Serq fil-wiċċ
Huwa għalhekk l-insistenza u l-pressjoni kontinwa minn naħa tal-Oppożizzjoni biex il-Gvern iraħħas b’mod sostanzjali u b’mod immedjat
Matul dawn l-aħħar ġimgħat il-familji, il-ħaddiema u n-negozji Maltin u Għawdxin ġew iffaċċjati minn realtà skomda – irrealizzaw li għal dawn l-aħħar xhur kienu u għadhom qegħdin iħallsu fost l-ogħla prezzijiet għad-diesel u l-petrol.
Matul dawn l-aħħar seba’ xhur rajna l-prezz internazzjonali taż-żejt jinżel minn 100 dollaru l-barmil saħansitra għal 44 dollaru l-barmil. Hu propju għalhekk li s-sitwazzjoni li qegħdin fiha l-Maltin u l-Għawdxin llum tħallik bla kliem. Għal dawn l-aħħar xhur rajna prezzijiet internazzjonali taż-żejt illi niżlu ferm taħt il-100 dollaru, jiġifieri mhux talli l-prezz niżel, imma niżel bis-saħħa, aktar minn 50% f’temp ta’ ftit xhur. U preċiżament għalhekk illi hawn f’pajjiżna wieħed stenna li l-konsumatur u n-negozji jgawdu mill-waqgħa tal-prezz internazzjonali taż-żejt. Il-verità hi li pajjiżi Ewropej oħra qed iħallsu ferm inqas minna. Il-verità hi li pajjiżi Ewropej oħra raw traħħis sostanzjali. Iżda f’Malta xejn minn dan.
Spiċċajna saħansitra f’sitwazzjoni fejn f’Malta l-prezz għad-diesel u l-petrol kien ogħla minn meta l-prezz taż-żejt kien id-doppju. Meta wieħed jinkludi t-taxxa jsib li konna saħansitra t-tielet l-ogħla fl-Ewropa. Mingħajr it-taxxa konna l-ogħla. Kien għalhekk illi l-Oppożizzjoni saħqet mal-Gvern li l-prezzijiet tad-diesel u l-petrol għandhom jorħsu b’mod immedjat u b’mod sostanzjali – xi ħaġa li ċertament hi ta’ benefiċċju kbir għall-ekonomija Maltija – specjalment meta wieħed jara t-tnaqqis li qed jiġi reġistrat fl-aħħar xhur fil-bejgħ mill-ħwienet.
Iżda l-ewwel reazzjoni tal-Gvern kienet li n-nies ma jimpurtahomx mill-prezz tad-diesel u tal-petrol – serraħ moħħu, għax skont hu, la s-sena l-oħra nbiegħu iktar karozzi mis-sena ta’ qabel – mela allura kollox sejjer tajjeb! Ara xi tmexxija ekonomika bil-għaqal dik! Fl-istess ħin imbagħad, taqra x’qed jiġri f’pajjiżi oħra – pereżempju, il-każ tar-roħs sostanzjali fir-Renju Unit fejn il-Gvern Ingliż, mhux talli ma ħariġx idoqq it-trombi bir-roħs li ta iżda saħansitra ordna inkjesta biex jara jekk il-kumpaniji hux qed jgħaddu r-roħs kollu lill-konsumatur u n-negozju. Dik hi s-serjetà u t-trasparenza.
U għalhekk in-nies qegħdin jistaqsu. Għaliex dal-prezzijiet artifiċjalment għoljin? Għaliex il-Gvern qed iżomm il-prezzijiet f’dawn il-livelli? Huwa minnu li qed inħallsu prezzijiet eżorbitanti għax il-Gvern falla bi kbir fil-ftehim li għamel bil-hedging, jiġifieri fi kliem sempliċi meta jiftiehem bi prezz fiss bil-quddiem? Ħmistax ilu, fi stqarrija ppublikata mill-Gvern stess, il-Ministru Konrad Mizzi waħħal fil-hedging li għamel – ammissjoni ċara tad-diżastru tal-Gvern f’dan is-settur – u każ tipiku li fejn jiżbalja l-Gvern, tħallas int. Iżda l-aktar kumment li nissilli tbissima (minkejja li ma fissirx affarijiet sbieħ għall-familji tagħna) kienet l-iskuża li t-tnaqqis fil-prezz taż-żejt kien ta’ sorpriża. Allura jien nistaqsi – kien ta’ sorpriża għall-Gvern Malti biss? Barra minn hekk, nammetti li nħossni xi ftit imħassba b’din l-iskuża - min isegwi l-aħbarijiet internazzjonali fuq fuq, ukoll kien mgħarraf li lejn l-aħħar parti tas-sena 2014 il-prezz taż-żejt kien se jinzel bis-saħħa: allura l-Gvern, li għandu timijiet u konsulenti speċifikament iffukati fuq ix-xiri tal-fuel, possibli ngħata l-parir biex jibqa’ għaddej b’dawk id-deċiżjonijiet?
Huwa għalhekk l-insistenza u l-pressjoni kontinwa minn naħa tal-Oppożizzjoni biex il-Gvern iraħħas b’mod sostanzjali u b’mod immedjat. Bl-insistenza u l-pressjoni tagħna, flimkien ma’ tal-imsieħba soċjali – li l-iskop ewlieni tagħhom hu li jiddefendu l-kompetittività, lin-negozji, lil dawk li jaħdmu għal rashom, lill-ħaddiem u lill-konsumatur – fl-aħħar il-Gvern iċċaqlaq ftit, roħs ta’ 4ċ, roħs li xorta waħda hu wieħed miżeru meta mqabbel ma’ dak ta’ pajjiżi membri Ewropej oħra.
Illum inti bħala Malti u Għawdxi qed tħallas ir-raba’ u l-ħames l-ogħla prezz tad-diesel u tal-petrol rispettivament minn fost 28 pajjiż tal-Unjoni Ewropea. Illum inti bħala Malti u Għawdxi qed tħallas sew iktar mill-medja Ewropea – u dan filwaqt li hemm 20 pajjiż Ewropew li qed iħallas taħt il-medja Ewropea għad-diesel u 18-il pajjiż Ewropew li qed iħallas taħt il-medja Ewropea għall-petrol. Hemm pajjiżi li qegħdin ibigħu d-diesel u l-petrol tagħhom saħansitra 30ċ kull litru, irħas milli qed tħallas int, anke iktar. Hemm pajjiżi li qegħdin ibigħu d-diesel u l-petrol tagħhom saħansitra inqas minn €1. Dan kollu jorħos mill-aħħar statistika uffiċjali ppublikata mill-Unjoni Ewropea.
Hu allura proprju fil-kuntest ta’ dan kollu li l-Oppożizzjoni anke sa ressqet mozzjoni quddiem il-Parlament. Dan hu Gvern li jidħak bik sfaċċatament – dan hu l-istess Gvern li meta l-prezz tal-fuels kienu orħos milli huma llum (avolja ż-żejt kien iktar mid-doppju) niżżel in-nies fit-toroq. Illum, jgħidlek li trid tikkuntenta b’dak li għandek. Mhux ta’ b’xejn li l-Gvern għamel minn kollox biex dan id-dibattitu jipprova joqtlu! Mhux ta’ b’xejn li kaxkar saqajh kemm felaħ biex ta d-data ħalli fl-aħħar isir.
Il-messaġġ tiegħi lill-qarrejja huwa biex ma jaqtgħux qalbhom. Fl-assenza ta’ Gvern responsabbli, il-familji Maltin se jsibu lill-Partit Nazzjonalista warajhom. L-istess Partit li fil-passat ma beżax jieħu d-deċiżjonijiet iebsin u jispjegahom. Iżda bl-istess mod se jkun qiegħed iservi ta’ tarka biex il-poplu Malti jiġi trattat bir-rispett u l-onestà li jixraqlu.
Marthese Portelli hi Deputat Nazzjonalista u x-Shadow Minister għall-Ambjent, Enerġija u Trasport