Il-Fewdaliżmu Fostna
Ħadd m’għadu jiftakar iż-żminijiet fewdali. Kienu żminijiet li ħafna storiċi jiddeskrivu bħala ż-Żminijiet Mudlama. Forsi hemm storiċi revisjonisti li jħarsu lejn dawn iż-żminijiet mod ieħor u jħossu li kellhom ukoll it-tajjeb tagħhom. Imma fil-maġġoranza tad-drabi, dawn huma żminijiet li ftit iqisuhom bħala sbieħ.
X’kien eżatt il-fewdaliżmu hija mistoqsija li qanqlet ftit kontroversja mhux ħażin. Imma mill-ftit li qrajt fuq is-suġġett jidher li l-fewdaliżmu jiddeskrivi serjè ta’ rapporti ta’ dmirijiet u obbligi bejn persuni differenti fil-ġerarkija fewdali : fuq nett, għandek is-sinjur li kien jikkontrolla l-ġid ekonomiku bl-art li kellu. Is-sinjur kien jikkonċedi l-art lill-vassal tiegħu permezz ta’ fewdu u jwegħdu l-protezzjoni tiegħu mentri l-vassal kien jieħu ġurament ta’ lealtà u jintrabat li jipprovdi lis-sinjur kwota ta’ kavalieri u suldati f’każ ta’ gwerra. Mill-banda l-oħra, il-vassal kien jintrabat li jipproteġi lill-bdiewa jew servi li jaħdmu l-art tiegħu li kienu jħallsuh talli jħallihom jgħixu u jaħdmu l-art tiegħu billi jaħdmulu u anke jgħaddulu parti mill-frott tal-ħidma tagħhom. Sabiex ikollhom il-protezzjoni tal-vassal, il-libertà ta’ dawn is-servi kienet ferm limitata u biex ma jibqgħux fil-kontroll tiegħu, riedu permess.
Il-fewdaliżmu fl-Ewropa tal-punent beda jisparixxi wara r-Rinaxximent imma fi Franza ġie abolit formalment meta faqqgħet ir-Rivoluzzjoni Franċiża fl-1789. F’pajjiżi oħra dam jeżisti sa bosta għexieren ta’ snin wara bl-abolizzjoni tiegħu fl-Awstrija fl-1848 u fir-Russja fl-1861. Anke f’pajjiżna l-istitut taċ-ċens li kien ferm populari fi Sqallija huwa vestiġju tal-fewdaliżmu. Tajjeb li wieħed jagħraf li l-fewdaliżmu kien mibni fuq il-kontroll ttal-art minn x’uħud li żgur oriġinarjament ma kienux il-propjetarji tagħha. Ġid komuni ġie kkapparrat minn ftit sinjuri li bdew iqassmu l-art fost il-vassalli tagħhom li min-naħa tagħhom kienu jikkontrollaw l-abitanti ta’ dik l-art. Hekk ir-Re ta’ Spanja kiser il-wegħda solenni tiegħu u ta lil Malta u Għawdex bħala fewdu lil Don Gonsalvo Monroy li għakkes lill-antenati tagħna tant li qamu u qafluh Sant’Anġlu.
Ħsibt ftit f’dan kollu wara l-istorja li ħarġet nhar il-Ħadd il-MaltaToday dwar l-allegat abbużi mwettqa mir-raġel tal-eks ministru għal Għawdex, Giovanna Debono. Skont l-allegazzjoni li saret minn kuntrattur li mid-dehra kien parteċipi f’din l-iskema, ir-raġel tal-eks ministru kien jordna kuntratturi privati jwettqu xogħlijiet kemm fi propjetà pubblika kif ukoll dik privata. Intqal li xogħlijiet twettqu f’ristoranti, barriera, pools u anke f’passaġġi fl-għelieqi, kif ukoll għall-Kunsilli Lokali. Ix-xogħlijiet imbagħad kienu jitniżżlu taħt il-voti tal-infiq kapitali tal-Ministeru għal Għawdex bħala proġetti oħra.
Nibda biex ngħid li ma neskludiex li dawn l-affarijiet ġraw u l-anqas neskludi li baqgħu jiġru u li dawn l-affarijiet ilhom jiġru għal għexieren sħaħ. L-allegazzjonijiet qajmu sens ta’ indinjazzjoni anke fost bosta sostenituri Nazzjonalisti. Bl-ebda mod ma rrid niddefendi lil ħadd u l-ebda aġir. Imma ma nistax ma ninnotax kemm ħafna huma nġenwi li ma jindunawx kemm jiġru dawn it-tip ta’ travestiji morali, taħt forma jew oħra, fis-sistema politika tagħna. Ħadd m’għandu jilludi ruħi li l-eluf tal-voti jinġabru bid-diskorsi fil-Parlament jew fil-konferenzi tal-partiti; spiss, l-appoġġ populari jinbena madwar persuna li tagħti l-impressjoni li għandha s-saħħa, għandha l-kuntatti biex issolvi l-problemi tal-votant.
Il-votant tagħna spiss għandu esiġenzi ben definiti. Xi ftit ilu kont qed nitkellem ma deputat laburista li stqarrli li kull min imur għall-konferenza politika jkollu xi ħaġa x’jitlob f’moħħu, spiss xi pmpjieg mal-gvern. Anzi preferibilment teleworking! Ovvjament, ikun hemm dawk il-politiċi li ma joqogħdux lura biex jassekondaw ix-xewqat tal-eletturi. Tisma’ b’min anke jwiegħed tali impiegi u promozzjonijiet. Tisma’ b’deputati li jimpjegaw persuna jew aktar sabiex iddur l-uffiċini pubbliċi u jirranġa l-problemi partikolari tal-votanti/paroċċani/klijenti, problemi li s-settur pubbliku suppost isolvi mingħajr il-bżiq u l-pressjoni tal-politiku. U xi ngħidu għall-abbużi diffusi tas-sistemi ta’ benifiċenza ? Minfejn jieħdu l-ideat ċerta nies li jisseparaw għalkemm jibqgħu jgħixu flimkien? U għalfejn hawn min jikri l-ispazju fejn ipoġġi kaxxa tal-ittri ħalli b’hekk ikollu indirizz alternattiv ? U kif pajjiżna fost fl-Unjoni Ewropea huwa b’waħda mill-ogħla numru ta’ tfal li mhumiex rikonoxxuti minn missierhom? Anke fil-lista ta’ stennija tal-isptar ikun hemm il-manuvri: ma tridx tkun ġenju biex tifhem għala politiku prominenti fl-aħħar elezzjoni stagħġeb in-Naxxar wara l-għadd tal-voti kemm saru operazzjonijiet f’ċertu organu partikolari.
Ħadd ma jikkonvinċini li din il-logħba mhix magħrufa minn kull min għandu ftit melħ f’moħħu u jagħraf x’inhu għaddej. Minkejja li s-soċjetà tagħna evolviet sew u l-istrutturi tal-poter saru aktar komplessi, il-perċezzjoni li l-politiku għandu saħħa mhux imrażżna hija mifruxa sew. U jekk il-politiku jonqos li jassekonda x-xewqat tal-votanti tiegħu, arahom jaqsmu għal ġo kamp ieħor, anke fl-istess partit. L-istrutturi tal-partiti lanqas joqgħdu lura: ilni nsegwi l-politika mis-snin sebgħin u dejjem niftakar lill-partit fil-gvern jippromwovi bis-saħħa xi kandidatura ġdida bit-tama li tinterċetta dik il-faxxa tal-elettorat li tkun disilluża bid-deputati fil-Parlament. Tali promozzjoni spiss tkun lubrikata b’doża qawwija ta’ żfunnarija.
Sfortunatament, fis-soċjetà suppost demokratika, ħielsa u evoluta tagħna, ħafna għadhom jikkomportaw ruħhom bħal fi żmien l-era fewdali. Il-klassi politika tqassam il-ġid komuni, benefiċċji, xogħol, promozzjonijiet u kuntratti lill-eletturi-vassalli tagħha li jagħżlu li jilgħabu l-logħba u joqgħdu lura milli jirriklemaw dak li hu tagħhom bi dritt imma minflok jissieltu sabiex jikkapparraw kemm jifilħu mir-riżorsi limitati disponibbli.
Mhemm xejn ħażin li wieħed jikkompeti f’sejħa pubblika għall-offerti jew jipparteċipa f’eżami pubbliku għall-impjieg statali. Imma wieħed ma jistax ikollu wisq simpatija għal min minjaf kemm ilu jaħtaf u jagħmel xogħol mingħajr sejħa pubblika għall-offerti, min jaf kemm tħallas u min jaf għalxiex tħallas u issa għax għandu xi ħlas pendenti qed jagħmel akkużi li ma kienx jagħmilhom kieku għadu geddumu fix-xgħir. Biex tali persuna ikollha statura morali li tagħmel tali akkużi, għandha fl-ewwel lok tirrinunzja għall-qligħ illeċitu li hija ikkapparat bil-parteċipazzjoni tagħha f’dawn l-iskemi xejn trasparenti. Jekk wieħed iwettaq xogħol fis-settur pubbliku mingħajr ittra ta’ aċċettazzjoni jew ordni ta’ xiri, wieħed ma jistenniex li ser ikollu s-saltna tad-dritt warajh. Qisu dak il-ħalliel li sħabu jċaħduh minn sehmu minn serqa u jippretendi li l-Qorti tagħtih sehmu.
U dawn il-kompromessi ma jiġrux biss hawn Malta jew fil-qasam pubbliku. It-terminu “pork barrel politics” ma vvintajnihx aħna: politiċi Amerikani spiss jiddistingwu ruħhom b’kemm jirnexxielhom “jattiraw” infiq pubbliku fid-distrett elettorali tagħhom. Ftit ġimgħat ilu fl-Ingilterra saru allegazzjonijiet serji li l-ġurnalisti tad-Daily Telegraph ġew imħeġġa jimmoderaw il-kritika tagħhom tal-HSBC wara li l-propjetarji tal-ġurnal, l-aħwa Barclay ingħataw self ta’ £ 250 miljun minn dan il-bank għal wieħed min-negozji tagħhom li kien qed jegħreq.
Nittama li ma niftehimx ħażin: ma jien qed niġġustifika lil ħadd imma qed ngħid biss li ħadd m’għandu jilgħabha qisu dawn huma xi affarijiet li ħadd qatt ma sema’ bihom u qatt ma ġraw. Is-sistema politika tagħna tinkoraġġixxihom dawn l-abbużi u min mhux kapaċi jew ma jridx iwettaqhom spiss jispiċċa jitwarrab mill-elettorat. Huwa l-elettorat li fuq kollox irid jemanċipa ruħu u jagħraf li m’għandu bżonn l-intermedjazzjoni tal-ebda politiku sabiex jieħu dak li hu bi dritt tiegħu. Jekk jibqa’ jiġri wara dak il-politiku u l-ieħor sabiex jieħu dak li mhux neċessarjament għandu dritt għalih, huwa kompliċi mtal-istess politiku f’dan l-atteġjament abussiv.
Il-partiti politiċi għandhom jagħmlu l-parti tagħhom sabiex ikun hawn ktar trasparenza fil-ħajja pubblika. Kif rajna l-ġimgħa l-oħra, istituzzjonijiet kostituzzjonali bħall-Uffiċju Nazzjonali tal-Awditjar għandhom rwol kbir x’jilgħabu fl-ikkontrollar tal-abbużi. Imma fuq kollox huwa l-elettorat li jrid jirrifjuta dawn il-prattiċi u jibda jisħaq li jitmexxa min-nies li l-aħjar jistgħu jmexxuh u mhux minn dawk li l-aktar jistgħu jħaxxmulu l-but. Intqal li kull poplu għandu l-gvern li jixraqlu u għalkemm forsi dan mhux minnu 100%, element qawwi ta’ verità hemm.
Segwini fuq Facebook jew
Twitter @ellisjoseph.