IIlejla fi Pjazza Sintagma, Ateni
Minkejja din il-ġenerożità mal-Greċja, id-dejn pubbliku tagħha tela’ għal 175% tal-PGD
F’kontinent fejn l-apatija tal-votanti dejjem qiegħda tikber, l-elezzjonijiet Griegi li qegħdin isiru llum għandhom importanza kbira. L-istħarriġ tal-opinjoni kollha qegħdin juru li l-partit fl-Oppożizzjoni Syriza se jirbaħ l-aktar voti. Għalkemm l-ebda stħarriġ tal-opinjoni ma jista’ jissostitwixxi l-elezzjoni, jidher li l-mistoqsija prinċipali hija jekk Syriza jirnexxillhiex tifforma gvern waħedha jew inkella jkollhiex tidħol f’koalizzjoni ma’ xi partit ieħor. Jekk dan ikun il-każ, l-aktar sieħeb possibli għal Syriza ikun jew il-partit il-ġdid tal-eks ġurnalist Stavros Theodorakis jew is-soċjalisti tradizzjonali tal-PASOK ta’ Evangelos Venizelos jew inkella l-formazzjoni l-ġdida mmexxija mill-eks mexxej tal-PASOK, George Papandreou.
Minn mindu l-ġunta militari ta’ Papadopoulos tkeċċiet mill-poter wara l-fjask ta’ Ċipru fl-1974, il-poter fil-Ġreċja alterna bejn il-PASOK ta’ George Papandreou x-xiħ u ż-żgħir u r-rivali eterni tagħhom, Nea Demokratia ta’ Konstantinos Karamanlis li wara kienet immexxija wkoll minn neputih, Costas Karamanlis. Bi ftit eċċezzjonijiet, għal żmien twil il-Greċja kienet immexxija minn Papandreou jew Karamanlis. Din l-alternanza twila tal-poter swiet lill-Ġreċja qares. Il-Ġreċja saret parti mill-UE fl-1981 u għoxrin sena wara adottat l-ewro. Minkejja dan, il-Greċja ma urietx għaqal fit-tmexxija tal-finanzi pubbliċi: l-infiq kien spiss bla kontroll mentri d-dħul ma kienx ilaħħaq mal-ispiża. Fl-2004, il-Greċja organizzat l-Olimpjadi li swew €7 biljuni, ħafna aktar milli mistenni. Illum, ħafna mill-faċilitajiet li nbnew għal dawn l-Olimpjadi jinsabu abbandunati għaliex m’hemmx flus sabiex jinżammu (kif del resto spiss jiġri fil-każ ta’ faċilitajiet sportivi ta’ dan it-tip). L-istatistika tal-finanzi pubbliċi rriżultaw spiss imbagħbsa bl-użu ta’ strumenti ta’ alkemija finanzjarja magħrufa bħala derivativi li l-Greċja kienet tidħol għalihom bl-għajnuna ta’ banek t’investiment bħal Goldman Sachs. Minkejja li sar ħafna diskors, dawn il-banek ħelsuha lixxa u għamlu miljuni kbar ta’ qliegħ mentri l-poplu Grieg spiċċa jħallas b’demmu għall-politika xxellerata tal-klassi politika tiegħu.
Il-Greċja spiċċat ikollha titlob bail out mingħand it-troika magħmula mill-Fond Monetarju Internazzjonali, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea. Din it-troika imponiet snin ta’ awsterità fil-qafas ta’ żewġ programmi ta’ bail out li jinvolvu s-self ta’ €246 biljun lill-Greċja sal-2016 (ekwivalenti għal 135% tal-Prodott Gross Domestiku tal-2013) u l-maħfra ta’ €100 biljun da parti tal-kredituri privati fil-bidu tal-2012.
Minkejja din il-ġenerożità mal-Greċja, id-dejn pubbliku tagħha tela’ għal 175% tal-PGD u bosta jsostnu li l-Ġreċja għandha bżonn ta’ aktar għajnuna mill-kumplament tal-ewrożona. Għalkemm għad fadal ħafna riformi li l-gvern Grieg irid iwettaq, il-Ġreċja saret ferm aktar kompetittiva. Il-Ġreċja, u l-pajjiżi oħra tal-perifierija tal-ewrożona li kienu fl-inkwiet, wettqu programm ta’ żvalutazzjoni interna (dik esterna m’għadhiex possibli bil-bidla mill-munita nazzjonali għall-ewro) li rrenduhom aktar kompetittivi. Mhux ta’ b’xejn illum naraw il-yoghurt u l-ġobon Grieg fis-supermarkets tagħna. Fit-tielet kwart tal-2014, il-Prodott Gross Domestiku Grieg reġa’ beda jikber għall-ewwel darba minn meta faqqgħet il-kriżi finanzjarja fil-ħarifa tal-2008 u f’Novembru 2014, il-PGD kien 1.7% aktar milli kien is-sena ta’ qabel.
Imma l-awsterità li kellha tgħaddi minnha l-Greċja ħalliet prezz soċjali ferm qares. Aktar mill-istatistika tal-andament ekonomiku, jimpressjonaw figuri oħra: skont studju tal-Caritas, fl-2013 kważi 4 miljun ruħ minn populazzjoni ta’ kważi ħdax-il miljun kienu f’riskju ta’ faqar. Fl-istess sena, 70,000 abbandunaw il-karozza tagħhom, 350,000 familja spiċċaw bla provista ta’ dawl mentri 37% tal-populazzjoni ma setgħetx issaħħan id-djar tagħha biżżejjed matul ix-xitwa. Il-mortalità infantili żdiedet b’43% mill-bidu tal-kriżi mentri n-numru ta’ tfal abbandunati żdied b’335% f’ħames snin.
Statistika oħra turi kemm il-kriżi ekonomika kellha tassew effett devastanti fuq il-Greċja: in-numru ta’ nies qiegħda hu ta’ 1.3 miljuni, 26% tal-manodopera, il-maġġorparti tagħhom bla ebda benefiċċji. Iż-żgħażagħ taħt il-35 sena jagħmlu 55% mit-total ta’ nies qiegħda u 60% taż-żgħażagħ huma bla xogħol. Mhux ta’ b’xejn 200,000 Grieg, bosta minnhom fost l-aktar kwalifikati, telqu l-Greċja minn mindu faqqgħet il-kriżi, bi ftit minnhom jaslu anke Malta.
Figuri oħra li juru li s-salarji naqsu 38% mill-2009, il-pensjonijiet b’45%, il-PGD b’25%, 18% tal-populazzjoni mhux kapaċi takkwista l-ikel biex tgħix, 32% tal-populazzjoni taħt il-linja tal-faqar u 3.1 miljun, 33% tal-populazzjoni mingħajr kura medika b’xejn. U anki min għadu jgawdi minn tali kura medika, qed ikollu jħallas 70% jew aktar għall-mediċini li jkollu bżonn.
F’dan l-isfond ta’ sfaxxament tat-tessut soċjali, ħafna mill-funzjonijiet tal-istat soċjali illum mhumiex jitwettqu minħabba tnaqqis fl-infiq pubbliku jew inkella qegħdin jitwettqu minn gruppi ta’ voluntieri li qed jimlew il-vojt li ħalla l-istat. Fil-fatt waħda mill-ftit affarijiet pożittivi li l-kriżi gravi tal-Greċja hi t-twelid ta’ gruppi ta’ solidarjetà mmexxija minn voluntiera li jgħinu lil min hu verament fil-bżonn u m’għandux għaxja ta’ lejla minħabba l-kriżi ekonomika. Dawn il-gruppi jipprietkaw u jipprattikaw li l-bniedem m’għandhux jibqa’ jiddependi fuq l-istat soċjali li m’għadux jeżisti imma jrid jitgħallem jgħin lilu nnifsu.
F’dan l-isfond deżolanti, wieħed m’għandux għalfejn jiskanta li l-Griegi qed iwarrbu l-partiti tradizzjonali u jappoġjaw partiti ġodda. Fuq quddiem nett hemm Syriza, li tfisser Koalizzjoni tax-Xellug Radikali. Din hija koalizzjoni ta’ ħdax-il grupp li jinkludu ewrokomunisti, maoisti, trostkijiti u ħodor immexxija minn mexxej ferm kariżmatiku, Alexis Tsipras li sar ukoll il-mexxej tax-xellug radikali Ewropew u mexxa lista fl-elezzjonijiet tas-sena l-oħra tal-parlament Ewropew.
Syriza ttriplikat il-voti għal 16% tal-voti fl-elezzjoni ta’ Mejju 2012. Wara li dawn l-elezzjonijiet ma welldux gvern stabbli, saret elezzjoni ġdida f’Ġunju 2012 li fiha Syriza reġgħet żiedet il-voti tagħha għal 27%. Madankollu, Nea Demokratia ġabet 2.8% aktar voti u ħadet il-bonus ta’ 50 siġġu li l-liġi elettorali Griega tirriserva għall-partit li jġib l-akbar numru ta’ voti. Syriza madankollu kien l-aktar partit li ġab voti fl-aħħar elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew b’26.5% tal-voti.
Kollox jindika li llum Syriza se jispiċċa l-akbar partit fil-parlament Grieg imma għajnejn l-osservaturi mhuwiex biss fuq Syriza imma anke fuq partit ieħor fuq in-naħa l-oħra tal-ispettru politiku, il-partit estrem lemini ta’ Żernieq tad-Deheb. Minkejja li għandu l-mexxejja tiegħu fil-ħabs, dan il-partit qed jisfrutta t-tensjoni soċjali li hemm fil-Greċja b’politika ksenofobika għall-aħħar. Wieħed irid jara jekk dan il-partit hux se jispiċċa bħala t-tielet l-akbar partit wara Syriza u Nea Demokratia.
Aktar ma avvanzat il-kampanja elettorali li ġiet imsejħa ħabta u sabta wara li l-parlament Grieg ma rnexxielux jaħtar president ġdid, aktar ma’ Syriza bdiet timmodera r-retorika tagħha. Syriza ma tridx li l-Greċja toħroġ mill-ewro imma Tsipras qed jgħid li mhux se jirrispetta l-ftehim li daħlu għalihom il-gvernijiet preċedenti. Madankollu, qed isostni li gvern immexxi minn Syriza se jirrispetta l-obbligi li l-Greċja għandha bil-parteċipazzjoni tagħha fl-istituzzjonijiet Ewropej. Skond Tsipras, l-awsterità ma tagħmilx parti mit-trattati tal-fundazzjoni tal-UE u t-troika mhix istituzzjoni Ewropea.
L-argument ta’ Tsipras huwa pjuttost inġenwu. Bl-istat attwali ta’ finanzi pubbliċi Griegi, Syriza se ssibha ferm diffiċli li żżomm il-wegħdiet elettorali tagħha li għandhom xamma ta’ popoliżmu. Syriza qed twiegħed li l-paga minima tiżdied minn anqas minn €500 għal €750 fix-xahar, li l-pensjonijiet jiżdiedu, li tiżdied in-nefqa pubblika u li jerġa’ jingħata d-dawl lil min inqatagħlu minħabba nuqqas ta’ ħlas.
Syriza se ssibha ukoll ferm diffiċli li jirnexxielha tirrinegozja d-dejn pubbliku massiċċ li l-Greċja għandha mal-kumplament tad-dinja. Il-pożizzjoni uffiċjali tat-troika, u speċjalment tal-Ġermanja, hija pjuttost intransiġenti. Imma kif sostna l-ekonomista Amerikan magħruf Jeffrey Sachs din il-ġimgħa, tajjeb li wieħed jitgħallem mill-istorja u jiftakar kif sittin sena ilu, id-dinja, inkluż il-Greċja, ħafret nofs id-dejn tal-Ġermanja mhux għax il-Ġermanja kien jixraqilha tali maħfra imma għaliex il-Ġermanja kellha bżonn li jkollha bidu ġdid. Barra minn hekk, skont il-ftehim ta’ Londra tal-1953, il-ħlasijiet tad-djun kellhom isiru biss jekk il-bilanċ kummerċjali Ġermaniż ikun pożittiv u mhux minn dejn ġdid u kien limitat għal 3% tal-qliegħ mill-esportazzjoni.
Skont Sachs, il-verità ċara dwar il-kriżi tad-dejn Grieg hi li din hija distrazzjoni enormi. L-ekonomija Griega hija biss 2% tal-ekonomija tal-ewrożona u l-populazzjoni Griega hija biss 2% dik tal-UE. Dan ma jfissirx li l-Greċja għandha tingħata bis-sieq jew imkeċċija mill-ewrożona. Ifisser il-kontra li l-kriżi għandha tissolva b’mod li jiffavorixxi lil Greċja. Sachs ikompli jgħid li l-problema ta’ għaqda monetarja hi li d-dubju jkisser ż-żona ekonomika, jekk mhux l-munita komuni wkoll. Skond Sachs, kull min jagħmel is-somom tad-dejn Grieg jaf li l-Greċja ma tistax tħallas id-dejn estern tagħha, madwar 175% tal-PGD mingħajr tbatija li mhix aċċettabbli f’soċjetà demokratika. Jeffrey Sachs ikompli jsaqsi jekk il-Greċja “ħaqqhiex” li tingħata nifs fuq id-dejn tagħha. Il-politiċi Griegi kkomportaw ruħhom ħażin kif għamlu l-banek Ġermaniżi, Franċiżi u Amerikani. Madankollu, il-mistoqsija li verament għandha ssir hija jekk hemmx ħtieġa ta’ dan in-nifs u jekk il-Ġermanja u l-kredituri l-oħrajn għandhomx jagħtuh dan in-nifs.
Ir-risposta ta’ Sachs hija ċara u jekk ma jintlaħaqx ftehim kostruttiv li jagħti lil Greċja nifs ġdid, l-ewrożona taffaċja kollass politiku b’ramifikazzjonijiet potenzjali ferm akbar mill-Greċja. Sachs jikkonkludi li s-soluzzjoni mhijiex teknikament diffiċli: id-dejn estern Grieg jiġi ristrutturat bħala self fit-tul b’imgħax baxx fl-ewwel ħames snin li jiżdied aktar ’il quddiem.
Il-proposta ta’ Sachs taqbel ferm ma’ dak li Syriza jridu. Mill-banda l-oħra, Merkel ukoll użat lingwaġġ distensiv waqt il-laqgħa għolja mat-Taljani ġo Firenze u wriet li hija lesta li tiddjaloga ma’ gvern ġdid Grieg.
Minkejja l-biża’ kollu li bosta qed juru fil-każ li Syriza jieħdu l-poter fil-Greċja, jidher li ftit hemm possibilità ta’ Grexit. Bħal Ġermanja fl-1953, il-folol li se joħonqu Pjazza Sintagma fiċ-ċentru ta’ Ateni llejla għandhom dritt ta’ bidu ġdid. U l-Ewropa ma tistax twarrab l-għeruq storiċi tagħha u tħalli nies fi ħdanha bil-ġuħ u bla dar. Minkejja kollox, Tsipras u Syriza jistgħu jkunu l-bidu ta’ esperiment politiku ġdid pożittiv li ħa joħroġ il-Greċja mill-kriżi kbira li tinsab fiha.
Segwini fuq Twitter @ellisjoseph jew Facebook.