Rajt ma rajtx...smajt ma smajtx
L-Editorjal tal-ILLUM
Madwar 300 sena ilu jingħad li f’post Birkirkara, fejn kien twettaq qtil wara li xi ħadd tkellem x’ra u x’sema’, kien inbena salib imsejjaħ bħala ‘rajt ma rajtx...smajt ma smajtx’. Leġġenda jew mhix, jibqa’ fatt li ħafna Maltin fi tfulithom kienu jiġu mgħallma mill-ġenituri tagħhom biex jagħlqu ħalqhom, għajnejhom u widnejhom u qatt ma jgħidu dak li raw jew semgħu. F’postijiet fl-Italja fejn tiddomina l-Mafja din tissejjaħ omertà. F’Għawdex jidher li anke fl-ogħla awtoritajiet tal-gżira donnu li ħadd ma jisma’ xejn, ħadd ma jara xejn u ħadd ma jitkellem xejn.
Sadanittant f’kull kantuniera f’Għawdex kulħadd jitkellem dwar dak li allegatament x’ġara fil-Ministeru ta’ Għawdex li nkixef minn whistleblower, iżda min suppost kien responsabbli għal dak li ġara fl-aħħar snin, ma sema’ u ra xejn. Anzi ra l-istorja pubblikata fil-MaltaToday, għax il-bqija ma kien jaf xejn dwar dak li qed jiġi allegat li wettaq Anthony Debono meta ministru kien hemm martu, Giovanna Debono. Jista’ jkun ukoll li meta jmorru d-dar bħala koppja miżżewġa jħallu x-xogħol tagħhom fl-uffiċċju u ma jiddiskutux ix-xogħol tagħhom fil-ħajja privata tagħhom. Jista’ jkun ukoll li żewġha kien jagħmel dan minn wara dahar martu (il-ministru) biex jgħinha takkwista jew aħjar iżżomm dawk l-eluf ta’ voti li kienu jassigurawlha ministeru.
Anke l-Kap tal-Oppożizzjoni sar jaf b’dak li kien jiġri malli fetaħ l-MaltaToday. Saħansitra s-Segretarju Ġenerali, l-Għawdxi Chris Said ma kien qatt sema’ xejn dwar dak li seta’ kien qed jagħmel Toni biex ikun żgur li l-voti jmorru għand martu u mhux għand Chris Said. Imnalla kienet il-MaltaToday li donnha fetħet il-kaxxa ta’ Pandora.
Forsi dan kien il-mod kif taqdi l-kostitwenti u jassiguralek voti garantit jew aħjar siġġu fil-Parlament? Tgħid il-fatt li ma dan il-każ qed tinħoloq arja ta’ omertà għax hemm iżjed ministri jew eks ministri li kienu jaħdmu b’dan il-mod? Donnu li kulfejn tersaq din il-mistoqsija kulħadd irid iħalli lill-ġustizzja tasal hi għal konklużjonijiet tagħha qabel wieħed jgħaddi xi kumment.
Simon Busuttil fuq il-programm Dissett ġie mistoqsi l-istess mistoqsija minn Reno Bugeja fejn staqsih kif kulħadd sema’ b’dan il-każ barra hu. Il-Kap tal-oppożizzjoni b’ħarsa vojta qal li qatt ma sema’ b’każi bħal dawn, sema’ biss b’kuntratturi li għadhom ma tħallsux, iżda mhux li jagħmlu xogħol privat imħallas mill-gvern. Iżda, fin-nifs ta’ wara, ħares lejn il-kamera u talab lill-pulizija biex ma jwaqqfux l-investigazzjonijiet tagħhom sal-aħħar elezzjoni iżda anke jaraw il-files tal-aħħar sentejn. Dan ifisser li qed jimplika li qed isir l-istess taħt dan il-gvern? U jekk qed jimplika li jista’ qed isir l-istess illum, ikun qed ifisser li dak li qed jiġi allegat fuq Giovanna Debono u żewġha seħħ.
Hemm bżonn li f’din il-gżira ż-żewġ kapijiet tal-partiti juru bis-serjetà li iridu politika nadifa billi flok jitfgħu t-tajn jieħdu azzjoni ta’ vera, u mhux iġebbdu u jkomplu jġebbdu u jduru 360 grad jippruvaw isibu skużi biex ma jiħdux azzjoni fuq każi qawwija b’riħa ta korruzzjoni. Il-poplu Malti bagħtilhom messaġġ qawwi bil-Eurobarometer meta qalu li huma biss il-25% li għandhom jew baqgħalhom fiduċja fil-politiċi. Inutli nagħmlu u naqblu mal-liġi tal-whistleblower, imbagħad niddubitawh jew inkella naraw kif induru ma dak li jkun qed jallega u wara għagħa sħiħ ta’ ftit ġimgħat kollox imut fuq ommu. U hawn fejn Simon Busuttil għandu raġun meta semma’ il-każ ta’ George Pullicino li diġa għaddew sitt xhur u donnu ntesa kollox. Semma wkoll li mir-rapport li kien għamel John Dalli dwar l-isptar Mater Dei fejn kien intqal li se jintefgħu n-nies il-ħabs għaddew sena u nofs u qatt ma ssemma’ xejn iżjed.
Il-leġġenda tas-salib ta’ Birkirkara m’għandix tintuża mill-politiċi biex jaħbu dak li jafu. Is-salib għandu jservi biex wieħed iħares lejn l-eżempju ħaj tal-onestà ta’ persuna li nqatel għax qatt ma beża’ jitkellem il-verità.