L-ISIS, pass ’il bogħod minn Malta u l-Ewropa

Aqra l-editorjal tal-bieraħ, il-Ħadd 22 ta' Frar li deher fil-ħarġa tal-ILLUM

It-terrur li ħakem lid-dinja matul l-aħħar xhur ħasseb mhux ftit lil dawk kollha li raw l-atroċitajiet iseħħu quddiem għajnejhom. Jihadisti li ħanxru l-irjus u ħarqu nies ħajjin f’attentat biex iwaqqfu stat Iżlamiku.

Qtil tal-massa ta’ Kristjani fuq xtajta tal-kosta Libjana li bidel il-baħar ikħal Mediterran f’baħar ta’ dmija ta’ rġiel innoċenti li sfaw maqtula purament għat-twemmin reliġjuż tagħhom. Iżda mal-Jihadisti anke Musulmani qed jinqatlu kif inqatel il-bdot Ġordaniż li nħaraq ħaj ġo gaġġa. Kien Musulman.

Il-messaġġ tal-ISIS hu li jridu jieħdu Ruma taħt idejhom. Iridu l-bandiera sewda tagħhom tperper fuq il-Vatikan. Iridu jaħkmu l-Ewropa. Il-Libja hu għalihom il-pajjiż l-aktar viċin l-Ewropa. Hu pajjiż li preżentement jinsab mifni minn ġlied bejn fazzjonijiet diversi u għalhekk ideali biex waqt li l-Libjani jitqatlu bejniethom, l-ISIS daħlu fil-pajjiż u ħatfu bliet strateġiċi li jinsabu biss 200 mil fin-Nofsinhar ta’ Malta... tal-Ewropa.    

F’pajjiżna rajna u smajna l-politiċi jitkellmu u jisħqu fuq il-ħtieġa ta’ diskussjoni u djalogu. Politiċi li għamlu pressjoni ma’ pajjiżi oħra Ewropej u jisħqu li hemm bżonn pjan t’azzjoni immedjata sabiex tiġi żgurata l-paċi fil-Mediterran.

Iżda x’qed isir realistikament mill-Ewropa f’dan ir-rigward? Kemm qed tittieħed bis-serjetà din it-theddida? Il-mexxejja Ewropej iltaqgħu u ddiskutew iżda s’issa jidher li xejn għad m’hemm xejn konkret dwar kif se tkun affrontata din il-problema li qed titqies minn ħafna daqslikieku hi bomba tal-ħin li waslet biex tisplodi.

Ħafna huma dawk li jinsabu beżgħana ta’ xi attakki b’missili hekk kif diversi sezzjonijiet tal-mezzi tax-xandir żvelaw li l-Jihadisti għandhom f’idejhom diversi armi fosthom anke missili li kapaċi jilħqu l-Italja meta sparati mill-Libja jew mit-Tuneżija. U la jistgħu jilħqu l-Italja jistgħu ovvjament anke jilħqu lil pajjiżna.

Il-biża’ ta’ bosta hu għall-fatt li għalkemm Malta dejjem żammet ’il bogħod milli tieħu xi pożizzjoni kontroversjali, il-biża’ tan-nies hu msejjes fuq it-twemmin li l-Jihadisti lesti li jattakkaw u joqtlu akkost ta’ kollox biex jilħqu l-miri tagħhom.

Pajjiżna m’għandux riżorsi ta’ difiża militari għajr armata li hi mibnija aktar fuq il-ħtiġijiet ċivili tal-pajjiż. Armata li għal dawn l-aħħar snin qdiet dmirijietha fit-tfittxija u salvataġġ ta’ diversi immigranti li sabu ruħhom f’diffikultà meta ħarbu minn pajjiżhom kaġun ta’ ġlied, kunflitti u gwerer li kienu ta’ detriment għal ħajjithom.

Il-biża’ tan-nies mhuwiex għax pajjiżna m’għandux armamenti militari biex jiddefendi lilu nnifsu iżda hu mibni fuq il-kruha ta’ gwerer li kontinwament naraw iseħħu f’partijiet diversi tad-dinja. Il-poplu Malti ilu sa mill-aħħar gwerra dinjija jgħix fil-paċi u dak hu li jixtieq. Jixtieq serħan il-moħħ, paċi u trankwillità.

Fid-dawl tas-sitwazzjoni preżenti jkun tajjeb li naraw il-Ġnus Magħquda tieħu impenn attiv sabiex il-pajjiż ġar tagħna jerġa’ jistabilizza ruħu waqt li dawk li huma ta’ theddida għall-umanità jitwaqqfu milli jkomplu jiġġustizzjaw nies innoċenti u wisq anqas milli jersqu lejn pajjiżna u l-Ewropa.

More in Blogs