
Gvern li nqata’ min-nies
Simon Busuttil, bil-fatti u bi kliem Muscat stess, wera x’maskra qarrieqa qed jilbes Muscat bħalissa

Nhar it-Tnejn li għadda fil-Parlament sar dibattitu fuq mozzjoni li ressaq il-Partit Nazzjonalista. Kien dibattitu li fih il-Partit Nazzjonalista talab u insista ma’ Muscat u l-Gvern sabiex minnufih, mingħajr aktar tkaxkir tas-saqajn u, aktar importanti b’mod sostanzjali, jraħħas il-prezzijiet għolja li int qed tħallas bħalissa għall-petrol u d-diesel.
Kien dibattitu li fih rajna lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil f’vena mill-aqwa, iwaqqa’ l-maskra ta’ Joseph Muscat. Simon Busuttil fakkar dak li Muscat irid inessi: is-sitwazzjoni kif kienet erba’ snin ilu, f’Jannar 2011, meta Muscat ħareġ in-nies jipprotestaw kontra l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel u meta Muscat għajjar lill-Gvern Nazzjonalista b’kulma ġie f’ħalqu, fosthom li ġab lill-familji f’qagħda ‘iebsa ħafna’ u li dak kien Gvern ‘bla qalb’ u ‘inkompetenti.’
Il-Kap tal-Oppożizzjoni fakkar lill-Prim Ministru li meta qal dak il-kliem u ordna dimostrazzjoni nazzjonali ta’ protesta fil-Belt, il-prezz internazzjonali taż-żejt mhux maħdum kien id-doppju tal-lum: kien 100 dollaru l-barmil. Minkejja li l-prezz taż-żejt kien id-doppju tal-lum, il-prezzijiet tal-fuels erba’ snin ilu, taħt Gvern Nazzjonalista, kienu orħos milli huma llum: il-petrol kien 7 ċenteżmi orħos, id-diesel kien 10 ċenteżmi orħos u l-gass kien 70 ċenteżmu orħos.
Fid-diskors tiegħu Simon Busuttil, bil-fatti u bi kliem Muscat stess, wera x’maskra qarrieqa qed jilbes Muscat bħalissa u kemm kliem Muscat fil-passat riċenti jikkundannaw lilu stess. Il-Kap tal-Oppożizzjoni ġustament staqsa: Jekk Joseph Muscat 4 snin ilu kien ittimbra lil Gvern Nazzjonalista bħala gvern ‘bla qalb’ kemm huwa iktar bla qalb il-Gvern ta’ Muscat li llum qed jisraq ta’ kuljum lilek bi prezzijiet ferm ogħla ta’ petrol u diesel meta l-prezz internazzjonali taż-żejt huwa n-nofs ta’ dak li kien fi żmien Gvern Nazzjonalista?
Wieħed bilfors jirrimarka: Jekk skont Muscat erba’ snin ilu bi fuels orħos f’Malta imma bil-prezz dinji taż-żejt id-doppju, dan il-pajjiż kellu ‘Gvern inkompetenti’, mela kemm huwa aktar inkompetenti l-Gvern ta’ Muscat illum meta s-sitwazzjoni hi li qed nixtru petrol u diesel fost l-ogħla fl-Ewropa. F’dak li għandu x’jaqsam il-prezzijiet tal-petrol u diesel Muscat u sħabu ġabulna l-agħar fl-Ewropa.
L-attitudni li assistejna għaliha min-naħa tal-Gvern fil-kwistjoni tal-prezzijiet tal-petrol u diesel kompliet tikkonferma ħaġa waħda: Fi żmien sentejn għandna Gvern, ministri u Prim Ministru li nqatgħu minn mal-poplu. Muscat u sħabu llum jgħixu f’torri tal-avorju. F’torri fejn l-erbgħa ta’ madwarhom jinċensawhom. Mhux ta’ b’xejn li l-Gvern ma fehemx li t-tnaqqis ta’ 4 ċenteżmi fil-prezzijiet tal-petrol u diesel huma ċajta goffa u insult għall-poplu Malti. Mhux ta b’xejn illi l-gvern ma staħax jagħti żieda ta’ 58 ċenteżmu fil-baġit lilek li ta’ kuljum tmur għax-xogħol. Mhux ta b’xejn li l-membri parlamentari tal-Gvern ma jsibuhiex diffiċli jkomplu jieklu u jiffangaw b’aktar minn ħalq wieħed. Mhux ta’ b’xejn li dawn l-istess membri parlamentari ma jaraw xejn ħażin li jokkupaw karigi ‘partime’, b’pagi ta’ eluf ta’ ewro mħallsa mit-taxxi tiegħek u fl-istess ħin jimpjegaw xufier magħhom ‘full time’ biex jaqduhom u jitħallsu mit-taxxi tiegħek ukoll.
Dawn huma kollha sintomi ta’ dekandenza mgħaġġla li qed tikkaratterizza lil Gvern ta’ Muscat. Dekandenza li la darba tibda diffiċli twaqqafha. Dekadenza li, f’tant pajjiżi oħra, waslet għal rabja ta’ popli u tneħħija ta’ gvernijiet. Il-ġurnata minn filgħodu turik.
Beppe Fenech Adami hu Deputat Mexxej tal-Partit Nazzjonalista għall-ħidma tal-partit u Shadow Minister tal-Intern.