Joe Dimech u Peppi
F’dawk il-kaxxi tal-PVC, aluminju u materjal ieħor li xi ħadd ultra-inventiv ħaseb għall-bejjiegħa tal-monti jistgħu jitpoġġew xadini bil-kostum, membri parlamentari femminili b’kostum burlessk, jew front-benchers tal-Gvern lebsin ta’ tallaba
JOE DIMECH U PEPPI
Bir-ritorn ta’ Joe Dimech fuq l-iskrin tal-istazzjon nazzjonali, il-kanal tar-Repubblika ġabar ftit il-livell vokali. Irritorna t-ton ipplakat, il-frażjoloġija korretta eċċ. Instab spazju alternattiv biex it-telespettaturi ma jibqgħux jibilgħu medjokrità u ilħna redikoli fuq l-aqwa stazzjon tad-dinja.
L-introduzzjoni tal-Autobuses de Leon ħabtet bil-kbir ma’ kampanja tar-reklamar taċ-ċikkulata. Bdew jidhru reklami eżaltanti ta’ Peppi Azzopardi, il-konduttur ta’ Xarabank (li, mertu tiegħu, qatt ma bidel il-kuluri minn isfar għal ċelesti u mbagħad għal aħdar). Fir-reklami Peppi jidher jesprimi għaxwa kbira bit-togħma ta’ ċikkulata partikolari. Il-bejgħ jingħad li żdied b’155.5% u d-distributuri jinsabu fis-seba’ sema.
Id-dehra ta’ Peppi jiżżegleg bi prominenza min-naħa ta’ wara tidher li qanqlet eċitament nazzjonali liema bħalu u nessietna għal kollox it-theddida tal-ISIS skont mhu qed jiġri fil-Libja.
MOTIVI GĦALL-KARNIVAL 2015
“Frodi karnivaleska” ġieli kellna ħafna. Uħud ġieli spiċċaw il-Qorti għall-irreverenza. Kellna min libes ta’ soru li nġarret f’karretta; kellna patrijiet (anki Dumnikani); kellna appostli u kellna saħansitra min azzarda jilbes ta’ Ġesù.
Imma probabbilment, l-akbar frodi karnivaleska fl-istorja riċenti kienet dik tad-Daniż li ppoża ta’ tabib, ippenetra l-bibien tal-Isptar Mater Dei u sab kamra fejn joqgħod ibagħbas sider tliet mudelli, taparsi jagħmlilhom eżami mediku biex jagħtihom parti f’dokumentarju.
Għall-Karnival 2015 għandna possibiltà unika oħra. F’dawk il-kaxxi tal-PVC, aluminju u materjal ieħor li xi ħadd ultra-inventiv ħaseb għall-bejjiegħa tal-monti jistgħu jitpoġġew xadini bil-kostum, membri parlamentari femminili b’kostum burlessk, jew front-benchers tal-Gvern lebsin ta’ tallaba. Jingħad li l-idea għal dawk il-kaxxi ġiet lil xi ħadd li laqtitu d-dehra tal-prostituti esposti f’Amsterdam u San Paoli f’Hamburgu.
Fl-aħħar nett, nisperaw li għas-sena 2015 il-karnival politiku tal-belt kapitali ta’ Malta ma jibqax daqshekk nadif u jaqbad temi li qed jolqtu tassew lill-poplu infantili ta’ Malta: enerġija, gass u ministri lebsin ta’ miljunarji jitfgħu l-flus għal fuq il-poplu.
SAN ĠWANNI PAWLU II U T-TIĠIEĠ
Inħoloq terremot sħiħ dwar il-fumetti ta’ Charlie Hebdo u x’ġabu magħhom. Immorru għal aktar karikatura, din id-darba aktar “innoċenti” u mhux perikoluża.
Ħsibnielkom għar-rigali li tistgħu tagħtu fl-Għid. L-ewwel nett, għeżież telespettaturi, rigal reliġjuż sabiħ ħafna, ħafna għall-okkażjoni. Dawn li qed taraw huma kuruni maħdumin minn sorijiet minn kunvent fil-Krakovja, il-post fejn twieled il-Papa qaddis u tant maħbub, Ġwanni Pawlu II. Dawn il-kuruni jiġu f’kaxxetta, jiġu b’ċertifikat li tbierku mill-Qdusija Tiegħu l-Qaddis Pollakk. Mal-kuruni nagħtuk santa mill-isbaħ, santa tal-Papa tiela’ s-sema, akkumpanjat mill-anġli.
It-teddy bears u bukketti tal-fjuri sintetiċi ta’ kwalità superjuri li ġibna għall-festa tal-Valentino din is-sena nħatfu kollha. Dawn waslu qabel l-istock tal-Easter.
Għall-Għid ġibna wkoll l-offerta tal-fniek. Dawn dejjem popolari ħafna magħkom. Hawn diversi settijiet ta’ qies differenti tal-Bunnies, tal-Mamà u l-Papà Bunnies. Dawn għandhom magħhom żewġ bajdiet, li nagħtuhom għal kollox b’xejn. Fniek tassew ħelwin u oriġinali, f’qoffa tal-kulur li tixtiequ.
Fl-aħħar nett, sett tat-tiġieġ. Xogħol delikat immens, maħdum għal kollox bl-idejn. Is-sett jista’ jkun għandek b’offerta speċjali ta’ €30. Araw xi ħlew: din tiġieġa li tbid; din fuq il-qroqqa u din qed iddur mal-bitħa. Sett verament grazzjuż u novità għall-Easter. Jekk trid tagħti rigal oriġinali għall-Għid, ixtri waħda minn dawn it-tiġieġ grazzjużi.
Kif jafu l-klijenti numerużi tagħna, aħna dejjem inżommu l-prezzijiet għall-bwiet ta’ kulħadd u m’hemmx għalfejn ikollkom pagi astronomiċi bħal dawk tal-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni, Ministri u Segretarji Parlamentari biex tieħdu vantaġġ mill-prezzijiet tagħna.
Il-motto tagħna hu prezzijiet li jilħaqhom kulħadd, mill-Prim Ministru sad-delivery man tal-pizza.