Il-MEPA u l-bejgħ tal-indulġenzi

Niġu għan-numru kbir ta’ twissijiet ta’ infurzar li qatt ma sar xejn fuqhom, u issa, f’daqqa waħda, saru problema kbira wisq għalihom

Xi elf sena ilu l-Knisja bdiet tbigħ, fuq skala żgħira, l-indulġenzi: int tħallas tant u tiffranka li tgħaddi xi snin fil-Purgatorju. Ħames mitt sena wara iżda, il-Vatikan kellu bżonn somom kbar ta’ flus u l-bejgħ laħaq proporzjonijiet ferm akbar minn qatt qabel. Luteru ħadha qatta’ bla ħabel mal-Papa. Twieled il-Protestantiżmu, firda immensa bejn l-insara. Il-Papa sejjaħ Konċilju, il-Knisja għarfet li ma kinitx għamlet sewwa u l-indulġenzi bi ħlas m’għamlithom qatt iżjed. Imma l-ħsara kienet saret, għadha hemm u se tibqa’ hemm għal żmien twil. 

Nistħajjel tistaqsu, “Biex inhu ġej dan?” Sempliċi: lill-Gvernijiet, din l-idea tal-indulġenzi, għoġbithom sew, u kultant żmien huma wkoll bdew ibiegħuhom: issa għal min ma ħallasx it-taxxi, issa għal dawk li għadhom ma ndunawx li daħlet il-VAT, issa għal min ħeba flusu barra mill-pajjiż, issa għal min bagħbas il-meter tal-elettriku; insomma kull skuża hija tajba, basta tirrendi. Imma l-Gvern għaraf li ma setax jagħmel wegħdiet bħal tal-Knisja. Dak li jgħid li se jaħfer ikollu jidher li ħafru ta’ veru. Jagħlaq għajnejh għall-ħsara li tkun saret lis-soċjetà u, minflok, ipinġi l-maħfra bħala waħda li biha sa jdaħħal ħafna flus għall-ġid tal-poplu. U l-fidili jibilgħuha.

Imma dan sewwa? Naħseb li iktar minn 90% tal-poplu jafu li dan mhux talli mhux sewwa, imma talli għandu jifferoċjak. Għamluh iż-żewġ partiti li tul ħajjitna dejjem kellna fil-gvern; il-poplu pprotesta… imma għalxejn; l-indulġenzi baqgħu joħorġu għall-bejgħ. U min gawda, ikompli jgawdi; jekk mhux igawdi iktar. Allura nerġa’ nistaqsi, “Imma dan sew?”  

Il-MEPA ma baqgħetx lura, intebhet li dan tista’ tagħmlu hi wkoll; ispirata minn, u bil-barka tal-Gvern naturalment. Hi wkoll toffri li taħfer dnubiet, venjali u sagrileġġi, kontra l-ambjent, kontra kull sens ta’ diċenza, kontra kull liġi, għal kull min lest li jtiha somma flus. Għaliex qiegħda tagħmlu dan issa? Għax, kif qegħdin jgħidu, għandha €35 miljun dejn? Għax issa ntebhet li impossibbli għaliha li ssib irkaptu tal-eluf ta’ avviżi ta’ infurzar li ħalliethom jiġbru t-trab fuq l-ixkafef għal snin twal?

Ħa nipprova nwieġeb għal dawn iż-żewġ mistoqsijiet. L-ewwel nett, għaliex hemm dan id-dejn kollu? Wara kollox fl-aħħar snin, u iktar minn darba, l-MEPA għolliet il-ħlasijiet kollha li titlob għas-servizzi tagħha. Għax l-impjegati tal-MEPA għandhom salarji tajbin ħafna? Aħna m’għandna xejn kontra dan, basta dawn jagħmlu xogħolhom b’kuxjenza. Imma huwa ċar ħafna li fejn jidħol l-infurzar, avolja hawn ukoll il-MEPA għandha nies dedikati u effiċjenti, dan ma kienx qiegħed isir. Tort ta’ min? Tan-nies fid-Dipartiment tal-Infurzar li neqsin mill-ħeġġa? Ta’ nuqqas ta’ nies biex ilaħħqu mal-ammont ta’ xogħol li hemm? Ta’ ndħil f’xogħolhom minn parlamentari u oħrajn? Tal-Gvern li jċaħħadhom mir-riżorsi li għandhom bżonn? Ta’ xi ħadd hu t-tort!  U naħseb li għandna d-dritt għal risposta.

Il-Gvern għamel mhux liġi waħda, għamel mija, u tajbin; xi wħud minnhom b’multi serji u oħrajn tad-daħk, għal min ma josservahomx, u oħrajn b’piena ta’ biċċa karta li twissik imma ma twaħħlek xejn, u allura stajt trankwillament tinsiha. Imma anke fejn kien hemm il-multi, għal xi raġuni, ħafna ma kinux qed jiġu miġburin. Allura l-liġijiet qed isiru biss biex taparsi qed nagħmlu xi ħaġa! U issa tiġi toffri l-maħfra biex tgħatti dnubietek, jew tal-gvern! U maħfra fuq abbużi fl-ambjent diġà saret fl-2012, minkejja l-protesti tagħna l-ambjentalisti; u mhux minnu li kienu kollha każijiet żgħar. Aħseb u ara x’inhu jinħema issa.

Niġu għan-numru kbir ta’ twissijiet ta’ infurzar li qatt ma sar xejn fuqhom, u issa, f’daqqa waħda, saru problema kbira wisq għalihom. Johann Buttigieg, CEO tal-MEPA, qal li għandhom mal-10,000 każ x’jieħdu ħsieb. Ma nafux sewwa kif wasal għal dan in-numru; aħna naħsbu li hemm ħafna iżjed, għax sena ilu uffiċjal għoli tal-MEPA qal li kellhom mas-17,000; u esprima sodisfazzjon li fl-aħħar sena kienu solvew xi 400 minnhom. Ftit diffiċli tifhem kif issa, f’sena waħda, solvew iktar minn 7,000 każ meta tulha saru għadd ta’ abbużi ġodda. F’kelma waħda aħna naħsbu li n-numru u eqreb lejn l-20,000 milli lejn l-10,000.

Ovvjament aħna m’aħniex qed nagħtu t-tort ta’ dan l-istat tal-biki fejn jidħol l-infurzar lill-Gvern preżenti biss. Kellna partit ieħor li għamel 23 sena fil-gvern u allura jrid iġorrha hu l-biċċa l-kbira tal-piż ta’ dan l-iskandlu. Imma issa erġajna koppi: erġajna se nbiegħu l-indulġenzi biex naħfru dnubiet oxxeni; dnubiet li flok jibagħtu fl-infern lil min wettaqhom, jikkastigaw lil min m’għamel xejn ħażin: lilna.

U xi wħud jistaqsuk, “Imma xi triduhom jagħmlu l-MEPA u l-Gvern?” Aħna s-soluzzjoni ilna s-snin ngħiduhielhom, u hija waħda sempliċi ħafna: Agħmlu xogħolkom; araw li l-liġijiet jiġu osservati u li min jiksirhom iħallas. Dan m’għamluhx, u mhux dejjem għal raġuni aċċettabbli. Ħafna drabi għax ma kienx hemm rieda politika li dan isir. Jiġifieri, il-problema ħolquha huma, mhux aħna; mela huma jridu jsibuha s-soluzzjoni. Iwassluk tgħid li ‘hekk riedu, hekk kien jaqblilhom’. Jaqblilhom jekk iħallu kollox għaddej, jaqblilhom jekk jidhru li qegħdin idaħħlu l-flus. Il-vot kollox!

Imma dawn il-flus - qegħdin isemmu li se jdaħħlu €20 miljun - x’se jsewwu mill-ħsarat li saru? Ftit ħafna… u x’aktarx xejn; anzi, li hu żgur hu li se jagħmlu ħsara kbira. Dan hu bil-bosta iktar importanti mill-flus għax il-ħsara se tibqa’ għal dejjem, u l-poplu se jitlef ċerti drittijiet li kellu, u se jitlifhom darba għal dejjem.

L-indulġenzi għamlu ħsara dejjiema lill-Knisja ta’ Ruma; u l-poplu jeħtieġ li jifhem li l-indulġenzi tal-MEPA huma agħar: se jkomplu jagħmlu ħsara lill-ambjent tal-gżejjer tagħna u lill-Maltin kollha, ħsara li se nbatuha aħna… u l-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Il-poplu m’għandux iħalli lill-ambjentalisti jipprotestaw waħedhom. Min m’abbużax m’għandux jibqa’ sieket u jħalli lil min abbuża u seraqlu sehmu. Li kulħadd isemma’ leħnu mhux biss dritt, hu dover.

Joe Agius, hu l-eks president tar-Ramblers.

More in Blogs