Iż-żmien jgħaddi u ma jistenna lil ħadd
Jien hekk qed nipprova nagħmel, inkun sinċier dwar il-fatti, u forsi kien hemm min jista’ wkoll ma jaranix ħelu
Iż-żmien jgħaddi u ma jistenna lil ħadd, għalhekk huwa importanti li tagħmel l-aħjar użu minnu. Matul dawn l-aħħar xhur, sħabi tal-uffiċċju u jien, użajna kull ħin possibbli sabiex nifhmu aħjar u nitgħallmu aktar sabiex jitjieb l-operat fl-oqsma li tagħhom għandna responsabbiltà. Kienu xhur fejn iltqajna ma’ ħafna għaqdiet u gruppi, u smajna aktar milli tkellimna. Tgħallimna u fhimna aktar x’hemm bżonn isir. Dan sabiex inkunu aktar ippreparati għall-ħidma tagħna fix-xhur ta’ wara.
Huma tlieta l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħna u magħhom ħdimna mill-viċin dwar proġetti ġodda li varajna fl-aħħar xhur. L-MCST, jagħmlu ħidma importanti sabiex f’pajjiżna jkun hawn aktar opportunitajiet għall-aktar persuni li jimirħu fl-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni. Proġetti interessanti fosthom Horizon 2020 u Fusion huma wħud minnhom. Minbarra fondi għall-proġetti, bħalissa għaddej ix-xogħol fuq Esplora; proġett bi spiża ta’ €26 miljun li mistenni jibda jilqa’ l-viżitaturi matul is-sena 2015.
Mal-Aġenzija Żgħażagħ varajna għall-konsultazzjoni pubblika l-politika nazzjonali. Barra minn hekk ħdimna sabiex il-Youth Workers ikollhom il-warrant li biha jkunu meqjusa professjonisti. Aġenzija Żgħażagħ hija impenjata fil-proġett Youth.inc, hawnhekk żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-21 sena, jiġu mgħejuna sabiex itejbu l-livell edukattiv tagħhom billi jkabbru l-valuri u l-ħiliet tagħhom. Żidna wkoll żewġ Youth Hubs, wieħed fl-MCAST u l-ieħor fil-Higher Secondary. Il-ħidma fost iż-żgħażagħ baqgħet għaddejja bi skemi bħal dik immirata lejn l-aljievi żgħażagħ tat-tagħlim tal-mużika fil-każini.
Kont ili midħla tax-xena sportiva f’pajjiżna, madankollu qatt ma bsart kemm l-impenn u l-ħidma f’dan il-qasam trid tkun kbira. Kont kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport għall-ħames snin, però llum qed inħoss aktar mill-viċin, il-polz ta’ dawk li b’xi mod jew ieħor jimmilitaw f’xi dixxiplina sportiva fost il-ħafna li għandna f’dan il-pajjiż. Naħseb li ltqajt mal-għaqdiet sportivi kollha, li kollha għandhom bżonnijiet partikolari. Kważi kollha huma mmexxija minn volontieri, li flok iqattgħu l-ftit ħin liberu mal-familji tagħhom, iqattgħuh f’ħidma għall-għaqda li tant iħobbu. Li ma kienx għal dawn in-nies, kieku ħafna dixxiplini sportivi ma jeżistux. Sfortunatament ħafna mill-għaqdiet, assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet jagħmlu ħafna talbiet. Mhux kull talba li jressqulna dawn l-għaqdiet tista’ tiġi sodisfatta. Mhux gost tiegħi nwassal messaġġ bħal dan, li t-talba ta’ għaqda partikolari ma tistax tintlaqa’. Iżda l-irġulija titlob li turi l-verità. Jekk kemm-il darba l-għajnuna ma tistax tingħata, dak li jkun ikun infurmat u mhux jibqa’ jgħix fit-tama. Jien hekk qed nipprova nagħmel, inkun sinċier dwar il-fatti, u forsi kien hemm min jista’ wkoll ma jaranix ħelu!
Jien hekk qed nipprova nagħmel, inkun sinċier dwar il-fatti, u forsi kien hemm min jista’ wkoll ma jaranix ħelu
Permezz tal-għajnuna ta’ numru ta’ dilettanti tal-Motor Sport ħejjejna rapport dwar x’hemm bżonn isir, x’jista’ jsir u kif jista’ jsir, sabiex f’pajjiżna jkollna trakka tat-tiġrijiet tal-karozzi ta’ livell. Qbilna li ma nistgħux nagħmlu żbalji, għax korsa ta’ dan it-tip waħda biss jista’ jkollna. Konxji miċ-ċokon ta’ pajjiżna u n-nuqqas ta’ art, aħna qed inkomplu naħdmu sabiex flimkien mal-privat, isseħħ din il-ħolma tal-eluf tad-dilettanti tal-Motor Sport f’pajjiżna.
Ħolma oħra hi li jkollna shooting range ta’ livell internazzjonali, u anke f’dan il-qasam għaddejja ħidma sfieqa sabiex din isseħħ ukoll. B’rabta ma’ dan il-Malta Sport Shooting Sport Federation ħadmu sabiex fis-sena 2017 pajjiżna jospita t-Tazza tad-Dinja tal-Isparar.
Pajjiżna jiflaħ li jkollna korsa waħda tal-karozzi, shooting range internazzjonali wieħed, pixxina nazzjonali waħda u korsa tat-tlielaq taż-żwiemel waħda. Dwar din tal-aħħar, aħna nemmnu li din tista’ tkun ta’ livell ogħla, ta’ livell internazzjonali. Aħna konxji, kemm isiru sforzi mis-sidien u l-ġerrejja sabiex ikollna tiġrijiet mill-aqwa. Issa jmiss sforz ieħor flimkien sabiex dan il-livell ikompli jogħla anke billi ntejbu l-faċilitajiet u dak kollu marbut mat-tiġrijiet taż-żwiemel.
La semmejt qabel il-pixxina nazzjonali, t-tir hu li din, b’mod strutturat, ssirilha xi xogħol sabiex tinġieb fi stat u livell aħjar minn dak li sibnieha fih. Għal ħafna snin, din il-faċilità ntelqet għal riħha, b’manutenzjoni miżera. Sfortunatament sibna ħsara fis-soqfa ta’ parti mill-faċilità tal-Qroqq, li kienu ta’ periklu għal dawk li jiffrekwentawha. Dan ix-xogħol ma setax jistenna, kemm minħabba s-saħħa u s-sigurtà ta’ min jużaha u/jew jaħdem fil-faċilità, kif ukoll għax ma nistgħux inħallu l-ħsara tikber. Saret ħidma sabiex dan ix-xogħol bi spiża kbira jibda fl-iqsar ħin possibbli. Il-pjan hu li x-xogħol jitlesta sa April, sabiex din il-parti tal-faċilità tkun tista’ terġa’ tibda titgawda fi stat mill-aqwa. Wara dan hemm aktar xogħol ipprogrammat għall-istess faċilità.
Minbarra x-xogħol f’faċilitajiet ġodda, l-KMS għadu għaddej f’ħidma sfieqa diretta lejn l-assoċjazzjoniet u federazzjonijiet sportivi. Minbarra l-assistenzi mogħtija taħt skemi diversi, l-KMS għaddej bil-programmi ssussidjati sabiex ikattru u jxettlu aktar l-kultura sportiva. Il-KMS ma jiffokax biss fuq dak l-atleti hekk imsejħa elit, imma jipprova jħajjar il-popolin sabiex jibda jkun attiv. Dan isir permezz ta’ programmi bħal Skolasport, Summer on the Move u anke l-attivitajiet kollha organizzati f’MOVE week.
Tagħmel kemm tagħmel, qatt ma tagħmel biżżejjed. Hemm ħafna aktar xogħol li jrid isir u proġetti oħra li se jkunu varati fix-xhur li ġejjin. L-għan tagħna u tat-tliet entitajiet li jaqgħu taħtna huwa li nħallu l-qasam li tiegħu ngħatajna r-responsabbiltà aħjar milli sibnieh aħna. Dan jista’ jsir biss jekk tirranġa dak li hu ħażin, ittejjeb dak li diġà huwa tajjeb u toħloq proġetti innovattivi ġodda li jiggwadanja minnhom il-poplu Malti.