Ta’ Ċens itajjar in-ngħas

Din l-istorja wriet, jekk kien hemm bżonn li xi ħadd jiftaħ għajnejh, kemm il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-petrol u diesel f’pajjiżna hija ħrafa

L-“id inviżibbli” li l-ekonomista Skoċċiż Adam Smith kien tkellem dwarha mhix dejjem titħalla ħielsa imma spiss tispiċċa ma tistax tiċċaqlaq
L-“id inviżibbli” li l-ekonomista Skoċċiż Adam Smith kien tkellem dwarha mhix dejjem titħalla ħielsa imma spiss tispiċċa ma tistax tiċċaqlaq

Illum fid-dinja, wara l-kollass tas-sistema tal-ekonomija ta’ kmand ċentrali kif kienet ipprattikata fl-eks Unjoni Sovjetika u fl-Ewropa tal-Lvant, hawn qbil ġenerali li s-sistema tas-suq ħieles hija superjuri għal kwalunkwe sistema ekonomika oħra. Imma dan ma jfissirx li s-sistema tas-suq ħieles hija perfetta. L-“id inviżibbli” li l-ekonomista Skoċċiż Adam Smith kien tkellem dwarha mhix dejjem titħalla ħielsa imma spiss tispiċċa ma tistax tiċċaqlaq. Dan ilu magħruf għax anke r-Rumani kellhom liġijiet kontra l-manipulazzjoni tal-kummerċ. Ħamsin sena qabel it-twelid ta’ Kristu, ir-Repubblika Rumana imponiet multi kbar fuq min ifixkel il-kummerċ tal-qamħ permezz tal-Lex Julia de Annona. Fl-1890, il-Kungress Amerikan, fi sforz sabiex jelimina kwalunkwe manipulazzjoni tas-suq u speċjalment fil-qasam tat-trasport tal-ferroviji li kien jirrikjedi kapital qawwi, għadda x-Sherman Act li fl-Artiklu 1 iddikjara illegali “kull kuntratt, fil-forma ta’ trust jew mod ieħor, jew konġura, li tfixkel il-kummerċ bejn id-diversi stati jew ma’ pajjiżi barranin.” L-Artiklu 2 jipprojbixxi l-monopolji jew attentati jew konġuri sabiex ikun hemm monopolju. U anke hawn Malta mill-1854 kien u għadu kontravenzjoni kontra l-ordni pubbliku li xi ħadd “jiftiehem ma’ persuni oħra tal-professjoni jew sengħa tiegħu biex jgħollu jew ibaxxu l-prezz ta’ oġġett, jew il-pagi tax-xogħol, jew biex jagħmlu kundizzjonijiet bi ħsara għall-pubbliku, f’dak li jidħol fil-professjoni jew sengħa tagħhom” (artiklu 338(t) tal-Kap. 9), liema kontravenzjoni tista’ twassal, fil-każ ta’ ħtija, għal detenzjoni sa xahrejn u għal ammenda ta’ €58.23! 

Nhar it-Tlieta, ġriet aħbar li ħasdet lil pajjiż kollu. Is-sid ta’ pompa tal-petrol fir-Rabat ta’ Malta, M & N Camilleri magħruf bħala Ta’ Ċens iddeċieda li jraħħas il-prezz tad-diesel b’2ċ-il litru, minn €1.35 għal €1.33. Mario Camilleri, sid il-pompa, stqarr li l-importatur, San Luċjan Oil Company, kumpanija tal-Falzon Group, kien żied il-marġni tal-qliegħ lil tal-pompa, u huwa deherlu li għandu jgħaddi din iż-żieda lill-konsumatur. B’hekk, il-prezz tad-diesel ta’ San Luċjan kien se jkun 2ċ irħas mill-prezz tal-akbar importatur ta’ petrol u diesel fil-pajjiż, il-kumpanija tal-istat, Enemed li ġiet iffurmata s-sena l-oħra wara li l-Enemalta biegħet it-Taqsima tal-Pitrolju tagħha lill-kumpanija tal-istat, Malta Government Investments għal €83 miljun.

Ta’ Ċens għamel l-aktar ħaġa normali li għandu jagħmel kull kummerċjant onest: huwa ddeċieda li flok ma jdaħħal fil-but iż-żieda fil-marġni tal-qliegħ, jikkuntenta ruħu bil-qliegħ li kien imdorri bih u jnaqqas il-prezz lill-konsumatur. B’hekk, kien se jkun hemm għal ewwel darba f’erbgħin sena differenza fil-prezzijiet fil-pompa tal-petrol u diesel. Użajt il-passat u mhux il-preżent jew il-futur għax il-ferħ tal-konsumatur ma damx wisq. Ta’ Ċens kellu jerġa’ jgħolli l-prezz għaliex skont hu, ġie mwissi minn Joe Falzon tal-Falzon Group li ż-żieda fil-qliegħ li kienet ingħatatlu kienet se titneħħa jekk ma jerġax jgħolli l-prezz minħabba l-ilmenti li kellu mis-sidien l-oħra tal-pompi.

Din l-istorja wriet, jekk kien hemm bżonn li xi ħadd jiftaħ għajnejh, kemm il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-petrol u diesel f’pajjiżna hija ħrafa. U kemm mhux effettiv ir-reġim regulatorju li għandna f’pajjiżna li suppost jiżgura li ma jkunx hawn prattiċi monopolistiċi jew oligopolistiċi u li ħadd ma jabbuża mill-posizzjoni dominanti li jkollu fis-suq. Joe Falzon, is-sidien tal-pompi tal-petrol kif ukoll importaturi oħra tal-petrol u diesel probabilment ma jafux x’sanzjonijiet jistgħu jaffaċjaw minħabba l-komportament tagħhom li biċ-ċar jikser il-liġi. Imma l-importaturi u s-sidien tal-petrol lanqas għandhom jingħataw it-tort kollu għax l-awtoritajiet regulatorji li huma fid-dmir li jizguraw li jirrenja is-suq ħieles u li ma jkunx hawn prattiċi ristrettivi fallew bil-kbir fil-qadi tal-funzjoni tagħhom.

Wara li din l-istorja ħarġet fil-pubbliku, il-poplu nduna wkoll li fil-każ tad-diesel f’Malta hawn aktar minn impurtatur wieħed. Bosta korpi kostitwiti esprimew it-tħassib tagħhom dwar il-mod kif jaħdem is-suq tal-petrol u diesel fil-pajjiż u talbu li ssir diskussjoni fir-rigward fi ħdan il-Kunsill Malti tal-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali. Mill-banda l-oħra, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista kompliet ittambar li l-gvern għandu jraħħas il-prezz tal-petrol u diesel. S’issa l-enfasi ġenerali kienet dejjem li l-gvern bħal missier etern iħenn minn uliedu u jraħħas il-prezz tal-petrol u d-diesel. Anke l-Ministeru tal-Enerġija serħilna rasna li fil-pajjiż hawn suq ħieles fil-qasam tal-enerġija imma frankament, dan qisu il-Korea ta’ Fuq tgħid li tirrispetta l-libertà tal-espressjoni. Kulħadd donnu nesa li fil-pajjiż suppost hawn awtoritajiet regulatorji li xogħolhom hu li jiżguraw li ma jkunx hawn abbużi fis-suq li għandhom iqumu min-nagħsa li ilhom fiha dawn is-snin kollha, anke taħt gvern Nazzjonalista. L-unika eċċezzjoni ta’ min ifaħħarha kienet l-Għaqda tal-Konsumaturi li qabdet il-barri minn qrunu u talbet li l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur li tinvestiga jekk hawnx prattiċi oligopolisitiċi li kienu qed joħonqu s-suq ħieles fil-qasam tal-bejgħ tal-petrol u tad-diesel. Jidher li dan l-ilment qajjem l-uffiċċju tal-kompetizzjoni min-nagħsa twila tiegħu u beda jinvestiga x’qed jiġri fis-suq.

Ir-reġim regulatorju f’pajjiżna huwa msejjes fuq żewġ liġijiet li waqfu l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur li fi ħdanha hemm l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni u l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi. Il-liġi tagħti lil dawn iż-żewġ awtoritajiet li jiswew flejjes kbar lill-pajjiż funzjonijiet ben speċifiċi. Il-funzjoni tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur hija primarjament li “(a) li tippromwovi u ssaħħaħ l-kompetizzjoni; (b) li tissalvagwardja l-interessi tal-konsumatur u ttejjeb il-ħarsien tagħhom; (artiklu 4 tal-Kap. 510). Fil-każ tal-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi, il-funzjoni tagħha mhux biss:” (a) li tirregola, tissorvelja u żżomm fil-konjizzjoni tagħha kull prattika, operazzjoni u attività li tirrigwarda rriżorsi tal-enerġija, l-ilma u l-minerali;” imma ukoll “(d) li tiżgura kompetizzjoni ġusta f’kull prattika, operazzjoni u attività bħal dik;” (artiklu 4 tal-Kap. 423). 

Dawn l-awtoritajiet twaqqfu anke fl-isfond tad-dħul ta’ Malta fl-UE. L-artiklu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jgħid li “ Is-segwenti għandhom ikunu inkompatibbli mas-suq intern u għandhom ikunu projbiti: l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiċi kollha miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern, partikolarment dawk li jinvolvu: a) l-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet tal-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kondizzjonijiet oħra tan-negozju, b) il-limitazzjoni jew kontroll tal-produzzjoni, tas-swieq, tal-iżvilupp tekniku jew tal-investiment, ...” L-artiklu 102 jkompli jgħid li “Safejn il-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jiġi milqut, kull abbuż minn impriża waħda jew iktar minn pożizzjoni dominanti fi ħdan is-suq intern, jew fi ħdan parti sostanzjali tiegħu, jkun inkompatibbli mas-suq intern u jkun projbit. Eżempji ta’ abbuż bħal dan huma: a) l-impożizzjoni diretta jew indiretta ta’ prezzijiet inġusti tal-akkwist jew tal-bejgħ, jew kondizzjonijiet oħra inġusti ta’ kummerċ, b) il-limitazzjoni tal-produzzjoni, tas-swieq jew tal-iżvilupp tekniku bi ħsara għall-konsumaturi...”

Jekk dawn l-awtoritajiet wettqu xi sforzi sabiex jiżguraw li tassew ikun hawn suq ħieles fil-qasam tal-bejgħ tal-petrol u tad-diesel, dawn l-isforzi kienu tant timidi li ħadd ma nduna bihom. L-Uffiċju tal-Kompetizzjoni għandu bosta strumenti għad-diżposizzjoni tiegħu għalkemm forsi wieħed għandu jirrikunsidra jekk dawn l-istrumenti humiex adekwati. L-artikli 9 (1) tal-Kap. 379 jistipula li “Kull abbuż minn intrapriża waħda jew iżjed minn pożizzjoni dominanti f’Malta jew f’xi parti ta’ Malta hu projbit.” L-istess att fl-artiklu 11A jgħid li “Fejn it-tendenza tal-kummerċ, ir-riġidità tal-prezzijiet jew ċirkostanzi oħra jissuġġerixxu li l-kompetizzjoni tista’ tkun ristretta, jew imxekkla fi ħdan is-suq Malti, id-Direttur Ġenerali jista’ jmexxi l-inkjesta fis-settur partikolari tal-ekonomija jew f’tip partikolari ta’ ftehim madwar setturi varji.” Possibli li d-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) mill-2007 ’l hawn qatt ma nduna bir-riġidità tal-prezz tal-petrol u d-diesel f’pajjiżna qabel ma ċċaqlaq ta’ Ċens! L-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni jista’ joħroġ ordni ta’ waqfien sabiex impriża ma tissoktax fil-prattiċi abużivi tagħha u anke jfaqqa’ multa amministrattiva sa 10% tad-dħul totali tal-impriża fis-sena ta’ qabel. Multa li mhix taċ-ċajt imma li sa fejn magħruf qatt ma ngħatat. Tajjeb ukoll li wieħed iżomm f’moħħu l-artiklu 27A tal-Kap. 379 li jgħid li “Kull persuna li ssofri danni bħala riżultat tal-ksur tal-artikoli 5 u, jew 9 u jew l-Artikoli 101 u, jew 102 tat-TFUE tista’ tibda azzjoni għad-danni quddiem qorti ta’ ġurisdizzjoni ċivili.” Jiġifieri kull min iħoss li kellu jħallas aktar għall-petrol jew diesel jista’ jħarrek lill-impurtaturi tad-diesel talli mmanipulaw is-suq.

Kif kont qed nikteb dan l-artiklu, ħarġet l-aħbar li l-Gvern se jraħħas il-prezz tad-diesel u tal-petrol b’4 ċenteżmi l-litru. Wieħed irid ifakkar li fil-baġit ta’ din is-sena, il-gvern irrikorra għall-prattika antika li jiffissa l-prezz ta’ affarijiet essenzjali u naqqas marġinalment il-prezz tal-petrol u d-diesel li suppost kellu jibqa’ fis-seħħ sa l-aħħar ta’ Marzu. Issa wara l-kritika kollha li saret, il-Gvern iddeċieda li jraħħas il-prezzijiet ħabta u sabta. L-ispjegazzjoni li ta l-gvern li rnexxielu jidħol fi ftehim ġdid ta’ hedging hi qajla konvinċenti u jidher li dan il-gvern, bħal dawk ta’ qablu, qed iqis il-bejgħ tal-petrol u d-diesel bħala sors tajjeb ta’ dħul. 

L-għan għandu jkun li s-suq tal-bejgħ tal-prodotti tal-petrol, kif ukoll ta’ kwalunkwe ħaġa oħra, ikun tassew ħieles. Wieħed ma jistax ma jinnutax is-silenzju totali tal-ministru responsabbli mill-Uffiċju tal-Kompetizzjoni u l-inerzja tal-istess uffiċċju mhux biss fil-qasam tal-bejgħ tal-petrol u tad-diesel imma anke f’oqsma oħra bħall-imgħax tal-banek. U l-fatt li l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi taqa’ taħt l-istess ministru tal-enerġija ma tantx tispira fiduċja. Għalhekk, wieħed jawgura li l-Prim Ministru jindirizza din l-anomalija ċara u jpoġġi din l-Awtorità taħt dekasteru ieħor. Jekk pajjiżna jrid igawdi l-frott kollu tas-sħubija fl-UE, ma jistax jittraskura l-mod kif jaħdem is-suq ħieles u jħallih jixxekkel f’bosta oqsma minn prattiċi li jħaxxnu l-but tal-ftit għad-detriment tal-ħafna. Ta’ Ċens ħaqqu tassew prosit għax tajjar in-ngħas lil min suppost ilu jgħasses fuq is-suq. Nistennew u naraw x’se jkun ir-riżultat.

Segwini fuq Twitter @ellisjoseph u fuq Facebook.

More in Blogs