Politika mfassla mill-ħafna; imfassla minnek ukoll

minn Therese Comodini Cachia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ftit tal-ġimgħat ilu waqqaf numru ta’ policy fora fil-Partit Nazzjonalista biex jaġġornaw il-politiki tal-partit. Dan hu importanti mhux biss għall-Partit Nazzjonalista imma wkoll għall-pajjiż biex inti jkollok minn fejn tagħżel anke fit-triq ’il quddiem tal-pajjiż f’diversi oqsma. 

Ftuħ għal kulħadd

Il-Kap tal-Oppożizzjoni afdali t-tmexxija u l-kordinament ta’ dawn il-policy fora u ħaseb b’mod ċar u preċiż biex dawn ikunu miftuħin għal kulħadd, hu min hu, hu ta’ liema fehma politika hu, biex kulħadd ikun jista’ jieħu sehem fit-tfassil tal-politika ta’ partit politiku ewlieni.

Din l-inizjattiva li nistiednu membri tal-pubbliku sabiex jaqsmu magħna l-esperjenzi u l-proposti tagħhom qed twassal għall-ġenerazzjoni ta’ ideat, proposti u soluzzjonijiet. L-isbaħ ħaġa hi li dawn qed jiġu ġenerati min-nies stess, nies bħalek, li jkunu ffaċċjaw jew qed jiffaċċjaw sfidi fil-ħajja tagħhom. 

Inti min inti, għandek tħossok komdu tipparteċipa fil-policy fora

M’hemmx għalfejn tkun membru tal-Partit Nazzjonalista biex tipparteċipa bl-ideat tiegħek. Jekk għandek proposta jew inti ffaċċjat b’sitwazzjoni li taħseb li l-politiċi għandhom jindirizzaw jew qed tara kwistjoni li tixtieq tfittex is-soluzzjoni għaliha, allura għandek tħossok komdu tipparteċipa fil-policy fora

L-għan aħħari tal-policy fora huwa li flimkien infittxu soluzzjonijiet sabiex intaffu l-piż li ċerti setturi qed ibatu. Huwa wkoll meħtieġ li bħala partit politiku nagħrfu kif miżuri amministrattivi u leġiżlattivi, flok iħaffulek il-piż u jiffaċilitawlek l-aċċess għall-opportunitajiet, jispiċċaw ixekkluk aktar. 

Għalhekk, biex tipparteċipa fil-policy fora ħaġa waħda biss għandek bżonn: li tkun tassew tgħożż is-soċjetà Maltija. Tipparteċipa għaliex flimkien ma’ oħrajn trid tkun parti mill-ġejjieni li tridu jkun aħjar.

Nisimgħu aktar milli nitkellmu

Illum spiċċat il-paċenzja li toqgħod tisma’ l-prietki, aktar u aktar meta l-predikatur huwa persuna fil-politika. Illum il-politika hija tan-nies u jagħmluha n-nies. Dan huwa l-akbar akkwist li għamlet is-soċjetà Maltija fl-iżvilupp tagħha matul is-snin. 

Illum il-politiku huwa int ukoll, għax tista’ tikkontribwixxi int ukoll fit-tfassil tal-politika. Int kapaċi tagħraf l-isfidi, l-ostakli u l-kawżi tagħhom u kapaċi wkoll li, flimkien ma’ oħrajn f’diskussjoni, tasal għas-soluzzjonijiet. Għalhekk il-policy fora jfittxu li joħolqulek opportunità li biha int tista’ twassal il-messaġġ tiegħek biex tgħix aħjar. 

 

Workshops fuq sena biex nolqtu l-oqsma kollha

Dan l-aħħar, bil-policy fora varajna programm ta’ laqgħat ta’ diskussjoni fuq sena sħiħa. Għażilna li minn issa nagħtuk l-opportunità tara l-pjan ta’ attivitajiet tal-policy fora għal din is-sena sabiex tagħżel int fejn u kif tipparteċipa. Huwa programm varjat. Se niddiskutu setturi differenti. Matul din is-sena se niffukaw fuq it-tiġdid soċjali, l-ekonomija, il-ġustizzja, is-saħħa, l-ambjent, il-kultura u l-kreattività, l-edukazzjoni, Għawdex, u ż-żgħażagħ. 

Persuni fil-faqar, qiegħda u pensjonanti

Fl-ewwel workshop li għamilna fi Frar, numru sabiħ ta’ nies ġew id-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista u qasmu magħna l-ideat tagħhom dwar il-faqar, il-persuni li huma qiegħda u l-pensjonanti. Ipparteċipaw nies ta’ kull età li ġejjin minn ħafna setturi differenti. Id-diversità fl-esperjenzi tagħhom kienet iċ-ċavetta tas-suċċess ta’ dan l-ewwel workshop li kellna. 

Ma nistax ninsa s-sinċerità li esprimiet pensjonanta meta spjegatilna d-diffikultajiet li jgħaddu minnhom l-anzjani. Ġegħlitna naħsbu ħafna fuq kif nistgħu ngħinu lill-pensjonanti jżommu livell ta’ għixien dinjituż. 

Kienet ukoll tagħlima tajba għal kulħadd meta żagħżugħ qasam magħna kif wasal sabiex ikollu n-negozju tiegħu, jimpjega n-nies u jkompli l-istudji tiegħu. Però, fid-determinazzjoni tiegħu ffaċċja wkoll il-povertà. 

Il-bżonn li noħolqu impjiegi mħallsin tajjeb

It-tieni workshop, imbagħad, kien esperjenza oħra differenti għaliex ħafna mill-parteċipanti kienu jirrappreżentaw gruppi ta’ ħaddiema u anke sidien ta’ negozji. Kienet diskussjoni prattika, franka u mingħajr kantunieri. Iddiskutejna r-rispett li jippretendi l-ħaddiem u l-ħtieġa li l-ħaddiem u s-sid tan-negozju nagħrfuhom bħala żewġ uċuħ tal-istess munita. 

Dan il-policy forum irrikonoxxa li dak li jridu l-ħaddiema huwa rispett u li nfittxu niżviluppaw ekonomija ta’ valur li toħloq impjiegi mħallsin tajjeb.

Inkomplu nibnu l-komunità kreattiva

Nhar il-Ġimgħa li ġej, 13 ta’ Marzu, imiss it-tielet laqgħa, din id-darba tal-policy forum dwar il-kultura. Se niddiskutu l-kultura u l-arti, l-ekonomija kreattiva u l-media. Jiena nemmen li l-ekonomija kreattiva Ewropea għandha potenzjal qawwi u rrid li l-Maltin ikollhom l-opportunità jipparteċipaw f’dan il-potenzjal. 

Nixtiequ ngawdu mis-sehem tiegħek ukoll

Nixtieq li nwassallek dan il-messaġġ: irridu politika mfassla mill-ħafna, mhux kontrollata mill-ftit. Biex tieħu sehem fit-tfassil tal-politika tal-Partit Nazzjonalista tista’ tidħol fis-sit pn.org.mt/policyfora għal aktar informazzjoni, tibgħat email fuq [email protected] inkella ċċempel fuq 25965265. 

Il-kontribut tiegħek biex infasslu politiki tajbin hu importanti u nixtiquh. 

Chairperson tal-policy fora tal-Partit Nazzjonalista

More in Blogs