Aħdem, Agħmel, Agħti
Ir-riċetta tar-re tal-ħelu fiha tassew x’tixtarr...
Mhux ta’ kuljum li jmut sinjurun li jħaddem eluf kbar ta’ nies imma ħlief tifħir ma tismax fuqu. Veru li l-qawl Latin jgħid de mortuiis nihil nisi bonum (fuq il-mejtin tgħid xejn ħlief it-tajjeb) imma verament impressjonajt ruħi bl-emozzjoni li qanqlet il-mewt ta’ 89 sena ta’ Michele Ferrero, il-patrijarka tal-familja Ferrero li hija l-propjetarja assoluta tal-impriża tal-ħelu bl-istess isem. Impriża li nbniet fuq is-suċċess straordinarju ta’ sostitut irħis taċ-ċikkulata li bdiet issir biex tiżżelleġ fuq il-ħobż fis-snin iebsin ta’ wara l-gwerra, prodott li wara l-1964 beda jinbiegħ bħala Nutella, kif ukoll prodotti oħra ta’ suċċess bħal Mon Cheri, Ferrero Rocher u Tic Tac.
Biex wieħed jifhem il-kobor ta’ din l-impriża u min fejn ġiet huma biżżejjed ftit numri, twieldet f’Alba, belt ta’ 31,000 fil-Langhe fil-Piemonte, post li kien aktar magħruf għall-inbejjed Barbera u Barolo. Illum, il-grupp Ferrero huwa kolossu b’bejgħ li jaqbeż €8 biljun u qliegħ nett ta’ €545 miljun fis-sena u jħaddem aktar minn 34,000 ruħ fi 53 stabbiliment, 4,500 minnhom fl-istess Alba. Michele Ferrero kien meqjus mir-rivista Forbes bħala l-aktar Taljan sinjur b’patrimonu ta’ $23.4 biljun u t-tletin l-aktar bniedem sinjur fid-dinja.
Aktar sinifikanti minn hekk, il-grupp Ferrero li twaqqaf formalment fl-1946 dejjem kiber b’mod naturali u organiku u mhux bl-akkwist tar-rivali tiegħu kif spiss jiġri fid-dinja tal-kummerċ. Barra minn hekk, il-familja Ferrero dejjem irreżistiet l-offerti kollha li sarulha minn gruppi kbar bħal Nestlé għal xiri jew għaqda jew taħlita tat-tnejn. Anke bil-mewt ta’ Michele, bosta kienu x-xnigħat li l-eredi Ferrero ma jibqgħux jirreżistu l-offerti li jsirulhom imma it-tifel ta’ Michele, Giovanni li llum jidderieġi l-grupp ċaħad fil-pront kwalunkwe intenzjoni tal-familja li tbiegħ: il-Ferrero, qal Giovanni, twieldet Taljana u se tibqa’ Taljana.
Il-ġenituri ta’ Michele t-tnejn li huma kienu wlied bdiewa. Missieru kien anke fetaħ ħanut tal-ħelu f’post ċentrali f’Turin imma kif spiss jiġri fi żmien ta’ kriżi, irritorna
flimkien ma’ martu f’Alba fl-1942 fejn hemm fetaħ ħanut tal-ħelu. L-iskarsezza tal-kakaw fi żmien il-gwerra u fis-snin ta’ wara xprunat lil Pietro Ferrero li jesperimenta b’riċetta li kienet ilha magħrufa miż-żminijiet tal-gwerer Napoleoniċi u jżid il-ġellewż, li bħall-għeneb huma ferm abbundanti fil-Langhe, flok il-kakaw. Pietro beda jesperimenta fil-ħanut tiegħu u jagħġen il-gianduja li oriġinarjament kien ibiegħ bħala ħobż taċ-ċikkulata li wieħed seta’ jqatta’. Wara beda jbiegħ prodott semi-likwidu li sejħilha supercrema.
Meta Pietro miet fl-1949, Michele ħa t-tmexxija tan-negozju f’idejh flimkien ma’ zijuh Giovanni u ommu Piera. Mingħand missieru tgħallem il-mestier, il-ħeġġa tal-innovazzjoni u l-kreattività, mingħand zijuh l-importanza tal-organizzazzjoni kummerċjali u mingħand ommu s-sens tal-istruttura tal-azjenda. Ta’ 32 sena, Michele sab ruħu jmexxi negozju li kien qed jespandi rapidament. Dan speċjalment wara li ġietu l-idea ġenjali li jżid ftit żejt tal-ikel mat-taħlita ta’ gianduja sabiex jirrendiha aktar likwida. Sa l-aħħar tas-snin ħamsin, kellu mal-elf vann iterqu fl-Italja sabiex ifornu l-prodott li t-tfal riedu biex iżellġu fuq il-ħobż tagħhom. Iċ-ċikkulata ma baqgħetx xi ħaġa speċjali u rari imma saret aċċessibli għal kulħadd. Fl-1964 beda jbiegħ din il-krema ġo vażetti tal-ħġieġ taħt l-isem Nutella. Anke l-isem kien pjuttost ġenjali, speċjalment ħamsin sena ilu meta l-Ingliż kien għadu ma nfirex bħalma nfirex illum. Huwa taħlita ta’ Ingliż u Taljan bir-riżultat li witta t-triq għall-espansjoni internazzjonali tal-grupp Ferrero.
Michele Ferrero dejjem kien sensittiv għall-ħtiġijiet tal-konsumatur. Wara żjara fil-Ġermanja biex ibiegħ il-Mon Cheri li nieda fl-1956, tant kien milqut bid-depressjoni li kien għaddej minnha l-pajjiż, mifni bi gwerra oħra mitlufa u maqsum li ddeċieda li jibda jbiegħ individwalment iċ-ċikkulatini minflok fil-kaxxi tradizzjonali. F’moħħu dejjem kien iżomm il-mara tad-dar li kien isejħilha La Valeria. Imma kien ukoll jipprova jissoddisfa l-ħtiġijiet ta’ min hu iżgħar u vvinta t-Tic Tac fl-1969 u anke ssupera r-reżistenzi kollha u nieda l-Kinder Sorpresa fl-1974.
Il-prodotti kienu jiġu mnedija wara snin twal ta’ provi f’żewġ laboratorji, wieħed f’Alba u l-ieħor f’Monaco fejn Michele mar jgħix meta telaq il-kariga ta’ direttur maniġerjali tal-kumpanija fl-1997. Jgħidu li dam ħames snin jesperimenta qabel ma kien kuntent bil-verżjoni finali tal-Ferrero Rocher u anke n-Nutella ġiet imnedija wara ħafna snin ta’ esperimentar. Kien ukoll jenfasizza l-importanza tal-kwalità tal-materja prima: sabiex jassigura provista kontinwa ta’ ġellewż, mar hu stess iċ-Ċili sabiex iħawwel is-siġar tal-ġellewż hemmhekk. Illum, id-dinja tikkonsma l-bellezza ta’ 365 miljun kilo ta’ Nutella fis-sena, jiġifieri miljun kilo, jew elf tunnellata kuljum u tali domanda tfisser li l-kumpanija tikkonsma kwart tal-ġellewż tad-dinja.
Għalkemm kien jgħix Monaco, u dan indubbjament anke għal raġunijiet fiskali, baqa’ sakemm għalaq aktar minn tmenin sena jtir bil-helicopter minn Monaco għal Alba ħalli jgħin kemm fit-tmexxija tal-azjenda kif ukoll fir-riċerka. Meta kont qiegħed naqra biex nipprepara għall-kitba ta’ dan l-artiklu, ma stajtx ma nirriflettix ftit dwar is-similaritajiet u d-differenzi ta’ Michele Ferrero u pijunier ieħor f’qasam ferm differenti, Steve Jobs. Steve Jobs kien showman per eċċellenza mentri Michele Ferrero kien bniedem tassew riservat li darba biss ta intervista f’ħajtu. Imma t-tnejn li huma kienu ferm ġelużi tas-sigrieti azjendali u ferm marsusin dwar il-pjanijiet, proġetti u proċessi tagħhom, tant li l-Ferrero tiżviluppa l-makni tagħha hi stess. Ma tħalliex żjarat ta’ ġurnalisti fl-istabbilimenti tagħha u qatt ma tagħti konferenza tal-aħbarijiet sabiex tħabbar ir-riżultati finanzjarji tagħha. Bħal fil-każ ta’ Jobs u anke ta’ impriżi oħra, il-biża’ ta’ spjunaġġ industrijali kien u għadu tassew kbir. U forsi din ukoll hija raġuni għala l-kumpanija dejjem baqgħet privata u l-barranin qatt ma tħallew jidħlu fil-kapital tal-kumpanija. Fl-istess ħin, l-impriża dejjem żammet distanza mill-politiċi u ma fittxitx li tikber bl-appoġġi politiċi.
Imma forsi l-aktar ħaġa li tiddistingwi l-kultura imprenditorjali tal-familja Ferrero hija l-kura li l-familja tieħu tal-ħaddiema tagħha. Mhux ta’ b’xejn li mijiet kienu l-ħaddiema li wrew ir-rispett tagħhom din il-ġimgħa lejn Michele. Il Ferrero jieħdu tassew ħsieb il-ħaddiema tagħhom speċjalment meta jkunu fil-bżonn. Bosta kienu dawk li ftakru fil-kura medika li ħallsitilhom il-kumpanija meta kienu fil-bżonn. Il-kumpanija wkoll torganizza trasport għall-ħaddiema tagħha lejn l-irħula ta’ madwar Alba sabiex ikunu jistgħu jibqgħu jieħdu ħsieb id-dwieli u jagħsru l-inbid.
Fl-1983, Ferrero waqqaf fundazzjoni sabiex tieħu ħsieb l-eks ħaddiema tal-grupp u tippromwovi inizjattivi soċjali u kulturali. Il-motto ta’ din il-Fondazzjoni hija appuntu “Aħdem, Agħmel, Agħti.” Fl-2005 ħoloq l-Impriżi Soċjali Ferrero li llum qegħdin fl-Indja, l-Afrika t’Isfel u l-Kamerun. Dawn huma impriżi li jaġixxu b’kuxjenza soċjali sabiex joħolqu mpjiegi f’postijiet anqas żviluppati u jippromwovu l-edukazzjoni u s-saħħa tat-tfal taż-żona.
Ħaġa li tolqtok f’Michele Ferrero hija d-devozzjoni kbira li kellu għall-Madonna ta’ Lourdes. Kull sena kien iżur Lourdes u kien jinkoraġixxi lill-ħaddiema tiegħu jagħmlu pelleġrinaġġ ukoll. F’kull stabbiliment tal-kumpanija hemm Madonna ta’ Lourdes u meta xi ħadd saqsieh x’inhi r-raġuni tas-suċċess tiegħu, kien pront jattribwixxi tali suċċess lill-Madonna ta’ Lourdes.
Il-kultura imprenditorjali tal-grupp Ferrero ġiet imlaqqma ‘glocal’ peress li għandek azjenda li għandha għeruq sodi fit-territorju fejn twieldet, liema għeruq għadha tikkultiva sal-lum imma għandha viżjoni globali li tat lok għall-espansjoni kbira mad-dinja kollha. Alba ġiet imlaqqma l-aħħar company town Taljana u s-suċċess tagħha jikkuntrasta ma’ dak ta’ Siena fejn il-Monte dei Paschi għaddej minn kriżi kbira u ta’ Turin li m’għadhiex is-sede tal-grupp Fiat wara l-għaqda ma’ Chrysler u issa l-grupp FiatChrysler Automobiles qed jitmexxa minn Detroit u b’sede legali, għal raġunijiet fiskali, f’Londra.
Il-ħajja ta’ Ferrero turi li s-suċċess jiġi b’ħidma soda u onesta, bil-perseveranza u anke bl-intelliġenza u l-kreattività. Turi wkoll li anke impriża li twieldet f’belt daqs Għawdex tista’ tikber f’temp ta’ ġenerazzjoni sabiex issir l-aktar impriża fdata fid-dinja. Turi ukoll il-potenzjal tal-manifattura, anke fejn ma kienx hemm tradizzjoni ta’ manifattura imma kienet tiddomina l-agrikoltura.
Ir-riċetta tar-re tal-ħelu fiha tassew x’tixtarr.
Segwini fuq Twitter @ellisjoseph jew fuq Facebook.