L-HSBC mill-ġdid taħt il-lenti

Dawn ir-rati punitivi ta’ taxxa kienu jagħtu lok għall-inċentiv qawwi għall-evażjoni

Ftit huma dawk li jieħdu gost iħallsu t-taxxa. It-taxxi jeżisti f’diversi forom u ċ-ċittadin huma mistenni li jħallashom sabiex jiffinanzja l-operat tal-istat. 

Għal bosta sekli, l-istat kellu rwol tassew embrejoniku u ma kienx jipprovdi l-firxa ta’ servizzi li aħna mdorrijin bihom. L-akbar spiża tal-istat kienet tkun dik militari u għalhekk, il-gwerer kienu jġibu magħhom aktar taxxi. Spiss ninsew l-ispiża li l-gwerer iġibu magħhom li ddum żmien twil biex titħallas. Il-Ġermanja spiċċat tħallas id-dejn ta’ l-Ewwel Gwerra Dinjija f’Settembru 2010 mentri r-Renju Unit spiċċa jħallas is-self li ħa mingħand l-Amerika u l-Kanada wara t-Tieni Gwerra Dinjija fl-aħħar tal-2006.

Wara l-aħħar gwerra, ir-rwol tal-istat espanda ferm u twieled il-welfare state li kellu jieħu ħsieb iċ-ċittadin mit-twelid sal-mewt. Il-filosofija tal-welfare state hi li kulħadd ikollu aċċess għall-kura medika u edukazzjoni irrispettivament mill-pożizzjoni soċjali u ekonomika tiegħu. Mill-banda l-oħra, min għandu l-mezzi huwa suġġett għal taxxa progressiva fuq id-dħul tiegħu kif ukoll taxxa spiss għolja fuq il-qliegħ kapitali u fuq l-affarijiet li jiret. F’pajjiżna, it-taxxa fuq id-dħul kienet titla’ sa 65% mentri dik fuq is-suċċessjoni kienet ukoll pjutost iebsa kemm fuq l-immobbli kif ukoll fuq il-mobbli. 

Dawn ir-rati punitivi ta’ taxxa kienu jagħtu lok għall-inċentiv qawwi għall-evażjoni. U għalhekk inħass li jkun aħjar jekk l-istat inaqqas ir-rata ta’ tassazzjoni biex iċ-ċittadin ikollu anqas inċentiv li jevadi t-taxxa. U tassew hekk ġara f’pajjiżna għaliex minkejja r-rata ta’ taxxa fuq id-dħul niżlet għal 35% u llum reġgħet niżlet b’aktar u t-taxxa fuq is-suċċessjoni ġiet limitata għal 5% fuq l-immobbli biss, bini u artijiet, l-ammont ta’ taxxi miġbura dejjem kompla jikber. U qiegħda ssir aktar enfasi fuq taxxi indiretti bl-introduzzjoni tal-V.A.T. u taxxi oħra. Fejn qabel l-idea kienet ta’ Pay As You Earn, illum bdejna aktar nemmnu fil-kunċett ta’ Pay As You Consume. 

Ċerta pajjiżi, speċjalment dawk tal-Lvant, attwaw taxxa b’rata unika kemm fuq id-dħul kif ukoll fuq il-konsum. B’hekk, l-element ta’ progressjoni fit-taxxa spiċċa u għalkemm jeżistu bosta forom ta’ flat tax, l-idea ġenerali hi li kulħadd iħallas l-istess rata ta’ taxxa irrispettivament mid-dħul jew il-konsum tiegħu. Fi kwalunkwe każ, fejn ir-rati ta’ taxxi naqsu konsiderevolment, l-element ta’ progressjoni fit-taxxi ċkien sew u min jaqla’ aktar beda jħallas anqas taxxa minn qabel. Dan anke fil-konfront ta’ min għandu anqas dħul. 

Madankollu, għad hawn bosta pajjiżi b’rata għolja ta’ taxxa. Waħda mill-affarijiet li qiegħda tattira bosta Taljani li jieħdu r-residenza f’pajjiżna, anke jekk jibqgħu jmorru l-Italja għax-xogħol hija r-rata tat-taxxa fuq id-dħul fl-Italja li togħla sa 70%. Għaldaqstant, f’pajjiżi bħall-Italja, l-inċentiv biex wieħed jevadi t-taxxa għadu ferm għoli. Imma anke f’pajjiżna ftit huma dawk li mhumiex impjegati b’salarju fiss li huma tassew puri u ma jippruvawx b’xi mod jew ieħor inaqqsu l-piż tat-taxxi.

Issa hawnhekk wieħed irid jagħmel distinzjoni fundamentali li kienu jgħallmuhielna l-università, dik bejn l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa. L-evażjoni tat-taxxa sseħħ meta wieħed ma jiddikjarax id-dħul tiegħu u b’hekk, jevadi t-taxxa fuq tali dħul. L-evażjoni hija illegali u min iwettaqha normalment ikun suġġett għal pieni ta’ natura kriminali jekk jinqabad. Mill-banda l-oħra, kwalunkwe stat jagħti bosta inċentivi ta’ natura fiskali għal xi għan jew ieħor u wieħed jista’ jiffranka t-taxxa jekk jagħmel użu minn tali inċentivi. Biex wieħed jagħti xi eżempji, min iwettaq investiment kapitali jiffranka t-taxxa minħabba d-deprezzament ta’ tali investiment u b’hekk imprenditur ikollu inċentiv sabiex iwettqu. Tali inċentivi fiskali huma legali u mhuwiex illegali li wieħed juża tali strumenti biex jevita l-ħlas tat-taxxi. Hawnhekk il-linji jiċċajpru mhux ftit: bosta min dawk li jagħtu l-pariri biex tevita l-ħlas ta’ taxxi jisfruttaw nuqqasijiet leġislattivi, l-hekk imsejħa “loopholes” li jitfaċċaw minn żmien għal żmien sakemm jingħalqu. Meta wieħed juża metodi aggressivi sabiex jevita t-taxxa, meta wieħed jinqeda minn inċentivi fiskali mhux għax għandu xi ħtieġa partikolari imma biex inaqqas il-piż tat-taxxi, tali prattiċi jibdew jersqu lejn ix-xifer tal-legalità.

Din appuntu l-akkużat li qiegħda ssir lis-sussidjarja Svizzera tal-bank multinazzjonali HSBC li għandu ukoll preżenza prominenti f’pajjiżna wara x-xiri tal-ishma tal-gvern fil-Mid-Med Bank bi prezz li bosta qiesu li kien pjutost baxx. Din il-ġimgħa l-Konsorzju Internazzjoni ta’ Ġurnalisti Investigattivi li jħaddan bosta ġurnalisti mid-dinja kollha u li jikkollobora ma’ ġurnali prestiġjużi bħal The Guardian u Le Monde kif ukoll BBC Panorama kixef bosta mis-sigrieti li eks impjegat fl-informatika ta’ HSBC Private Banking tal-Iżvizzera, Hervé Falciani għadda lill-pulizija Franċiża. Dan il-konsorzju diġà għamel ħafna ħoss meta mal-ħatra ta’ Jean Claude Juncker bħala kap tal-Kummissjoni Ewropea f’Novembru li għadda, żvela l-prattiċi aggressivi li l-Lussemburgu li tagħha Juncker kien għal żmien twil kemm prim ministru kif ukoll ministru tal-finanzi adotta sabiex iħajjar multinazzjonali jistabilixxu r-residenza tagħhom fil-pajjiż u jgawdu minn rati tat-taxxa ferm aġevolati. Din l-investigazzjoni mbarazzat bi sħiħ lil Juncker u wasslet sabiex il-Kummissjoni Ewropea tapprofondixxi l-investigazzjoni tagħha dwar għajnuna tal-istat illegali li jista’ jkun li kemm il-Lussemburgu kif ukoll il-Belġju taw b’dawn il-prattiċi.

Falciani tqabbad mill-HSBC sabiex jorganizza s-sigurtà tas-sistemi tal-kompjuter. Bejn l-2006 u l-2007, huwa beda jirreġistra illegalment id-dettalji ta’ 130,000 kont bankarju (l-HSBC qalet li n-numru ta’ kontijiet kien ferm anqas). Huwa stabilixxa li f’ħafna każijiet il-propjetarji kienu qegħdin jevadu jew jevitaw it-taxxa jew anke jwettqu ħasil ta’ flus. Dawn il-kontijiet kienu ta’ dittaturi, kriminali jew nies suspettati li wettqu kummerċ fi djamanti bid-demm, kummerċ li sewa l-ħajja ta’ ħafna nies fi gwerer ċivili fl-Afrika. Falciani ġie arrestat l-Iżvizzera f’Diċembru 2008 imma ngħata l-libertà proviżorja u ħarab lejn Franza. L-awtoritajiet elvetiċi ppruvaw jestraduh fuq akkuża ta’ spjunaġġ industrijali imma meta l-pulizija marret id-dar ta’ Falciani u eżaminat il-hard drive tal-computer tiegħu, bidlu fehmthom. Il-Franċiżi ddeċidew f’Jannar 2009 li ma jestraduhx u bdew l-investigazzjoni tagħhom. Falciani li huwa ta’ nazzjonalità doppja Italo-Franċiża stqarr ukoll li kien offra l-istess informazzjoni lill-gvern Taljan ta’ Berlusconi imma l-ministru tal-finanzi ta’ dak iż-żmien, Giulio Tremonti li huwa avukat fiskalista magħruf irrifjuta l-offerta. Tremonti mbagħad kien ta amnestija lil min jiddikjara l-flus li għandu barra mill-Italja, strataġemma li bosta pajjiżi oħra inkluż Malta adottaw. Fil-bidu tal-2010, il-Franċiżi bdew jgħaddu l-informazzjoni li akkwistaw permezz ta’ Falciani lill-awtoritajiet tat-taxxa ta’ pajjiżi oħra. F’każ ferm magħruf, il-ministru tal-finanzi Franċiż tal-epoka Christine Lagarde għaddiet l-isem ta’ 2,000 Grieg fil-lista Falciani lill-kollega tagħha Grieg li mid-dehra neħħa minnha l-isem ta’ xi qraba tiegħu. Mhuwiex magħruf jekk din l-informazzjoni għaddietx lill-awtoritajiet Maltin imma l-anqas ma jidher li sar wisq sforz biex jingħata aċċess għal din il-lista. 

Huwa kkalkulat li fl-2006 u l-2007, l-HSBC ħeba €180.6 biljun f’assi mill-awtoritajiet tat-taxxi ta’ pajjiżi oħra. HSBC kienet tuża sitt metodi biex tgħin lill-klijenti tagħha jevadu jew jevitaw it-taxxi. L-aktar metodu sempliċi kien li l-kont bankarju kien jinżamm sigriet mill-awtoritajiet tat-taxxa domestiċi. Dan kien il-każ ta’ mitt persuna u wieħed li l-Italja skopriet li l-anqas kienu biss irreġistati mal-awtoritajiet tat-taxxa tal-pajjiż. Metodu ieħor li l-HSBC sfrutta ħafna kien il-ftuħ ta’ kontijiet f’isem trust jew kumpaniji offshore f’xi ġurisdizzjoni oħra. Meta fl-2005 l-Unjoni Ewropea adottat id-Direttiva tat-Tfaddil Ewropew, l-HSBC kienet ferm aggressiva sabiex il-klijenti tagħha jevitaw li jħallsu t-taxxa ta’ 15% li bdiet tiġi imposta fuq l-imgħax anke tad-depożiti fl-Iżvizzera.

Għall-HSBC u l-klijenti tagħha, dawn il-15% ukoll kienu ħafna u għaldaqstant, l-HSBC bdiet tippromwovi t-twaqqif ta’ trusts u kumpaniji f’ġurisdizzjonijiet eżotiċi bħal Samoa u l-British Virgin Islands. B’hekk, ġiet sfruttata loophole li kienet teżisti sa sena ilu li t-taxxa tiġi applikata biss fuq persuni fiżiċi u mhux legali. Jidher li din kienet l-istrataġemma li ntużat fil-każ tal-unika Malti li s’issa ssemma, Tancred Tabone. Il-Konsorzju ta’ Ġurnalisti stqarr li sab informazzjoni dwar il-kontijiet ta’ 71 Malti li bejniethom kellhom depożiti ta’ $687 miljun, $630 miljun ta’ klijent wieħed partikolari. 

Il-Kummissarju għad-Dħul, Marvin Gaerty qalilna li l-gvernijiet għandhom parti mit-tort għaliex ħallew għal żmien twil il-loophole li semmejna. Tajjeb li wieħed ifakkar li materji fiskali huma waħda mill-affarijiet li jirrikjedu l-unanimità fl-UE u mhux faċli li wieħed jilħaq konsensus. Kien ikun aħjar kieku qalilna xi sforzi għamel id-dipartiment sabiex jirkupra t-taxxa mitlufa. Awtoritajiet fiskali oħra ma baqgħux reqdin: il-Franċiżi rkupraw €250 miljun minn 3000 kont mentri l-Ispanjoli rkupraw €260 miljun minn 300 ruħ bl-akbar ammont ta’ €200 miljun jitħallas mill-familja Botin li hija l-propjetarja ta’ wieħed mill-akbar banek Ewropej, Santander. Mill-banda l-oħra, xi £135 miljun ġew irkuprati mill-$20 biljun li klijenti residenti fir-Renju Unit kellhom fl-HSBC ta’ Ġinevra imma l-isforzi tad-dipartiment tat-taxxi Brittaniku ma tantx impressjona lill-parlamentari tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi li din il-ġimgħa taw ħasla papali lill-kap tiegħu.

Ma nafux jekk Malta rnexxilhiex tirkupra xi taxxa li ntilfet bl-attività xejn limpida tal-HSBC. Din il-ġimgħa l-Ministru tal-Finanzi stqarr li ta ordni biex id-dipartiment jakkwista l-informazzjoni dwar dawn il-kontijiet mill-awtoritajiet Franċiżi. Tali talba messha ilha li saret u ma kien hemm il-ħtieġa tal-ebda ordni ta’ ministru biex issir. Imma f’pajjiżna ċ-ċivil mhuwiex magħruf għas-sens ta’ inizjattiva tiegħu u t-tort ta’ din il-kultura mhijiex tan-nies taċ-ċivil biss.

Dan il-każ espona għal darb’oħra l-istandards ftit etiċi ipprattikati fit-tieni l-akbar bank tad-dinja u dan wara li sentejn u nofs ilu kellu jħallas multa rekord ta’ $1.9 biljun lill-awtoritajiet Amerikani biex jevita prosekuzzjoni kriminali talli ppermetta l-ħasil tal-flus tan-narkotraffikanti Messikani u Kolombjani. Fil-każ tal-lista Falciani, għaddejjin investigazzjonijiet kriminali fi Franza, il-Belġju u l-Arġentina u l-awtoritajiet lokali huma fid-dmir li jaraw jekk l-HSBC lokali kienx kompliċi fl-attività kriminali tal-fergħa tal-HSBC fl-Iżvizzera.

Dan il-każ juri wkoll kemm kienet għaqlija fil-passat is-separazzjoni bejn l-attivitajiet bankarji normali u dawk ta’ investiment privat. Kemm ilha li tneħħiet din d-distinzjoni u spara l-qliegħ tal-banek u l-bonuses u s-salarji tal-bankiera, qed nassistu għal skandlu wara ieħor li taw ukoll lok għall-kriżi finanzjarja liema bħalha li dlonk saret waħda ekonomika. Mhuwiex aċċettabli li bosta attivatijiet bankarji jkunu illegali jew fix-xifer tal-legalità u jservu biss ta’ paraventu għall-attivitajiet kriminali. Hemm bżonn li l-leġislatur u l-awtoritajiet regulatorji jneħħu l-ingwanti tal-bellus u jibdew juru snienhom. Fl-Amerika, attivitajiet bħal dawn faċilment iwassluk il-ħabs imma fl-Ewropa aħna aktar rilassati dwar dawn ir-reati ekonomiċi. Dan m’għandux ikun il-każ għax ma jagħmilx sens li tmur il-ħabs fuq serq ta’ mobile imma mhux fuq evażjoni ta’ mijiet ta’ eluf ta’ ewro ta’ taxxa.

Segwini fuq Twitter
@ellisjoseph jew Facebook.

More in Blogs