L-Ewropa li jmiss

Filwaqt li din l-kriżi diplomatika għadha għaddejja s-sitwazzjoni fil-Greċja u għall-Griegi għadha mhux qed titjieb - Miriam Dalli

Filwaqt li din l-kriżi diplomatika għadha għaddejja s-sitwazzjoni fil-Greċja u għall-Griegi għadha mhux qed titjieb
Filwaqt li din l-kriżi diplomatika għadha għaddejja s-sitwazzjoni fil-Greċja u għall-Griegi għadha mhux qed titjieb

Fl-aħħar sigħat ittieħdet deċiżjoni importanti dwar l-futur tal-Greċja fiż-żona Ewro. Wara li kemm l-istati Membri Ewropej partikolarment il-Ġermanja u l-Gvern ġdid Grieg ħadu pożizzjonijiet riġidi fl-ewwel diskussjonijiet li saru, issa jidher li ntlaħaq kompromess temporanju u qed jintbagħat l-ewwel messaġġ pożittiv. Dan meta kien maqbul li l-għajnuna tal-bail out lill-Greċja tiġi estiża b’erba’ xhur. B’hekk ġiet evitata l-possibilità li l-Greċja tfalli f’Marzu. Min-naħa tagħha l-Greċja, għada t-Tnejn se tippreżenta lista ta’ riformi li se tkun qed twettaq.

Kif nafu l-Greċja ngħatat self ta’ miljuni ta’ ewro f’forma ta’ bail out minn tliet istituzzjonijiet ewlenin inkluż l-istati membri tal-Unjoni Ewropea. Bail out li kien marbut ma’ miżuri t’awsterità. Il-Gvern Grieg il-ġdid, anke b’reazzjoni għall-miżuri iebsa t’awsterità li sofra l-poplu Grieg, tela’ fuq l-għajta li jbiddel il-ftehim ta’ ħlas lura ta’ dan is-self.

Il-Ministru tal-Ekonomija Grieg qiegħed jargumenta li l-programm t’awsterità marbut mal-bail out ma ħadimx anzi ħoloq riċessjoni kbira.

Filwaqt li din l-kriżi diplomatika għadha għaddejja s-sitwazzjoni fil-Greċja u għall-Griegi għadha mhux qed titjieb. Matul il-kampanja elettorali Griega, id-dħul tal-Gvern mit-taxxi kompla jonqos. Ir-rati tal-imgħax fuq id-dejn Grieg għola ħafna. Ħafna ċittadini bdew jiġbdu flushom mill-banek u s-sitwazzjoni issa jaf tkompli tiggrava.

Jiena naqbel b’mod sħiħ mal-pożizzjoni tal-Gvern Malti fuq din il-kwistjoni. Dik li jiddefendi l-interessi ta’ kull wieħed u waħda minna li mit-taxxi tagħna sellifna miljuni ta’ Ewro lill-poplu Grieg. Il-Gvern Malti talab assigurazzjoni li qabel ma nitkellmu fuq kull forma ta’ flessibiltà u nifs, il-Gvern Grieg irid jiddikjara li d-dejn kollu li għandu ma’ pajjiżna se jingħata lura. Malta tat €188 miljun, ekwivalenti għal 2.4% tal-Prodott Gross Domestiku tal-pajjiż. Dan apparti li l-Parlament Malti, għaliex jemmen f’solidarjetà ta’ vera, diġà vvota biex l-imgħaxx jitħaffef u ż-żmien meta l-flus jingħataw lura jittawwal għal żmien li jkun raġonevoli għaż-żewġ naħat.

Il-Gvern Malti lest ukoll jingħaqad mal-bqija tal-pajjiżi fiż-żona Ewro biex isiru aktar diskussjonijiet sakemm dawn id-diskussjonijiet isir b’sens ta’ koperazzjoni u rieda ġenwina li jintlaħaq ftehim.

L-Ewropa trid issolvi s-sitwazzjoni tal-Greċja b’tali mod li ġġib il-Griegi u l-bqija taċ-ċittadini Ewropej magħha. Irridu ngħelbu dan l-iskoll u nkomplu bit-triq li qegħdin naħdmu fuqha wara l-elezzjonijiet Ewropej u l-ħatra tal-Kummissjoni ġdida. Wara l-ħatra tal-Kummissjoni l-ġdida b’Jean Claude Juncker, president ta’ din il-Kummissjoni qed naraw Ewropa li qed tipprova taħdem biex tinqala’ mill-kriżi ekonomika li daħlet fiha, kriżi li ħalliet eluf kbar ta’ persuni, partikolarment żgħażagħ bla xogħol. L-Ewropa qed taħdem fuq pjan biex tinqala’ minn din il-kriżi li qed iżżomna ’l isfel u żżommna ’l bogħod mill-Ewropa rivitalizzata li tant għandna bżonn, permezz ta’ Fond Ewropew għall-investiment strateġiku fl-Ewropa. Hemm min qed isostni li l-ammont ta’ €315 biljun għal dan il-fond jistgħu jkunu ftit wisq imma jidher li qed tingħata l-attenzjoni meħtieġa biex għallinqas dan il-pjan jibda jagħti r-rankatura meħtieġa ħalli dan il-pjan multi biljunarju jissarraf fi tkabbir ekonomiku u f’eluf ta’ impjiegi għaż-żgħażagħ u dawk kollha li jridu jaħdmu u qed isibuha diffiċli jagħmlu dan. Imma jekk se neħlu ma’ dawn l-ewwel problemi, mhux talli se nitilfu kwalunkwe rankatura, talli naħseb li lanqas il-ħafna pjanijiet li hemm m’huma se jagħtu r-riżultati li tant għandna bżonn.

Personalment nixtieq li flimkien ma’ sħabi minn partit politiċi Ewropej differenti nkomplu bil-ħidma li ntgħażilna għaliha biex jitwaqqaf il-fond ta’ investiment strateġiku li għandu jwassal biex ikollna proġetti li jgħinu fit-tkabbir ekonomiku tal-Unjoni Ewropea. Jien flimkien ma’ MEPs oħra qegħdin naħdmu fuq it-twaqqif ta’ dan il-fond u ta’ struttura li għandha eventwalment tagħżel il-proġetti li jitressqu mill-iStati Membri. Bħalissa fil-Parlament Ewropew qed naħdmu fuq il-qafas li għandu jwassal biex fix-xhur li ġejjin jintgħażlu l-proġetti li mhux soltu jattiraw faċilment l-investiment tal-Bank ta’ Investiment Ewropew. Proġetti li għandhom jassiguraw tkabbir ekonomiku u ħolqien ta’ impjiegi. Dawn il-proġetti b’differenza minn oħrajn huma ppjanati li jiġu fis-seħħ f’temp ta’ 3 jew 5 snin. Proġetti li jistgħu jkunu ta’ Stat Membru wieħed waħdu, jiġifieri proġetti nazzjonali, però proġetti ambizzjużi. Għaliex wara kollox jekk verament irridu naraw tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea hemm bżonn li nibdew naħdmu fuq proġetti innovativi, proġetti ambizzjużi imma realistiċi ħalli verament jinħolqu l-impjiegi li hemm bżonn.

Miriam Dalli hi membru parlamentari Ewropew f'isem il-Partit Laburista fi ħdan il-Partit Soċjalista Ewropew (PES)

 

More in Blogs