Gvern fuq in-naħa taż-żgħazagħ

Matul din il-kampanja elettorali kompliet toħrog aktar biċ-ċar id-differenza bejn iż-żewg partiti, fuq naħa waħda għandna Gvern ottimist li qed imur quddiem il-poplu b’ ammont kbir ta’ riżultati li rnexxielu jikseb matul dawn l-aħħar sentejn, u fuq in-naħa l-oħra għandna oppożizzjoni negattiva li spiċċat tibni kampanja sħiħa fuq il-fatt li skont hi dan il-Gvern falla f’ kollox.

Għalhekk nemmen bis-sħiħ li affacjati b’dan id-diżastru kollu li Simon Busuttil qed jitkellem fuqu, għandu jġib maġġoranza tajba ta’ voti f’dawn l-elezzjonijiet lokali li ġejjin, għaliex skontu l-poplu jinsab diżilluż minn dan il-Gvern. 

Spiċċajna f’assurdità hekk kbira li l-Kap tal-Oppożizzjoni spiċċa jgħidilna li numru ta’ mizuri li qed nimplimentaw bħala Gvern ġdid, bħat-traħħis fil-kontijiet u l-introduzzjoni tal-vot liż-żgħazagħ ta’ 16–il sena qed isiru bis-saħħa tal-Oppożizzjoni. Mela tajjeb, lill-Kap tal-Oppożizzjoni ngħidulu ibqa’ fl-Oppożizzjoni, għaliex dak li l-Partit Nazzjonalista ma rnexxielux jimplimentah meta kien fil-Gvern, spiċċajna ndaħħluh fis-seħħ aħna permezz tiegħek għaliex issa spiċċajt fl-Oppożizzjoni! 

Nemmen bis-sħiħ li dan huwa Gvern li verament qed jaħdem favur l-aqwa interess taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin kollha, ħdimna favur kull faxxa taż-żgħażagħ f’pajjiżna – favur żgħażagħ studenti, favur żgħażagħ ħaddiema, favur ommijiet żgħażagħ, favur anka dawk iż-żgħażagħ li waqgħu lura. 

Fuq in-naħa tal-istudenti 

Konna nisimgħu għal snin twal il-Partit Nazzjonalista u lill-esponenti tiegħu jbeżżgħu lil sħabna l-istudenti u jgħidulhom li bi gvern Laburista kienet qisha ser tispiċċa d-dinja għalihom. Beżżgħuhom li konna ser naqtgħu l-istipendji u nibgħatuhom jiddejnu, beżżgħuhom li konna ser innaqqsu s-somma vvutata mill-Gvern fil-Budget favur l-istituzzjonijiet edukattivi tagħna bħall-Università, MCAST u Higher Secondary. U ftit xhur biss wara li l-poplu tagħna l-fiduċja, fqajna f’wiċċ il-Partit Nazzjonalista din l-akbar bużżieqa ta’ biża’ li kienu ilhom snin twal jonfħu.

Żidna l-istipendji tal-istudenti kollha, żidnihom is-sena li għaddiet, qed inkomplu nżiduhom din is-sena, u ser inkomplu nżiduhom sakemm il-poplu jibqgħa jagħtina l-fiduċja. Mhux talli żidna l-istipendji, iżda l-ġimgħa li għaddiet tajna r-rigal tal-bonus addizzjonali ta’ €35 lill-istudenti Maltin u Għawdxin kollha. 

Dan il-Gvern ħaseb ukoll f’dawk l-istudenti li waqgħu lura. Konna l-ewwel gvern fl-istorja ta’ pajjiżna li tajna wkoll stipendji lil dawk l-istudenti li qed jirrepetu sena sabiex nagħtuhom kuraġġ u motivazzjoni biex ma jaqtgħux qalbhom -  miżura oħra li l-Oppożizzjoni ħarġet tikkritikana fuqha bil-kbir! 

Garanzija taż-Żgħażagħ 

Konna l-ewwel gvern fl-Unjoni Ewropea li implimenta l-Garanzija taż-żgħazagħ – xogħol , edukazzjoni jew apprentistat għal dawk iż-żgħażagħ li għal snin twal kienu jispiċċaw emarġinati u dipendenti biss fuq il-benefiċċji socjali. Miżura konkreta li permezz tagħha f’sena waħda biss irnexxilna naqtgħu l-qgħad fost iż-żgħażagħ tagħna b’terz. Miżura li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil iddeskriviha bħala l-garanzija tal-washing machines

Din hi garanzija li permezz tagħha 75 minn kull 100 żagħżugħ li qed ipoggi għal apprentistat qed jispiċċa jidħol fid-dinja tax-xogħol, li permezz tagħha qegħdin nagħtu wkoll privat b’xejn lil dawk l-istudenti li jkunu weħlu minn xi ezami f’ livell ordinarju jew mill-MCAST. Hija garanzija li bil-fatti u mhux biss bil-kliem qed isservi bħala għodda siewja għal dawk iż-żgħażagħ li jixtiequ jingħataw opportunità oħra f’ ħajjithom sabiex jitilgħu skaluna oħra f’ħajjithom u ma jinbelgħux mis-sistema tad-dipendenza fuq il-benefiċċji soċjali. 

Child care centres b’xejn.

Ħsibna wkoll f’dawk l-ommijiet li kienu jispiċċaw iħallu d-dinja tax-xogħol għaliex ikollhom tarbija. Filwaqt li ħloqna l-fond tal-leave tal-maternità, fond li ser ikun qed jaqta’ d-diskriminazzjoni siekta li kienet teżisti fl-opportunitajiet ta’ xogħol bejn l-irgiel u n-nisa, tajna wkoll għodda oħra lill-ommijiet zgħażagħ, dik ta’ child care centres mingħajr ħlas. 

Investiment kbir li għamel dan il-Gvern sabiex aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Investiment dirett fil-koppji żgħażagħ tagħna sabiex huma t-tnejn ikunu jistgħu jibdew jaħdmu sabiex b’hekk ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar kemm għalihom u kif ukoll għal uliedhom. 

Vot liż-żgħażagħ ta’ 16–il sena

Fil-11 t’ April ser nkunu qed nassistu wkoll għal rivoluzzjoni oħra fil-ħajja demokratika ta’ pajjiżna - dik li għall-ewwel darba ser nkunu qed nagħtu d-dritt tal-vot liż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u t-18–il sena f’pajjiżna. Dritt li fl-Unjoni Ewropea implimentawh biss l-Awstrijaċi qabilna. Prova oħra ċara ta’ kemm dan il-Gvern jemmen fiż-żgħażagħ tagħna - jemmen li huma wkoll għandhom jingħataw leħen fl-għażla tar-rappreżentanti tal-lokali tiegħu. 

Ikkritikawna li ma estendejniex dan id-dritt liż-żgħazagħ ukoll fir-referendum dwar il-kaċċa. Ikkritikawna l-istess paladini tad-demokrzija li kellhom 25 sena ċans jimplimentaw dan id-dritt, iżda dejjem baqgħu gallarija. Nemmen li dan huwa biss l-ewwel pass favur aktar drittijiet demokratici liż-żgħażagħ tagħna.  Però nemmen ukoll li dan il-proċess m’għandux isir b’għaġġla żejda. Għandna nħallu lill-Kumitat ta’ Moniteraġġ Vot 16 jagħmel xogħlu wara l-proċess elettorali tal-11 t’April, u minn hekk inħarsu sabiex nestendu dan id-dritt anka fuq bażi nazzjonali. 

START

Huwa għal dawn ir-ragunijiet kollha li llum il-ġurnata l-Partit Laburista verament sar id-dar naturali taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin kollha. Konna l-leħen taż-żgħazagħ matul dawn l-aħħar sentejn, u hekk ser nkomplu nkunu sakemm il-poplu jogħġbu jibqa’ jagħtina l-fiduċja tiegħu. Ser nkomplu naħdmu sabiex ngħollu l-kwalità tal-ħajja taż-żgħażagħ kollha. Ser inkomplu naħdmu favur aktar drittijiet għaż-żgħażagħ tagħna, u ser inkomplu nimxu b’onestà mal-istudenti u mal-ħaddiema żgħażagħ. 

Ma kinitx kumbinazzjoni għalhekk li fil-11 t’ April li ġej ser nkunu qed imexxu ‘l quddiem l-akbar kandidatura żagħżugħa li partit politiku f’pajjiżna qatt kellu fuq bażi lokali - 58 żagħżugħ u żagħżugħa taħt il-35 sena li ser ikunu qed joffru l-enerġija u l-kompetenzi tagħhom sabiex id f’id mal-kandidati l-oħra kollha tal-Partit Laburista jkomplu jġibu bidla pożittiva fil-lokalitajiet tagħhom.

Bħala Forum Żgħażagħ Laburisti għal darb’oħra nedejna l-kampanja START -  kampanja li qed isservi bħala pjattaforma għal dawn il-kandidati zgħazagħ matul din il-kampanja elettorali. Kampanja fejn matulha qed norganizzaw diversi attivitajiet fosthom, attivitajiet taħt it-tinda flimkien mal-Prim Ministru, attivitajiet fuq skala iżgħar f’diversi lokalitajiet fejn iż-żgħażagħ qed jitkellmu mal-kostitwenti tal-lokalitajiet fuq il-pjan ta’ ħidma tagħhom, diversi sessjonijiet ta’ door-to-door fil-lokalitajiet kollha fejn qed isiru l-elezzjonijiet lokali u kif wkoll kampanja fuq il-media soċjali fejn qed immexxu ‘l quddiem diversi materjal sabiex l-elettorat isir jaf aħjar lill-kandidati żgħażagħ tagħna. 

Għalhekk inħeġġeġ liż-żgħażagħ kollha sabiex fil-11 ta’ April li ġej jagħtu sinjal ta’ fiduċja ieħor lil dan il-Gvern. Vot ta’ fiduċja ieħor li ser jissarraf f’aktar ħidma kemm fuq bażi lokali, u kif wkoll fuq bażi nazzjonali - għaliex aħna ottimisti li dan il-poplu kapaċi jkompli jimxi ‘l quddiem, ottimisti li dan il-partit huwa verament l-għażla naturali taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin kollha.

Alex Saliba hu l-President Forum Żgħażagħ Laburisti 

More in Blogs