
L-Awtorità tax-Xandir u l-assurd
L-Editorjal tal-ILLUM

Kważi saret drawwa li ma’ kull elezzjoni jew referendum ikun hemm abbinat xi diska partikolari li tirrappreżenta t-twemmin ta’ dak il-partit, grupp jew għaqda li permezz tad-diska jkomplu jtambru l-messaġġ biex il-popolin jivvota favur dak li jemmnu fih huma.
L-istess għamlu l-attivisti tal-kampanja SHout, kampanja li qed taħdem bis-sħiħ kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa. Ħarġu diska bl-isem ta’ ‘SHOUT’ bil-għan li jkomplu jwasslu l-messaġġ kontra l-qtil ta’ għasafar li matul l-istaġun tar-rebbiegħa jkunu qed ipassu minn fuq pajjiżna u li għal ħafna minn dan it-tajr Malta tfisser il-mewt.
Iżda mal-ħruġ ta’ din id-diska qamet ukoll l-Awtorità tax-Xandir, li qed tinsisti li kull min idoqq din id-diska fuq il-mezzi tax-xandir, irid jgħati l-istess ammont ta’ ħin lill-kaċċaturi sabiex ‘jibbilanċjaw’ l-argument tagħhom favur il-kaċċa, deċiżjoni li ħafna rrimarkaw bħala ‘inkredibbli’ għaż-żminijiet li qed ngħixu fihom illum.
Ta’ min jiftakar li din kienet awtorità li twieldet fi żmien meta Malta kienet biss toħlom bil-pluraliżmu fil-mezzi tax-xandir. Mill-1961, mat-twelid tagħha din kienet awtorità li kellha l-irwol tal-warden li tgħasses għal dak kollu li kienet tħoss li hu ta’ żbilanċ kemm politiku kif ukoll etiku fuq l-uniku stazzjon tar-radju u tat-televixin. Imma dan inbidel fl-1992, meta Malta daħal il-pluraliżmu fix-xandir – u ftit ftit nibtu stazzjonijiet tar-radju u tat-televixin
U aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar tikber il-mistoqsija -x’relevanza għad għandha din l-awtorità? Ħlief forsi bħala twissija li ġej xi riklam politiku, jew xi dibattitu qabel l-elezzjoni - biex b’hekk ittik iċ-ċans teqliblu? Illum il-ġurnata l-propaganda ma ssirx fuq il-mezzi tax-xandir tradizzjonali biss – illum issir fuq il-mezzi soċjali bħal Facebook, Twitter, Youtube u riklam wara l-ieħor li jibqa’ jittormentak fuq l-internet għax darba fettillek tidħol fuq sit ta’ partit. L-istazzjonijiet privati – inkluż dawk tal-partiti politiċi għandhom ikollhom is-setgħa li jiddeċiedu huma fuq liem naħa jxeqilbu. Malli jagħmlu dan ikunu qed jidħlu għal kull konsegwenza li imbagħad iġġib din il-pożizzjoni. Min-naħa l-oħra, l-istazzjon nazzjonali, għandha imbagħad tiġi minnu li tagħti dak li n-nies qed iħallsu għalih mit-taxxi tagħhom – stazzjon ta’ kwalità li huwa bilanċjat etikament u politikament propju għaliex huwa stazzjon ta’ kulħadd – u mhux għax hemm l-għajn tal-awtorità tax-xandir fuqu.
Illum il-ġurnata t-teknoloġija għamlitlna aktar faċli li jekk xi ħaġa ma togħġobniex, nistgħu neqilbu l-istazzjon mill-kumdità ta’ fuq is-sufan. Stazzjonijiet privati m’għandhomx id-dmir li jkunu ta’ kulħadd – għandhom id-dritt li jagħzlu huma ta’ min ikunu – speċjalment fi żmien fejn l-istazzjonijiet iridu jaraw jekk hux ħa jkollhom segwaċi, u mhux biss lil min ħa jkollhom – hekk kif il-popolarità tal-mezzi tax-xandir tradizzjonali battiet.
Forsi hemm bżonn ta’ awtorità bi prijoritajiet ġodda – u mhux li impenjata tħares lejn l-arloġġ tgħodd is-sekondi ta’ diska ta’ naħa minnhom, biex tagħti l-istess ammont lil tan-naħa l-oħra. Dan fl-istess waqt li madwarha il-ħin għaddej u miegħu qed iġib bidliet kbar. Forsi wasal iż-żmien li għajnejha tgħollihom aktar ‘il fuq, tagħti ħarsa sew madwarha u ddawwar id-data tal-kalendarju fuq l-2015, għax jidher li ilu ftit ma jinbidel – kważi kważi mill-1984.
Jew forsi hemm bżonn li jkollna riforma sħiħa f’min jibbilanċja x-xandir.