
Sentejn ta’ wegħdi li mhux jitwettqu
"Muscat mhuwiex it-tip ta’ mexxej li l-poplu jixtieq li jkollu għaliex fil-mument tal-prova ma jagħtix serħan il-moħħ" - David Casa

Resqin lejn l-ewwel sentejn ta’ Gvern Laburista u l-poplu Malti u Għawdxi għandu jistaqsi jekk dawn kinux snin li fihom il-Partit Laburista wettaq dak li wiegħed u fuq kollox jekk implimentax dak li tant ftaħar bih qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet. Il-programm elettorali tal-PL għal Marzu 2013 kien fih minn kollox; fil-maġġoranza tiegħu wegħdi li mad-daqqa t’għajn kienu attraenti u li jappellaw għall-maġġoranza tal-poplu iżda mat-tul taż-żmien wieħed faċilment jintebaħ li dawn ma kienu xejn għajr kliem sabiħ intenzjonat biss biex jagħti l-impressjoni ta’ partit ġdid u mibdul li kien lest li jagħti alternattiva oħra lil pajjiżna.
Sentejn wara, il-poplu tagħna bir-raġun iħossu diżappuntant li dak li kien imwiegħed lilu mhux qed ikun mogħti. Il-ħsieb ta’ Joseph Muscat kien wieħed; iwiegħed l-ilma jiżfen basta jkun jista’ jirbaħ l-elezzjoni ġenerali. La darba l-PN kien ilu kważi 25 sena fil-Gvern u Muscat ipproġetta lilu nnifsu bħala ġdid u nadif, il-PL ma tantx kellu wisq problemi biex jikkonvinċi lill-maġġoranza tal-poplu Malti li hu kien l-aqwa għażla għal dan il-pajjiż. Ir-riżultat miksub fl-aħħar elezzjoni ġenerali jikkonferma dan. Madankollu Muscat u l-PL tkellmu dwar punti li l-poplu vvota għalihom fosthom il-meritokrazija, l-effiċjenza, in-nuqqas ta’ burokrazija u fuq kollox għaliex bil-PL fil-Gvern kien se jkollu l-aqwa kabinett li qatt ra pajjiżna minn wara l-Indipendenza ’l hawn. Dawn kienu wegħdi u punti importanti li kienu kruċjali fil-kampanja li għamel Muscat u llum wieħed għandu jieqaf, jistaqsi u jaħseb jekk dawn il-wegħdi nżammux mill-PL fil-Gvern.
Mill-esperjenzi li niltaqa’ magħhom kuljum meta niltaqa’ mal-kostitwenti, nintebah li s-sitwazzjoni f’dan il-pajjiż qed tmur għall-agħar u mhux għall-aħjar. Veru każ li pajjiżna qed jitmexxa mid-dilettanti u minn grupp ta’ nies li wiegħdu kollox qabel rebħu l-poter iżda issa qed jagħmlu kollox għajr dak li wiegħdu qabel l-elezzjoni ġenerali. Il-PL fil-Gvern, għalkemm għadu b’saħħtu, qed jitlef il-kredibilità li rebaħ biha l-elezzjoni fl-2013 u llum Muscat sar diffiċli biex jitwemmen. Il-kredibilità ma titlifhiex daqstant malajr iżda f’dawn l-aħħar sentejn ta’ tmexxija smajna b’numru ta’ stejjer li juru bl-aktar mod ċar li l-PL kellu intenzjoni waħda; jirbaħ il-Gvern mingħajr ma kellu viżjoni ċara għal kif kien se jmexxi pajjiżna. Ftaħar tant li kellu road-map f’kull sfera u suġġett li tista’ timmaġina iżda llum nafu li din kienet ħrafa.
Ma ninsewx ukoll li llum pajjiżna għandu Prim Ministru li hu kapaċi jipproġetta lilu nnifsu sabiħ iżda meta jiġi biex jiddeċiedi jew biex jieħu pożizzjoni, bħal fil-każ tal-ISIS, m’għandux il-kuraġġ li jagħmel dak li ta’ qablu kien ikollu l-kuraġġ li jagħmel. Dan kollu juri biċ-ċar li Muscat mhuwiex it-tip ta’ mexxej li l-poplu jixtieq li jkollu għaliex fil-mument tal-prova ma jagħtix serħan il-moħħ. Lil hinn minn dan kollu l-Partit Nazzjonalista m’għandux jibqa’ passiv u jistenna lil Muscat u l-Gvern tiegħu jiżbalja biex jirbaħ punti politiċi iżda mill-Oppożizzjoni rridu nkunu pro-attivi biex tassew nagħmlu d-differenza fil-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.
Nemmen li dan qed isir mill-Kap tal-PN Simon Busuttil u naf ukoll li qed isir sforz kbir biex il-PN jerġa’ jkun l-akbar saħħa politika fil-pajjiż. Il-PN qed jirnexxielu jattira nies ġodda lejh u dan hu konferma fin-numru ta’ kandidati ġodda u żgħażagħ li qed jippreżenta l-PN għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali li se jsiru f’April li ġej. Dawn huma wċuħ ta’ nies li qed iħossu l-bżonn li jagħtu kontribut fit-tfassil tal-politika lokali u fuq kollox jemmnu li l-PN hu l-aħjar għażla għal dan il-pajjiż. Dan hu l-aqwa messaġġ li l-PN jista’ jibgħat lill-elettorat fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali li qed jattira nies ġodda, friski u żgħażagħ li għandhom l-għatx li jaħdmu u jagħtu sehem biex jaraw lil pajjiżna aħjar. Fuq kollox dawn huma nies li qed jifhmu wkoll li dak li wiegħed Muscat mhux qed jitwettaq u allura qed iħossuhom diżappuntati mit-tmexxija ta’ min wiegħed kollox u lil kulħadd u issa mhux qed iwettaq.
Nhar is-Sibt 11 ta’ April il-poplu Malti u Għawdxi għandu jieqaf u jaħseb qabel jivvota biex jeleġġi r-rappreżentanti għal-lokalità tiegħu. Dakinhar, il-poplu tagħna għandu jagħmel ġudizzju tal-politika li tah Muscat u tal-politika pożittiva u fl-aħjar interess ta’ kulħadd li qed jipproponi l-PN. Nhar is-Sibt 11 ta’ April ivvota għall-kandidati kollha tal-PN.
David Casa hu membru parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista fi ħdan il-Partit Popolari Ewropew (EPP)