Il-futur tas-sistema pensjonistika

minn Carmel Mallia

Anzjani jissieltu biex ikampaw
Anzjani jissieltu biex ikampaw

Fid-19 ta’ Frar 2015 it-Times of Malta u l-Istitut tas-Servizzi Finanzjarji organizzaw konferanza dwar il-futur tas-sistema u kemm ser tibqa’ sostenibbli fil-futur il-Pensjoni tal-Istat.

Fost il-mistednin biex jindirizzaw  il-laqgħa kien hemm il-Prim Ministru, Il-Ministru tal-Finanzi u shadow Minister, tnejn jirrappreżentaw l-Unions, iċ-Chief Executive tal-MSV life p.l.c. u ekonomisti.

Ta’ min ifakkar li s-sistema pensjonistika tagħna hija msejsa fuq tlett pilastri; Pensjoni tal-Ewwel Pilastru (tal-Istat), Pensjoni tat-Tieni Pilastru (Occupational  Pension/ Tas-Servizz) u Pensjoni tat-Tielet Pilastru (Pensjoni Privata).   

Mill-bidu nett l-Alleanza tal-Għaqdiet tal-Pensjonanti tiddikjara li m’għandha l-ebda’ oġġezzjoni għad-dħul tal-Pensjoni tat-Tieni u t-Tielet pilastru fis-sistema tagħna.  Mill-banda l-oħra, din l-għaqda ssostni li l-attenzjoni prinċipali trid tingħata lill-Pensjoni tal-Istat.  Meta ħaddiem jirtira mix-xogħol wara xi 40 sena, aktar ikollu moħħu mistrieħ dwar il-pensjoni li ser jircevi.  Nifhmu wkoll li fiċ-ċirkostanzi tkun deċiżjoni għaqlija li dawk li jifilħu għaliha, jissieħbu f’pensjoni oħra supplimentari sabiex ikunu jistgħu jsostnu l-kwalità tal-ħajja meta jirtiraw. 

F’dan il-kwadru kollu nifhmu li f’laqghat bħal dawn dwar il-pensjoniiet, trid titkellem u tindirrizza liż-żgħażagħ dwar il-futur u xi jkunu d-dmirijiet tagħhom bħala kontributuri kif ukoll xi drittijiet ikollhom meta jirtiraw.   Mill-banda l-oħra nipprettendu li jkun hemm spazju għal diskussjonijiet dwar l-affarijiet li qed jolqtu ħażin lill-pensjonanti kurrenti u jsiru proposti biex dawn intejbuhom.   Ma jistax ikun li r-rappreżentanti tal-pensjonanti ma jingħatalhomx id-dritt u il-ħin biex jitkellmu dwar il-problemi tagħhom. – għaliex dan huwa abbuż.  Il-media għandha tati kas li  din il-prattika ma tibqax għad-detriment tal-anzjani u l-pensjonanti.

Fil-konferenza il-Prim Ministru tkellem dwar il-pensjonijiet tat-Tieni u Tliet Pilastru; dwar l-impiegi biex ikun jista’ jsostni l-pensjonijiet, kif ukoll fuq il-faqar. Fid-diskors tiegħu spikka l-fatt li ż-żewġ partiti politiċi ma jaqblux dwar id-dħul tal-Pensjoni tat-Tieni Pilastru fis-sistema ta’ pajjiżna .  Il-kelliema l-oħra ffokkaw dwar il-fatt li Pensjoni tal-Istat mhux ser tibqa’ sostenibbli u adekwata fil-futur.  Ghaldaqstant hemm bżonn li żgħażagħ ikunu edukati f’dan il-qasam sabiex jibdew ifaddlu kmieni minn meta jibdew jaħdmu billi jippartecipaw f’pensjoni supplimentari.  B’dan ikunu ċerti li meta jirtiraw, ikunu jistgħu jgħixu ħajja ta’ kwalità.

Hija verità li minħabba li r-rata tat-twelid naqset sew, din ser ikollha effett fuq is-sostenabblità tal-pensjonijiet.  Iżda ma nistgħux nieqfu hawn.  Wasal iż-żmien li mill-proposti ngħaddu għall-fatti konkretti; mingħajr biża’ jew favuri. L-ewwelnett għandna npoġġu kollox fil-perspettiva tiegħu.  Irid isir dak kollu possibbli biex nassiguraw li l-Pensjoni tal-Istat tibqa’ sostenibbli u adekwata għal ġid ta’ kulħadd.

Biex dan ikun possibbli hemm bżonn, fost ħwejjeġ oħra, li nikkunsidraw xi il-miżuri. Fosthom hemm li mmorru lura għall-1974 u nintroduċu mill-ġdid s-sistema ta’ Ring Fencing; inżidu r-rata tal-bolla fuq perjodu ta’ ħames snin. Hemm bżonn li jsir infurzar aktar rigoruż, l-ewwel biex titħallas il-bolla minn min inkun qed jaħdem; u t-tieni biex l-benefiċċji jingħataw lil min jistħoqqlu. Jista’ jkun pass għaqli kieku l-infurzar tal-ligi jsir minn uffiċjali stazzjonati f’uffiċċji distrettwali.  Bosta mill-abbuzi isiru fit-toroq tagħna u jistgħu jkunu indirizzati

Ma’ dawn il-miżuri, l-amministrazzjoni trid tibqa’ taħdem biex iżżid l-impiegi.  Il-partiċipazzjoni tan-nisa, tal-pensjonanti u l-immigranti fid-dinja tax-xogħol huwa għodda importanti biex jiżdied id-dħul. 

Wara dan kollu hemm bżonn nirriflettu dwar il-membri tas-soċjetà tagħna.  Irridu nkunu nafu kif persuna tista’ tgħid li hija fqira, u mill-banda l-oħra x’għandu jkollu bniedem biex  tgħid li hu sinjur. Malta sejra tajjeb fil-qasam tal-impjegi u fl-ekonomija fuq livell ġenerali – mela l-ġid qiegħed jinħoloq.  Dan il-ġid, iżda, qed jitqassam sew u fuq kulħadd?  Jidher bil-provi li dan mhux il-każ.  Ħafna mill-ġid qed imur għand parti waħda mis-soċjetà - bil-konsegwenza li l-fqar qegħdin jiżdiedu, u qed jiftaqru aktar. Bl-istess mod, s-sinjur dejjem qed jistagħna aktar. F’isem is-solidarjetà u l-ġustizzja soċjali, din il-prattika trid tieqaf immedjatament għall- ġid ta’ kulħadd.

Qabel ma nispiċċa ma nistax ma nitkellimx dwar nuqqas li spikka ħafna waqt il-konferenza.  Huwa ta’ dispjaċir u diżappunt għall-Alleanza tal-Għaqdiet tal-Pensjonati li għal darb’oħra, il-mistednin li tkellmu, ftit li xejn indirizzaw il-problemi li qed jiffaċċjaw il-pensjonati kurrenti.  Dan kien nuqqas serju meta tiftakar li aħna nirrappreżentaw ’il fuq minn 85,000 ruħ. Nisperaw li f’aħħar jasal iż-żmien fejn jingħatalna iċ-ċans li nsemmgħu leħinna - għax hekk titlob il-ġustizzja.   

Fuq nota pożittiva, l-Alleanza tilqa’ b’ferħ il-kummenti li għamel dan l-aħħar l-Onor. Prim Ministru fejn stqarr li ser jibda jindirrizza il-problema tal-pensjonijiet f’pajjiżna. Aħna lesti li nagħmlu l-parti tagħna kemm-il darba niġu mitluba biex nipparteċipaw.

More in Blogs