Hebdo: Il-Musrana l-Kbira Tal-Kristjaneżmu

Wieħed mill-aktar kotba oriġinali li jista’ jitfa’ dawl fuq il-konflagrazzjoni Charlie Hebdo hu The Race to Save our Century, ippubblikat minn The Crossroad Publishing Company fl-Istati Uniti

Protesta favur l-espressjoni ħielsa fi Stokkolma
Protesta favur l-espressjoni ħielsa fi Stokkolma

Wieħed mill-aktar kotba oriġinali li jista’ jitfa’ dawl fuq il-konflagrazzjoni Charlie Hebdo hu The Race to Save our Century, ippubblikat minn The Crossroad Publishing Company fl-Istati Uniti.

James Scott Jones u John Zmirak, l-awturi, ipproponew li anki rivisti li jippubblikaw karikaturi kontra r-reliġjon huma, paradossalment, parti mill-Ġisem ta’ Kristu, anki jekk forsi jinsabu fin-naħa t’isfel tal-imsaren. Bħala kongregazzjoni ta’ Kristjani, hemm wisgħa għal Kristjani ħżiena u mhux Kristjani, bħalma hemm wisa’ għal ċelloli tal-mistiċi.

Charlie Hebdo ma jistax ikun ikkundannat, skont l-analizi. U jkompli hekk: “Meta kien hemm tentattivi biex soċjetajiet Kristjani jkunu purifikati mid-dissens, dejjem kien hemm katastrofi: l-eretiċi maħruqin, il-Lhud ittimbrati bil-vendetta fi Franza rivoluzzjonarja jew Spanja faxxista.

SLAVŎJ ZIŽEK U L-MASSAKRU TA’ CHARLIE HEBDO

Il-filliera ta’ quddiem nett li mxiet wara l-qraba tal-vittmi tal-istraġi ta’ Pariġi, irrappreżentat ipokresija u bigotiżmu fl-agħar tiegħu. Kien hemm il-President Hollande, personifikazzjoni ta’ Franza imperjalista u qattiela. Kien hemm il-Kanċilliera Angela Merkel, li llum tittama li l-kuxjenza kollettiva Kristjana ħafret u nsiet il-fran ta’ Belsen u Dachau, it-trofej brutali tan-Nazi.

Jimxi mal-filliera tal-potenti kien hemm ukoll Benjamin Netanyahu, l-arkitett, b’kollaborazzjoni mal-Istati Uniti, tat-tifrik u l-qtil barbaru li sar f’Gaza. Netanyahu, ma ninsewx, hu s-suċċessur ta’ Ariel Sharon u l-gwerra fil-Lebanon u l-massakru fil-kampijiet tar-refuġjati Palestinjani f’Sabra u Shatila fis-snin tmenin tas-seklu li għadda.

Hemm kienet il-filliera tal-ipokriti, tiddikjara Nous sommes tous Charlie. Dik il-filliera kienet karikatura bil-wisq aktar konkreta mit-tpinġijiet irreverenti tar-rivista Pariġina (li edizzjonijiet tagħha diġà bdew ikunu innegozjati fis-suq tal-ebay u sorsi oħra).

Il-filliera li mxiet wara l-familji ta’ dawk maqtula fil-massakru ta’ Pariġi rrappreżentat karikatura miexja ta’ poter u psewdo-libertà. Imxew f’filliera solennament maskerata dawk li bil-modi sottili tagħhom qed jissottomettu l-kultura għall-egemonija, jibdluha fi strument biex taqdi l-interessi politiċi tagħhom, jippretendu li qed isservi ta’ kawża għall-valuri morali distorti tagħhom.

Forsi ma kellniex għalfejn niskantaw li, wara kollox, il-marċ ta’ Pariġi spiċċa f’karnival, f’għajjat, nies imxabbtin mal-istatwi, daqq bil-hornijiet tal-arja u forom oħra ta’ bluhat. Manifestazzjoni ta’ natura għal kollox reazzjonarja u borgiża. Tokiniżmu tal-okkażjoni li jaħbi l-implikazzjonijiet veri wara l-qtil ta’ Pariġi. Biex nissellef mill-ħassieb Sloven Slavŏj Zižek, forsi dak li ġara fil-kapitali Franċiża kien kunflitt falz għax illum, ir-realtà tal-kunflitt għandha l-għeruq tagħha f’sitwazzjoni li Max Horkheimer kien diġà nduna biha mat-tmenin sena ilu: hemm dawk li ma jridux jikkritikaw il-kapitaliżmu u dawk li jridu jisktu dwar il-Faxxiżmu: “U llum, dawk li ma jridux jitkellmu b’mod kritiku dwar id-demokrazija liberali, għandhom jagħlqu ħalqhom dwar il-fundamentaliżmu reliġjuż.” (Ara The New Statesman Online tal-10 ta’ Jannar, 2015).

NETANYAHU BĦAL MIN ATTAKKA CHARLIE HEBDO

Ir-reazzjonijiet għall-attakki u l-assassinji fuq Charlie Hebdo baqgħu għaddejjin, kif mistenni, għal ġimgħat sħaħ. Kien hemm l-aktar il-biża’ li dak li ġara f’Pariġi jista’ jiġri fil-bliet kapitali Ewropej oħra. Wara kollox, mijiet ta’ żagħżagħ Ewropej ħallew pajjiżhom biex jitħarrġu ma’ terroristi fis-Sirja, fl-Iraq u fil-Jemen.

Imma kien hemm kummenti aktar inċiżivi li jfarrku l-miti u l-apparenzi tal-“innoċenza.” Il-Prim Ministru Tork (li mhux nieqes mill-kontroversja) bla tlaqliq, qabbel lil Netanyahu tal-Israel ma’ dawk li wettqu l-attakki terroristiċi f’Pariġi: Bħal dawk li attakkaw lil Charlie Hebdo, Netanyahu kkommetta ħafna attakki bil-wisq aktar kriminali kontra l-umanità (bi sfida għan-Nazzjonijiet Uniti u mingħajr impunità għax dejjem protett mill-Istati Uniti). “Netanyahu,” qal il-PM Tork, “hu lest li joqtol tfal innoċenti jilagħbu ħdejn il-baħar. Iddistruġġa eluf ta’ djar u mmassakra ċittadini li kienu qed iwasslu għajnuna umanitarja fuq vapur isalpa f’ibħra internazzjonali.”

Ħdejn il-Porte de Vinciennes f’Pariġi, dehret il-maskra despikabbli ta’ Netanyahu.

FRANĠISKU DWAR L-INSULT KONTRA L-FIDI

Min-naħa l-oħra, il-Papa Franġisku baqa’ jsejjaħ għad-djalogu, fl-istess waqt li tkellem kontra li wieħed jinsulenta r-reliġjonijiet. Ma tistax tipprovoka t-twemmin tal-oħrajn. M’għandekx dritt twaqqa’ għaż-żufjett it-twemmin. Jekk xi ħadd iħoss li għandu d-dritt li joffendi lil ommi, jien għandi d-dritt li nagħtih daqqa ta’ ponn f’wiċċu.

Il-libertà tal-espressjoni torbot magħha l-libertà tal-espressjoni tal-fidi. M’għandekx dritt tittratta r-reliġjon tal-oħrajn bħal ġugarell.

Franġisku rrefera għall-kruċjati Insara kontra l-Iżlam fil-passat: Anki aħna dnibna f’isem Alla u kkommettejna aberrazzjoni.

Forsi għadu ma ngħadx kollox dwar il-famuż marċ ta’ solidarjetà f’Pariġi. It-TV Franċiż xandar wide shot li turi li bejn il-mexxejja u d-dinjitarji tal-pajjiżi kien hemm distanza fiżika qawwija bejnhom u bejn il-massa tal-protestanti. X’unità dik, hux?

More in Blogs