Ir-riċetta mill-eks kolonja
Kieku ċertament li l-imsieħba Ewropej kienu aktar jagħtu każ dak li jgħidu s-sudditi t’Eliżabetta Windsor u r-Renju Unit kien ikollu aktar influwenza fil-ħidma tal-Unjoni
Mhux faċli li teħles mill-passat imperjali. Din hija x-xorti tar-Renju Unit li sas-snin sittin kienet tmexxi parti kbira mill-globu. Min hu tal-ġenerazzjoni tiegħi jiftakar fl-iskola l-mapep tad-dinja b’ħafna rqajja roża tal-pajjiżi li kienu jiffurmaw parti mill-Imperu li kien qed jinbidel f’Commonwealth. Tagħna kienet waħda mill-aħħar ġenerazzjonijiet li trabbejna fuq dieta ta’ propaganda favur l-imperu u l-Ingliżi. Eżempju ċar kien il-ktieb “Outlines of Maltese History” tal-Monsinjur Salvino Laspina, publikazzjoni pro-imperjalista kemm trid.
Il-problema tar-Renju Unit hi li huma maqbudin fil-passat imperjali tagħhom u ma jistgħux iġerrħuha li dik il-glorja issa għaddiet għal dejjem. Għalhekk isibuha daqshekk diffiċli li jipparteċipaw fil-bini t’Ewropa magħquda. Ir-rapport bejn ir-Renju Unit u l-kumplament tal-Unjoni Ewropea huwa wieħed ambivalenti għal aħħar. Fil-waqt li hemm parti sostanzjali mill-popolazzjoni tar-Renju Unit, speċjalment Ingliżi, li jixtiequ jitilqu mill-UE, mhux l-istess jista’ jingħad fir-rigward tal-Iskoċċiżi. Xenarju ta’ Skozja indipendenti fl-UE bil-kumplament tar-Renju Unit barra mill-Unjoni huma improbabbli, imma mhux fantapolitika impossibli. Fl-istess ħin, l-industrijalisti ma jridux li r-Renju Unit joħroġ mill-UE għax jafu li jonqos l-aċċess għall-akbar suq fid-dinja mentri l-bankiera jibżgħu li Londra titlef l-istatus bħala kapitali finanzjarja pre-eminenti Ewropea. Diġà tali status huwa pperikolat mill-fatt li r-Renju Unit ma adottax l-ewro minkejja li l-gvern ta’ Blair kien iddikjara l-ħsieb tiegħu li jagħmel hekk meta jintlaħqu ċertu kundizzjonijiet.
Imma li jaffaxxinani l-aktar hu li minkejja li f’ħafna aspetti r-Renju Unit huwa marġinali minħabba li naqas li jadotta l-munita unika, il-politiċi u l-burokrati tar-Renju Uniti ma tantx jibqgħu lura milli jippronunzjaw ruħhom dwar il-problemi tal-ewrożona u kif għandhom jiġu ssuperati.
Wieħed m’għandux ikun supperv u jinjora l-pariri minn Londra għas-sempliċi fatt li ġejjin minn pajjiż li minkejja li jagħmel parti mill-Unjoni, huwa pjuttost biered fir-rigward tal-proġett Ewropew u li mhux biss irrifjuta li jadotta l-ewro imma anke qed jhedded li jabbanduna l-Unjoni. Ir-Renju Unit dejjem jibqa’ pajjiż kbir, b’ekonomija importanti u dinamika li fil-preżent sejra ferm aħjar minn dik tal-ewrożona. Imma kemm kien jiswa aktar għal kulħadd kieku r-Renju Unit kienet membru entużjasta tal-UE b’aġenda ċara pro-unjoni u mhux sieħeb pjuttost kajman? Kieku ċertament li l-imsieħba Ewropej kienu aktar jagħtu każ dak li jgħidu s-sudditi t’Eliżabetta Windsor u r-Renju Unit kien ikollu aktar influwenza fil-ħidma tal-Unjoni.
Ir-riżultat ta’ din l-abdikazzjoni tal-vokazzjoni Ewropea da parti tar-Renju Unit hu li l-UE spiċċat iddominata mill-assi Franko-Ġermaniża. Din l-assi, fi żmien Mitterand u Kohl kienet pjuttost partitarja. Madankollu, issa li l-Ġermanja ngħaqdet u l-ekonomija tagħha kompliet tissaħħaħ mentri dik Franċiża staġnat, l-impressjoni hi li hija l-Ġermanja biss li għandha s-suffara f’ħalqha, impressjoni li mhix dejjem hija ġustifikata. Imma tant kemm hi f’saħħitha tali impressjoni li hemm min anke jitkellem kif l-Ewropa tan-Nofsinhar saret kolonja Ġermaniża. L-UE hu proġett fejn hemm spazju għal kulħadd. Għaldaqstant, anke r-Renju Unit għandha rwol x’tilgħab minkejja li hija sieħeb riluttanti. U kif għidna, rari r-Renju Unit joqgħod lura milli jilgħab tali rwol anke meta ma jkunx mistenni jew mixtieq.
Eżempju ċar kellna din il-ġimgħa wara l-laqgħa bejn il-ministru tal-finanzi l-ġdid Grieg Yannis Varoufakis u ċ-Chancellor of the Exchequer tar-Renju Unit George Osborne. Varoufakis, li qed iqanqal bosta kummenti għax jilbes qisu għadu xi student u għadna ma rajniehx fi ġlekk u ingravata, huwa ekonomista li jaf l-Ingilterra sew peress li ggradwa mill-Università ta’ Essex. Wara l-laqgħa, Osborne kellu dan xi jgħid: “Kellna diskussjoni kostruttiva u huwa ċar li l-kwistjoni bejn il-Greċja u l-ewrożona hija l-akbar riskju għall-ekonomija dinjija. Nistieden lill-ministru tal-finanzi Grieg biex jaġixxi b’mod responsabbli imma huwa importanti li l-ewrożona jkollha pjan aħjar għax-xogħol u għat-tkabbir ekonomiku. Dan huwa riskju dejjem jikber għall-ekonomija Brittanika. U rridu niżguraw li fl-Ewropa bħal fl-Ingilterra, nippreferu l-kompetenza għall-kaos.” Mhux ta’ b’xejn li Varoufakis ma qal xejn wara l-laqgħa għax ma sabx l-appoġġ li xtaq u r-Renju Unit ma tradixxiex il-front Ewropew li ma jridx jaħfer id-dejn Grieg.
Ftit jiem qabel, il-gvernatur tal-Bank of England kien aktar ċar fir-rigward ta’ dak li jidhirlu li għandha tagħmel l-ewrożona sabiex toħroġ mill-kriżi li tinsab fiha. Issa l-Ingilterra kellha kemm-il kowċ barrani tat-tim tal-futbol tagħha imma li jkollok barrani jinħatar gvernatur tal-bank ċentrali hija noveltà assoluta. Mark Carney huwa Kanadiż li ta’ 48 sena ntgħażel biex ikun il-gvernatur wara Sir Melvyn King. Qabel kien għal ħames snin gvernatur tal-Bank of Canada wara li kien qatta’ tlettax-il sena jaħdem ma’ Goldman Sachs. Il-prestazzjoni tiegħu fil-Bank of Canada kienet tassew pożittiva u ġie mfaħħar għall-mod kif ipproteġa lill-Kanada mill-kriżi finanzjarja wara l-falliment ta’ Lehman Brothers. George Osborne riedu akkost ta’ kollox bħala gvernatur tal-Bank of England fejn igawdi salarju ta’ £600,000 u “housing allowance” ta’ £250,000 (Ben Bernanke li kien “chairman” tal-Federal Reserve kellu salarju ta’ $199,700).
F’diskors li ta f’Dublin nhar l-Erbgħa tal-ġimgħa l-oħra, tlett ijiem biss wara r-rebħa ta’ Syriza tal-elezzjoni Griega, Carney ma qagħadx jomgħodha. Carney attakka l-politika t’awsterità u wissa li l-ewrożona hija maqbuda f’nassa ta’ dejn li tista’ tiswielha għaxar snin mitlufa oħra. Carney stqarr li l-ewrożona kellha bżonn tirrilassa l-politika iebsa finanzjarja u tagħmel passi aktar mgħaġġla sabiex tibni għaqda fiskali li tkun tista’ tittrasferixxi riżorsi minn pajjiżi sinjuri għal dawk fqar. “Diffiċli tevita l-konklużjoni illi, kieku l-ewrożona kienet pajjiż wieħed, il-politika fiskali kienet tkun ta’ aktar għajnuna.” Mingħajr ma semma l-ebda pajjiż partikolari, Carney għamilha ċara li jaħseb li n-nuqqas li jitlesta l-proċess t’integrazzjoni flimkien ma politika fiskali ristrettiva żżejjed qed tirriskja li titfa l-ewrożona f’nassa ta’ dejn. “Minn mindu faqqgħet l-kriżi finanzjarja l-ekonomiji avvanzati kollha niżlu aktar fin-nassa tad-dejn fejn tkabbir żgħir ikabbar il-piż tad-dejn u jġiegħel is-settur privat inaqqas aktar l-infiq. Dgħufija ekonomika persistenti tipperikola l-kapaċità tal-ekonomiji li jirkupraw. Is-snajja u l-kapital jonqsu. Il-ħaddiema jaqtgħu qalbhom u jitilqu s-suq tax-xogħol. Il-prospetti jiċċajpru u l-ingassa tissikka. Minkejja li ma kienx faċli, xi pajjiżi bħall-Amerika u r-Renju Unit qed jaħarbu min-nassa mentri oħrajn fl-ewrożona qegħdin jegħrqu aktar. Illum, il-progress li ntlaħaq fl-ewrożona fir-rigward tar-riformi strutturali m’huwiex konsistenti. Il-proġett biex jinqasam ir-riskju tas-sistema finanzjarja bejn il-pajjiżi waqgħa lura u l-mexxejja ewropej l-anqas biss qed jipprevedu għaqda fiskali bħala parti mill-għaqda monetarja. Tali nuqqas ta’ kuraġġ jiswa”
Carney żied li hemm erba’ aspetti tal-mudell ekonomiku Brittaniku li juru kif wieħed jaħrab min-nassa tad-dejn: sistema finanzjarja integrata li tpoġġi t-tifdil f’investiment; politika fiskali li ddawwar il-flus madwar ir-Renju Unit u flessibli biżżejjed li tippermetti defiċit meta l-ekonomija tbatti; ekonomija miftuħa u flessibli u politika monetarja kredibbli. Qabbel ir-Renju Unit mal-ewrożona fejn iż-żieda fil-produzzjoni, xħin tneħħi l-inflazzjoni, kienet ta’ 5% fi kważi seba’ snin u l-inflazzjoni (barra fuel u ikel) kienet taħt 1% għal aktar minn sena. Skont Carney, dan hu potenzjalment perikoluż għaliex tkabbir nominali żgħir iżid il-piż tad-dejn u jżomm lura l-infiq u l-investiment. U l-istess irid jingħad fil-każ ta’ inflazzjoni baxxa jew anke ta’ deflazzjoni.
Carney appoġġja fil-miftuħ id-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li jibda politika ta’ “quantitative easing” imma qal li l-BĊE waħdu mhix kapaċi jelimina t-theddida ta’ stanjazzjoni fit-tul peress li tali theddida teżisti l-aktar għaliex il-binja fil-preżent tal-ewrożona għadha mhux lesta. Carney iddubita li l-politika ta’ titjieb tal-kompetitività bit-tnaqqis tal-ispejjeż, l-hekk imsejjaħ żvalutazzjoni interna setgħet waħedha taħdem peress li tali politika ma tistimulax id-domanda fl-għaqda monetarja.
Carney innota li r-rata tal-qgħad ta’ 11.5% fl-ewrożona hija d-doppju tar-Renju Unit imma d-defiċit fiskali huwa nofs dak tar-Renju Unit. Skont Carney, l-ewrożona għandha tadotta politika fiskali “kostruttiva” sabiex tistimula d-domanda u tnaqqas ir-riskji ta’ stanjazzjoni. “L-Ewropa għandha bżonn pjan koerenti u komprensiv sabiex tkabbar l-aspettattivi, tibni l-kunfidenza u taħrab min-nassa tad-dejn.”
Minkejja li jmexxi bank ta’ pajjiż li mhux fl-ewrożona, li forsi anke joħroġ mill-UE, Carney intervjena bl-aktar mod dirett fid-dibattitu jekk l-ewrożona għandhiex tkompli bil-politika attwali t’awsterità jew jekk għandhiex tadotta politika aktar espansiva sabiex tistimula t-tkabbir ekonomiku. Stqarr biċ-ċar li l-politika ta’ żvalutazzjoni interna mhix biżżejjed fiċ-ċirkosanzi attwali. Jekk ikollok bniedem oħxon jimrad, li tagħmel dieta mhux biżżejjed imma għandek bżonn is-sustanzi u l-vitamini wkoll. Il-politika attwali fl-ewrożona fil-preżent hija ffissata fuq id-dieta imma l-pazjent qed jiċċaħħad mill-vitamini u mis-sustanzi. Kif qal l-ekonomista famuż, Joseph Stiglitz, il-politika ekonomika fl-ewrożona hija simili għal dak li kienu jagħmlu t-“tobba” medjevali meta kienu jiżvinaw il-pazjent biex mingħalihom ineħħulu l-mard mentri fil-fatt kienu qed jixorbulu saħħtu.
Carney argumenta li l-politika ekonomika tal-ewrożona għandha bżonn ta’ bidla radikali biex toħroġ mill-kriżi u min-nassa ta’ dejn. Insomma li jkollok tifel ta’ eks kolonja li jmexxi l-bank ta’ eks imperu jagħti l-pariri x’għandha tagħmel għaqda monetarja li ma jagħmilx parti minna turi kemm hi ddisprata s-sitwazzjoni. Żgur li qabel ma sar dan id-diskors mhux tas-soltu Carney għamel privatament appelli simili li ġew injorati minħabba l-intransiġenza ta’ pajjiżi bħall-Ġermanja, il-Fillandja u l-Olanda, ajkliet fiskali li mill-banda l-oħra qajla qed jaħdmu biex tinbena l-għaqda fiskali u jissaħħaħ is-suq intern u b’hekk tiżdied id-domanda interna fl-ewrożona. Carney mhu qed jipproponi xejn radikali u differenti minn dak li Jacques Delors kien jipprevedi li għandu jsir meta ġie ffirmat t-Trattat ta’ Maastricht imma li baqa’ ma sarx minħabba l-intransiġenza tal-istati membri.
Din hija l-istorja sfortunata tal-munita ewro li ġiet mibdija mingħajr l-għaqda fiskali u bankarja li kellha tikkumplimenta għaqda monetarja. Jekk il-proġett tal-ewro se jibqa’ nofs leħja, se tkompli t-tbatija għall-miljuni kbar, tbatija li setgħet tittaffa kieku l-pajjiżi membri ħadmu għal aktar integrazzjoni Ewropea. Is-soluzzjoni għall-problemi tal-ewrożona hija aktar Ewropa, mhux anqas kif ironikament bosta Ingliżi jridu. Din hija r-riċetta tal-eks kolonja tal-eks imperu.
Segwini fuq Facebook jew Twitter @ellisjoseph.