
Nagħmlu differenza għax aħna differenti
minn David Agius

Kien hemm min ħaseb li l-Partit Nazzjonalista kien destinat li jkun irrillevanti għal bosta snin. Wara l-Elezzjoni Ġenerali li għaddiet, id-differenza ta’ voti bejn iż-żewg partiti tant kienet kbira li kien hemm min staqsa “x’differenza jista’ qatt jagħmel il-Partit Nazzjonalista issa?” Bil-ħidma ta’ kull membru tal-grupp parlamentari u tal-partit dan urejna li mhux minnu.
Kulħadd jaħdem fis-settur tiegħu u qed nuru li b’ħidma ġenwina u b’direzzjoni mill-kap, qed nagħmlu differenza. Anke fil-Kunsilli Lokali qed nagħmlu differenza. Qed nixprunaw lill-Gvern biex jagħti aktar importanza u jżid l-fondi lil Kunsilli Lokali.
Aħna minn dejjem emminna fil-Kunsilli Lokali u għalhekk wellidinihom f’pajjiżna aktar minn 20 sena ilu u bil-politika tagħna saħħaħnihom. Aħna dejjem ipparteċipajna u ħadna l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali bis-serjetà. Aħna nemmnu li f’kull Kunsill Lokali jrid ikun hemm serjetà fit-tmexxija.
Jien nemmen li għandna nagħmlu differenza fil-Kunsilli Lokali, jekk naħdmu fuq dawn l-erba’ punti prinċipali:
Nagħmlu differenza b’li nafu
Nagħmlu differenza b’dak nagħmlu
Nagħmlu differenza b’dak li nemmnu
Nagħmlu differenza bl-attitudnijiet tagħna
1. Nagħmlu differenza b’li nafu
Għażilna kandidati b’esperjenzi differenti. Hemm min għandu livell għoli ta’ edukazzjoni formali. Hemm min l-esperjenzi differenti ta’ xogħol jagħmluh kandidat tajjeb. Hemm min għex esperjenzi differenti fil-qasam tal-volontarjat. Hemm min bl-età għadda sew mill-università tal-ħajja u ġabar esperjenza ġmielha. Hemm min qed ipoġġi għad-dispożizzjoni tal-komunità l-enerġija taż-żgħożija tiegħu. L-għerf fuq livell ta’ komunità jfisser ukoll kemm kapaċi nifhmu lill-komunità s-sinjali taż-żminijiet.
2. Nagħmlu differenza b’dak nagħmlu
Ġejjin mil-liema sfera ġejjin, importanti li nagħmlu differenza b’dak li nagħmlu. Il-ħiliet tagħna, jew in-nuqqas ta’ ħila, malajr jidhru wara ftit jiem. Għalhekk kull kandidat, bl-azzjonijiet tiegħu irid ikun ambaxxatur denju tal-Partit Nazzjonalista fil-lokalità tiegħu. Nemmen li fuq bażi lokali għandna bżonn nivvutaw lil nies li b’dak li jagħmlu juru x’differenza kapaċi jagħmlu n-Nazzjonalisti veri u leali. B’hekk ukoll ikunu riflessjoni ta’ dak it-tim li l-Partit Nazzjonalista qed iħejji għal meta jkun fdat bit-tmexxija tal-pajjiż.
3. Nagħmlu differenza b’dak li nemmnu
It-twemmin tagħna huwa dak li jġibna flimkien. Irridu nħaddnu valuri komuni. Għalina n-Nazzjonalisti il-valuri tad-demokrazija, tas-solidarjetà, is-sussidjarjetà u oħrajn huma ċentrali. Dawn irridu nuruhom permezz tal-ħidma tagħna fil-komunitajiet lokali bħalma qed nuruhom aħna d-deputati fuq skala nazzjonali. Il-Gvern Laburista dawn il-kliem issa nesihom u ħareġ il-lupu ta’ taħt il-libsa ta’ nagħġa. In-nuqqas ta’ demokrazija rajnih f’dak li ġara fil-każ tal-voti magħduda żbaljati fl-Elezzjoni Ġenerali. In-nuqqas ta’ solidarjetà rajnih kuljum fil-ħtif u l-kilba min-nies tal-qalba. In-nuqqas ta’ sussidjarjetà rajniha fid-deċiżjonijiet li jittieħdu direttament mill-Prim Ministru biss – il-Premier.
4. Nagħmlu differenza bl-attitudnijiet tagħna
Id-differenza f’dak li nagħmlu trid tinħass fuq kollox bl-attitudnijiet tagħna. L-attitudni hija l-aktar ħaġa importanti. Attitudni tajba il-ħin kollu. In-nies iridu persuni fil-politika li huma qribhom. Minkejja d-dinja tekonoloġika f’Malta għadna bil-vantaġġ tal-kuntatt personali kontinwu. In-nies tridna dejjem aktar viċin taghhom. L-għan tagħna huwa li nagħmlu lill-Partit Nazzjonalista mill-ġdid il-Partit tan-Nies.
Nagħmlu differenza għax differenti
Biex tagħmel differenza trid tkun differenti minn dak li jkun qed isir. Inkella x’differenza hi? Aħna nagħmlu differenza għax aħna differenti mill-Partit Laburista. Aħna differenti għax magħna taf fejn qiegħed u t-twemmin tagħna ma jilgħabx. Ma nonfħux skont fejn jonfoħ ir-riħ. Nagħmlu d-differenza għax aħna differenti minn dak li konna aħna stess. Il-Partit huwa differenti u qed jagħmel il-bidliet li l-poplu qed japrezza. Għalhekk il-policy fora u l-fergħat ġodda fi ħdan il-PN li qed iġibu flimkien l-imħuħ differenti skont il-qasam.
Nagħmlu differenza b’ħidma flimkien.
Bħala l-Whip tal-grupp parlamentari Nazzjonalista nista’ nara sew u nħoss x’differenza tagħmel meta taħdem flimkien. Għamilna differenza fil-Parlament Nazzjonali. Issa, dak li għamilna fil-Parlament Nazzjonali rridu nkomplu nagħmluh ukoll fil-Kunsilli Lokali. Bil-kandidati li għandna fit-tim tagħna nistgħu nagħmlu differenza. Dan iħeġġiġni biex b’wiċċi minn quddiem nitlob l-appoġġ ta l-elettorat għax verament nemmen li flimkien nistgħu nagħmlu differenza fil-lokalitajiet tagħna.
David Agius hu l-Whip tal-Partit Nazzjonalista u Kelliem għall-Gvern Lokali