Mhux dwar gamiem u summien biss

Il-momentum għar-referendum kien jiżdied kull meta kien jiġi rrapurtat xi abbuż
Il-momentum għar-referendum kien jiżdied kull meta kien jiġi rrapurtat xi abbuż

Qegħdin fl-aħħar jiem tal-kampanja referendarja u jekk kollox immur kif suppost, bħal-lum ġimgħa nkunu nafu jekk hux ser titħalla l-kaċċa fir-rebbiegħa jew le. Indipendentement mill-mertu indiskuss tal-mistoqsija referendarja, ir-referendum li ser isir nhar is-Sibt huwa tassew storiku. Mhuwiex l-ewwel referendum li sar f’pajjiżna: minn wara l-gwerra ’l hawn, kellna bosta dwar l-Integration, dwar l-Indipendenza, wieħed lokali f’Għawdex biex tneħħa l-Kunsill Ċiviku t’Għawdex, dwar jekk Malta għandhiex tidħol fl-Unjoni Ewropea u jekk għandhux jidħol id-divorzju. Imma il-proposta referendarja dejjem saret mill-Gvern tal-jum ħlief għal tad-divorzju fejn il-mistoqsija referendarja kienet ir-riżultat ta’ riżoluzzjoni fil-parlament.

Din id-darba, l-inizjattiva ma ttieħdetx mill-partiti jew mill-politiċi imma mis-soċjetà ċivili . Bosta għaqdiet ambjentali ħadu l-inizjattiva fi ħdan il-Campaign against Spring Hunting sabiex jiġbru biżżejjed firem għal referendum sabiex jiġi abrogat l-avviż legali li permezz tiegħu l-gvern Malti qed jidderoga mid-Direttiva dwar l-Għasafar tal-Unjoni Ewropea u jħalli ssir l-kaċċa għal ġamiem u summien fir-Rebbiegħa. Wara li saru mill-Kummijssjoni Elettorali l-verifiki li titlob il-liġi sabiex ikun aċċertat li t-talba għal referendum kellha l-appoġġ ta’ mill-anqas 10% tal-elettorat (33,418), irriżulta li t-talba saret minn 41.494 ruħ, kważi 20% aktar mill-minimu meħtieġ.

Għaldaqstant, wieħed jista’ jgħid li s-sejħa għal referendum kellha momentum qawwi minkejja li ma kellha l-ebda wieħed mill-partiti politiċi warajha. U dan il-momentum kien jikber kull darba li kien jiġi rappurtat xi abbuż da parti tal-kaċċaturi li antagonizzaw parti sostanzjali mill-elettorat bl-atteġjament kavallaresk tagħhom. L-elettorat l-anqas apprezza l-bosta miżuri, leġislattivi u m’humiex, li ħa l-gvern preżenti sabiex jaġevola lill-kaċċaturi kif ħa l-poter.

Ir-referendum li ser isir nhar is-Sibt iqanqal kunsiderazzjonijiet kemm ta’ natura kostituzzjonali kif ukoll fir-rigward tal-mertu tiegħu stess. Kif għidna, hu l-ewwel darba li referendum qed jissejjaħ fuq inizjattiva taċ-ċittadini u dan wara li l-liġi dwar ir-referenda ġiet radikalment emendata fis-sena 2002. M’hemmx dubju li l-liġi tal-2002 hija avvanz demokratiku kbir u l-fatt li tlettax-il sena wara biss, il-mekkaniżmu leġiżlattiv u amministrattiv previst bl-emendi tal-2002 qiegħed jitħaddem mingħajr problemi huwa ta’ sodisfazzjon kbir. F’pajjiżi oħra, id-dritt tar-referendum populari huwa konsolidat u jidher li anke f’pajjiżna, id-demokrazija qiegħda timmatura u hawn spazju adekwat sabiex inizjattiva populari, il-frott tal-ħidma ta’ membri tas-soċjetà ċivili, titpoġġa għall-approvazzjoni tal-elettorat. Xi ftit ġimgħat ilu, f’ġurnal ta’ nhar ta’ Ħadd bl-Ingliż, xi ħadd argumenta li jekk jgħaddi r-referendum, dan ikun kontra r-rieda tar-rappreżentanti eletti tal-poplu. Tassew argument assurd għax effettivament tali riżultat ifisser li l-posizzjoni tar-rappreżentanti eletti tal-poplu ma kinitx qiegħda tirrifletti x-xewqa tal-maġġoranza tal-elettorat.  

Sabiex ir-referendum ikun validu jridu jivvutaw 50% + 1 tal-votanti eliġibbli. Jidher li mhux ser tkun problema sabiex jintlaħaq il-quorum peress li anke l-kaċċaturi ddeċidew li jmorru jivvutaw. Kieku għażlu li jibbojkotjaw ir-referendum, il-mistoqsija reali kienet tkun jekk jintlaħaqx il-quorum jew le. Madanakollu, issa l-kwistjoni hija jekk ir-referendum hux ser japprova l-abrogazzjoni tar-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi [A.L. 79 tal-2006 kif emendat – “L.S. 504.71”]. Tassew għandna tendenza kbira għall-ironija biex regolamenti li permezz tagħhom inħallu l-kaċċa fir-rebbiegħa ntuhom it-timbru tal-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi.

Inħoss li hemm żewġ kwistjonijiet li ma ngħatawx kunsiderazzjoni adekwata. L-Att dwar ir-Referenda jagħmilha ċara f’bosta bnadi li wara li l-Qorti Kostituzzjonali tiddeċidi jekk għandux isir ir-referendum jew le (kif għamlet fil-5 ta’ Jannar 2015 li għadda), id-data tar-referendum għandha tiġi ffissata mill-President. Madanakollu, dan ma seħħx għax id-data ġiet iffissata mill-Prim Ministru u l-President evidentment aċċettat dan il-fatt u ffirmat ir-writ bid-data li ried il-Prim Ministru. 

F’pajjiżna l-Prim Ministru huwa d-dominus tax-xena politika, il-bniedem li jagħżel il-ministri, il-kummissarju ewropew u effettivament, anke min isir President.  U minflok nirridimensjonaw ir-rwol strarompenti tiegħu, inkomplu nagħtuh aktar poteri, anke meta l-liġi tgħid mod ieħor. Għalxejn il-President toqgħod tħambaq fuq il-ħtieġa ta’ bidla kostituzzjonali (li ma tantx jidher li hawn ħeġġa għaliha) meta hija tabdika r-responsabilitajiet li huma lilha mogħtiha bil-liġi. L-istess sitwazzjoni rajniha meta ħarġu r-regolamenti dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza li uffiċjalment saru mill-president imma li fil-fatt, ħariġhom il-gvern. Ma jistax ikollok sovversjoni akbar tal-Kostituzzjoni minn meta xi ħadd iwettaq xi ħaġa li kellha titwettaq minn kariga oħra minkejja dak li jgħidu l-liġijiet. 

Ħaġa oħra li ħasbietni hija l-mod kif ġiet imposta l-mistoqsija tar-referendum. Wieħed kien jistenna li l-mistoqsija kellha tkun jekk il-liġi in kwisjtoni kellhiex tiġi revokata jew le b’min favur li titneħħa jivvota “iva” u viċi-versa. Minflok, tħawdu l-karti bir-riżultat assurd li min ippropona r-referendum irid jivvota “le” u m’hux “iva”. Naħseb li f’dan ir-rigward hemm ħtieġa ta’ intervent leġiżlattiv sabiex titneħħa kwalunkwè konfużjoni li jista’ jkun hemm fil-liġi fil-preżent. 

Madanakollu, minkejja kollox, wieħed ma jistax ma jaqbilx ma’ dak li qal l-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello li ż-żamma tar-referendum hija rebħa kbira tas-soċjetà ċivili u kif diġà għidt tad-demokrazija f’pajjiżna. Mil-lum ’il quddiem, l-ebda leġiżlatura ma tista’ tinjora l-fatt li kwalunkwè liġi, anke jekk ma tiksirx il-Kostituzzjoni jew il-Konvenzjoni Ewropea, tista’ tiġi revokata b’inizjattiva populari.

Niġu issa għall-mertu tar-referendum propja, ir-revoka tar-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi [L.S. 504.71]. Minkejja l-attivatijiet kollha li saru miż-żewġ kampanji favur u kontra, inħoss li l-elettorat in ġenerali ma tantx hu infurmat dwar il-mertu tar-referendum. L-argumenti li ħafna drabi jsiru huma pjuttost ta’ natura emozzjonali għalkemm dan ma jfissirx li mhumiex validi. Min hu favur il-kaċċa jitkellem dwar il-ħtieġa li jinżamm id-delizzju u li d-drittijiet tal-minoranza ma jittifsux. Min hu kontra l-kaċċa jitkellem dwar l-abbużi li spiss jitwettqu mill-kaċċaturi kif ukoll dwar il-mod kif il-kaċċaturi jikkapparraw il-kampanja matul l-istaġun tal-kaċċa. 

Il-fatti huma li Malta m’għandha l-ebda deroga speċifika sabiex tkun tista’ tħalli l-kaċċa fir-rebbiegħa. Id-deroga li kellna u li issa skadiet kienet fir-rigward tal-insib. Madankollu d-Direttiva tal-Għasafar tħalli lil pajjiż membru jidderoga mill-projbizzjoni tad-Direttiva li ssir kaċċa meta l-għasafar ikunu sejrin ibejtu sakemm ma jkunx hemm soluzzjonijiet alternattivi. Minħabba f’hekk, il-gvern Maltin dejjem argumenta li l-kaċċa fil-ħarifa mhix alternattiva adekwata għall-kaċċa fir-rebbiegħa minħabba l-allegat numru baxx ta’ tajr li jpassi minn fuq il-gzejjer tagħna, numri li bosta jittrattaw b’ċerta suspett.

L-argumenti tal-Gvern Malti diġa ġew ittestjati fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-kawża fl-ismijiet il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej v. Ir-Repubblika ta’ Malta. B’dikriet tal-24 ta’ April 2008, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna, bħala miżura provviżorja, li Malta ma tħalliex il-kaċċa matul ir-rebbiegħa tal-2008. Imbagħad, bis-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet li :

63 Fid-dawl ta’ dawn il-fatti partikolari ħafna, il-kaċċa għall-gamiem u għas-summien matul il-perijodu tal-kaċċa fil-ħarifa ma tistax tiġi kkunsidrata li tikkostitwixxi, f’Malta, soluzzjoni oħra sodisfaċenti, b’tali mod li l-kundizzjoni marbuta mal-assenza ta’ tali soluzzjoni, stabbilita fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva għandha, fil-prinċipju, titqies li hija sodisfatta. 

64 Madankollu, għandha titqajjem il-kwistjoni ta’ jekk il-kundizzjonijiet li fihom ir-Repubblika ta’ Malta awtorizzat il-kaċċa għaż-żewġ speċi in kwistjoni fir-rebbiegħa jissodisfawx ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità mfakkar fil-punt 58 iktar ’il fuq, kif ukoll l-erba’ kundizzjonijiet l-oħra previsti fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva. 

65 L-estensjoni tal-perijodu tal-kaċċa għal dawn iż-żewġ speċi migratorji permezz tal-awtorizzazzjoni li ssir kaċċa għal madwar xahrejn matul il-perijodu tar-rebbiegħa, perijodu li matulu ż-żewġ speċi suġġetti għall-kaċċa jirritornaw lejn il-postijiet tat-trobbija tagħhom, u li twassal għal rata ta’ mortalità tliet darbiet akbar, b’madwar 15 000 għasfur maqtul, għas-summien, u tmien darbiet akbar, b’madwar 32 000 għasfur maqtul, għall-gamiem, minn dik li tirriżulta mill-prattika tal-kaċċa matul il-perijodu tal-ħarifa, mhijiex soluzzjoni adegwata u strettament proporzjonali għall-għan ta’ konservazzjoni tal-ispeċi mfittex mid-Direttiva. 

66 F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja li ż-żewġ speċi inkwistjoni jkunu jinsabu fil-ħarifa fi kwantitajiet negliġibbli biss u għal perijodu limitat ħafna u peress li ebda att tal-kaċċa m’huwa impossibbli fil-ħarifa, meta awtorizzat il-ftuħ tal-kaċċa fir-rebbiegħa għas-summien u għall-gamiem matul diversi ġimgħat kull sena, mill-2004 sal-2007, ir-Repubblika ta’ Malta ma osservatx il-kundizzjonijiet tad-deroga prevista fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva, interpretati fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, għalhekk, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-direttiva. 

Minkejja dina s-sentenza ċara li kkundannat ukoll lil Malta għall-ħlas tal-ispejjeż, il-gvern Malti baqa’ jippretendi li għandu dritt japplika d-deroga. Fil-fatt, il-Kumitat Ornis diġà ffissa l-istaġun għal din ir-rebbiegħa fil-każ li r-referendum ma jgħaddix. Kif qalet tajjeb il-Qorti Kostituzzjonali tagħna fis-sentenza tagħha ta’ Jannar li għadda, id-Direttiva ma tobbligax lil Malta li tapplika d-deroga li suppost tiġi applikata biss f’kundizzjonijiet ferm speċifiċi. Il-fatt hu li din id-deroga qiegħda tiġi applikata minħabba lobby f’saħħtu li l-ebda partit politiku mhu kapaċi jrażżan, lobby li f’dawn l-aħħar snin irnexxielu jelimina bosta mir-restrizzjonijiet li qabel kienu jeżistu.

Hu x’inhu l-każ, il-kelma aħħarija sejra tkun tal-poplu Malti li b’mod matur ser jiddeċiedi jekk din il-prattika għandhiex tkompli jew le. Tassew li dan il-vot mhuwiex dwar il-gamiem u s-summien biss imma jirrifletti ukoll żvilupp ferm importanti u storiku fil-ħajja żagħżugħa ta’ dan in-nazzjoni żgħir.

Segwini fuq Facebook jew fuq Twitter @ellisjoseph għall-aġġornamenti dwar l-iżviluppi fix-xena internazzjonali.  

More in Blogs