Slavoj Zižek u l-Marxiżmu
Slavoj Zižek, il-filożofu u kritiku kulturali Sloven, jistqarr li dejjem kien preokkupat b’mistoqsija ossessiva: għaliex, minkejja kondizzjonijiet li setgħu (u għadhom jistgħu jwasslu) għal trasformazzjoni rivoluzzjonarja, in-nies għadha taċċetta l-iskjavitù modern u s-subordinazzjoni? Għaliex in-nies issib ċertu sodisfazzjon pervers li tkun sottomess għal forom ta’ kapitaliżmu? Għaliex in-nies traqqdet mill-kant tas-sireni fis-socjetà tal-konsum?
Illum il-Marxiżmu jidher tellief għax psikologikament u moralment, in-nies trid li tkun parti mill-“farmakon” borgiż postmodern fejn il-Marxiżmu jinħass rigressiv.
Mill-banda l-oħra, tibqa’ l-qasma spettakolari bejn dawk li għandhom ħafna u dawk li m’għandhom xejn jew kważi. Il-listi tal-multi-biljunarji globali huma riveduti kull sena u tant ieħor jinħarġu l-listi tal-miżerabbli tad-dinja.
Il-fenomenu ta’ min għandu ħafna u min m’għandu xejn jidher (anki jekk b’mod mikrokożmiku) f’Malta tal-2015. Ix-xenarju hu skandaluż u d-diskors kollu dwar is-solidarjetà u l-koeżjoni soċjali hu blaff tal-politiċi. Il-ġid iġġenerat f’Malta mhux jiffiltra ’l isfel u jidher li qed jeħel f’segmenti partikolari fejn hemm il-privileġġi u l-poter.
L-agħar li qed imorru huma l-pensjonanti li taw saħħithom jaħdmu għall-pajjiż. Trattament ugwali għal Malta Taghna Lkoll? Insewha! Jekk inqabblu l-pensjoni li se jieħdu membri parlamentari mal-pensjoni ta’ pensjonant/a komuni, jidher mill-ewwel kemm hu stat patetiku dak tal-pensjonanti. Jekk kif propost, is-salarju ta’ PM Malti jitla’ ghal €95,000, il-pensjoni tieghu tkun tlaħħaq mal-€63,000.
U ta’ Remiġ il-welder, li saħansitra kienu tefgħuh ma’ Dirgħajn il-Maltin? Dan biex ma nsemmu xejn jekk nies potenti, anki ministri, jinqabdu, kif inqabdu, jaħbu flejjes enormi u jevitaw, b’mod skandaluż, it-taxxa. L-“apoloġija” tgħaddi bħallikieku xejn, anzi, kważi jiġu mgħoddija bħala eroj. Imma jekk Remiġ il-welder jinsa jibgħat il-formola tat-taxxa x’jiġrilu?
Iżda lura għal Slavoj Zižek. Dan l-aħħar deher f’dokumentarju eċċellenti tal-BBC dwar Marx u l-qawwa tal-kapitaliżmu madwar id-dinja, iddominat mill-Istati Uniti u l-operaturi ta’ Wall Street.
“L-agħar li qed imorru huma l-pensjonanti li taw saħħithom jaħdmu għall-pajjiż. Trattament ugwali għal Malta Tagħna Lkoll? Insewha!”
Is-servizz tal-BBC kien oġġettiv u la kien infatwat b’Marx u lanqas bit-teoriji rivoluzzjonarji tiegħu. Zižek deher bis-soltu aġitazzjoni tiegħu, jinsisti u jenfasizza x’jemmen u ma jemminx. Argumenta li Marx kien isosni li jivvinta kemm jivvinta lilu nnifsu, il-kapitaliżmu xi darba se jikkollassa.
Imma llum l-affarijiet mhumiex juru hekk, sakemm tal-anqas, il-popli ma jqumux f’rivoluzzjoni vjolenti. Anki Marx innifsu deher jagħmel, wara kollox, kompromess mal-kapitaliżmu. Lejn l-aħħar ta’ ħajtu sab post fejn jgħix f’Londra, jippassiġġa fil-parks, jaqra t-Times u jaħseb x’se jħalli lil uliedu. Ħajja tipika borgiża, insomma. Atteġġjament li dejjem hu stess kien attakka bħala s-sinjali klassisti kontra l-proletarjat.
IL-VULGARITÀ TAL-QARĊILLA BIL- €15 R-RAS
Biex tidħaq bil-banana ridt tħallas €15. Din is-sena nstab sors ieħor ta’ kif iddabbar il-flus mingħand il-kotra. Tmellih dwar il-Festival tal-Banana f’Ħal Qormi, fejn kien mistieden anki DJ Banana, li kien parti mill-Qarċilla ta’ dis-sena. Din il-parodija burleska, li kienet inkitbet għall-ewwel darba minn Dun Feliċ Demarco fl-1760, b’ħafna konnotazzjonijiet sesswali, reġgħet ġiet irxuxtata. Bid-differenza li s-saċerdot imqareb minn Bormla ma kienx jitlob ħlas mill-pubbliku biex jirrakkonta x’jiġri fis-sess fl-ewwel lejl taż-żwieġ. Imma issa l-Qarċilla tal-2015 saret tiswa entratura ta’ €15.
Il-wirt Patrimonju Malti, l-Akkademja tal-Malti u l-Università sabu li jistgħu jagħmlu kemxa tajba mill-idea oriġinali ta’ Dun Demarco u l-kuntratt taż-żwieġ burlesk li kien ħareġ bih fis-seklu tmintax.
Jekk koppja tmur għall-qari tal-bandu tan-Nutar fażull, illum trid tħallas minn imneħirha, u titlef il-gost kollu dwar id-doppju sens tal-banana u dettalji ohra.