonisti maħluqa mill-partiti u minflok xi erba’ talbiet għal ruħ dil-persuna li mietet fil-kuritur, jispiċċaw jgħaddu litanija ta’ tgħajjir u kontrotgħajjir. Kif jagħmlu l-kbarat jagħmlu huma wkoll.
U dan mhux f’każi sfortunati ta’ mwiet ta’ bnedmin biss iseħħ naturalment, imma anki fil-każi sfortunati wkoll ta’ ħafna għasafar li jispiċċaw imutu fejn mhux suppost; anzi jinqatlu meta mhux suppost. B’xi mod bdiet il-kampanja għar-referendum dwar il-kaċċa fi żmien ir-rebbiegħa. Tal-Le uffiċjalment bdew il-kampanja fil-Kavallier ta’ San Ġakbu; tal-Iva ħirġin ritratti atroċi ta’ żgħażagħ jittaqqbu fil-vina għax mhux se jkunu jistgħu jtaqqbu sider tajra. Jekk kien hawn min ippretenda li l-mixja lejn dan ir-referendum kellha ssir mingħajr l-indħil tas-Soltu Tnejn arralu, u ħa żball ikrah ħafna. Did-darba s-Soltu Tnejn qablu: se jivvutaw iva biex l-għasafar jibqgħu jinqatlu huma u jaqsmu minn naħa għal oħra, huma u jobdu l-liġi tan-natura.
Għala, is-Soltu Tnejn, ħassew il-ħtieġa li indirettament (iżda b’għaqal kbir) ivaraw il-kampanja tal-iva jekk mhux biex jinvestu għall-futur politiku tagħhom?
Taf tkun daqshekk ċinika l-politika Maltija. Taf tkun bħal dik barranija. Taf tkun daqshekk qawwija li ġġiegħel lil xi wħud joħorġu jgħidu li se jagħmlu eżattament il-kontra ta’ dak li jridu jagħmlu. Jew aħjar li idhom il-leminija – dik li jiktbu biha – se tmeri lil idhom ix-xellugija sempliċiment għax hekk qal il-kap tal-partit. Dan hu li jiġri meta tradizzjoni politika tinbena madwar żewġ monoliti li huma preżenti dejjem u f’kollox.
Post-scriptum
Fl-Ewropa post-Charlie Hebdo l-Lhud qed jibżgħu mill-Musulmani. Fil-kantunieri tal-akwati fejn jgħixu u quddiem l-iskejjel ta’ wliedhom hemm is-suldati armati sa snienhom. Il-Musulmani qegħdin jibżgħu mill-Insara u allura anki l-kantunieri u l-iskejjel tagħhom mgħassa bl-azzarini. L-Insara qegħdin jibżgħu mill-Iżlamisti u allura sa fil-pjazez hemm l-uniformijiet il-ħodor.