
Għaliex dħalt fil-politika

Ħajti fil-politika ma kinitx xi waħda ordinarja. Dawk li huma qrib tiegħi qatt ma fehmu għalfejn dħalt fil-politika. Nifhem għaliex jaħsbuha hekk. F’moħħ kulħadd li toħroġ għall-politika jfisser li tagħmel karriera ta’ suċċess wara l-ieħor.
L-ewwel toħroġ kandidat. Wara t-tieni darba jekk hux ukoll mill-ewwel darba titla’ fil-Parlament. Timmira u jirnexxielek issir ministru meta l-partit tiegħek jkun fil-gvern. Ikollok il-benefiċċji kollha li dan kolllu jgib miegħu, għalkemm nista’ nassigura li hemm aktar piżijiet. Jekk mhux ukoll wara li issir ministru, biex is-suċċess ikun komplet, tilħaq kariga aktar ogħla minn dik ta’ ministru. Għalhekk f’ħajtek tkun għamlit suċċess u biex meta tirtira tibda tirċevi anke l-pensjoni tal-Parlament.
Parti għaliex ridt jiena u parti għaliex kif ġew l-affarijiet, ħajti fil-politika ma imxietx ma’ din il-mogħdija li minnha għaddew jew xtaqu jgħaddu dawk il-mijiet li għazlu l-ħajja pubblika. Ma ddejjaqx ngħid li ħajti kienet biex ngħid hekk, ħafna anqas konvenzjonali minn ta’ ħaddieħor. Minkejja kollox, minkejja li għazilt li naqbad it-triq politika extra-parlamentari, xorta waħda għandi is-sodisfazzjoni, li tajt aktar minn sehmi biex ninfluwenza għall-aħjar il-politika Maltija.
Tajjeb jew ħażin, id-deċiżjoni li kont ħadt fl-1989 meta kont president tal-Partit Laburista, anke jekk spiċċajt ħażin b’espulsjoni mill-partit, kienet ix-xrara li kebbset il-ħuġġieġa tat-tibdil f’dak il-partit. Ma jiddispjaċini xejn, li wara dak il-perjodu flimkien ma oħrajn waqqaft l-Alternattiva Demokratika. Iż-żmien li għamlit naħdem fiha kien wieħed ta’ sfida u taħriġ kbir fil-mod kif taħdem is-sistema politika f’pajjiżna fil-każ ta’ minoranzi. Kburi, li għalkemm illum m’għandiex fiha, u tajjeb jew ħażin illum jiena Deputat Mexxej ta’ Partit kbir rivali tagħha, l-Alternattiva Demokratika għadha mimlija ħajja.
Nemmen li tat kontribut sinjifikanti għall-politika f’Malta, b’mod partikolari fil-qasam tal-amabjent u drittijiet ċivili. Ma niddejjaqx ngħid li kull darba li kont f’dibattitu u kien hemm l-AD rappreżentata, għal xi raguni dejjem ħassejtni li qisu għandi ħabib miegħi anke jekk jikkritikawni u ma jaqblux miegħi. Ħasra jekk qatt din il-formazzjoni politika tgħib jew tispiċċa, għaliex tkun telfa kbira għad-dibattitu politiku f’pajjiżna.
Wara snin barra l-Partit Laburista erġajt dħalt naħdem fih. Kien ta’ sodisfazzzjoni kbir għalija li d-delegati ta’ dak il-partit għażluni b’qawwa kbira biex mhux biss nerga’ inkun membru, iżda li nokkupa waħda mill-ogħla karigi ta’ f’dan il-partit. Forsi kariga li li kieku ma ġarax dak li ġara fl-1989 kont destinat li nokkupa ħafna qabel. Iżda s-sodisfazzjon li sebgħa snin ilu għażluni bħala Deputat Mexxej kien il-fatt li bil-pulit qaluli li storikament kelli raġuni għal dak kien ġara għoxrin sena qabel.
Żewg affarijiet huma ċerti dwari, li għalkemm stajt qatt ma kont fil-Parlament u lanqas ma jidher li qatt nista’ inkun. Il-Parlament qisu qatt ma riedni. Meta darba kkontestjat mal-Partit Laburista fl-1987 għalkemm kien ġieni ċ-ċans għall-co-option, jiena ma ħadtux. Meta kont nikkontesta għall-elezzjonijiet generali mal-Alternattiva Denokratika, l-eżerċizzju kien purament teoretiku.
Meta dħalt fil-kariga ta’ Deputat Mexxej fil-Partit Laburista, jiena stess insistejt li tidħol fl-Istatut tal-Partit Laburista, li min ikun qiegħed jokkupa din il-kariga ma setax joħroġ għall-elezzjonijiet ġenerali. Tkun tassew ħasra jekk qatt xi darba xi ħadd jgħaddilu minn moħħu li jbiddel din il-kwalifika, għax biha fil-Partit Laburista tnisslet serenità politika kbira.
Ħdimt u stinkajt fil-politika mingħajr qatt ma daħħalt xejn materjalment. Pjuttost tlift, ħriġt il-flus mill-but u l-karigi kollha li okkupajt fil-partit dejjem kienu bla ħlas u remunerazzjoni. Saħansitra l-mobile noħroġ minn buti biex ma inkunx ta’ piż fuq il-partit. B’għib kbir għalija, ġieli anke ġibt l-interessi tal-familja tiegħi wara l-impenn politiku tiegħu u nifhem għaliex dawk li huma qribi ma jifhmux għaliex għamilt dan kollu.
Ma niddejjaqx nammetti li kelli l-mumenti diffiċli tiegħi, li mhux biss affettwaw lili, iżda anke lill-familja tiegħi.
Għamilt dan kollu għaliex kelli ħolma antika li dejjem ridt nara li sseħħ. L-ikbar ħolma kienu d-drittijiet ċivil li kemm qabel, waqt u wara li kont fl-Alternattiva Demokratika dejjem tkellimt dwarhom b’saħħa kbira u konvinzjoni. Ħdimt fil-politika bil-qawwa kollha għaliex dejjem emmint li biex tkun fil-politika m’hemmx bżonn tkun fiha f’sens tradizzjonali. Dan għamiltu kemm bħala avukat u kif ukoll b’mod dirett bil-parteċipazzjoni xejn ortodossa tiegħi fil-perjodi differenti li għaddejt minnhom.
Ma niddejjaqx nammetti li kelli l-mumenti diffiċli tiegħi, li mhux biss affettwaw lili, iżda anke lill-familja tiegħi. Kont naħseb li l-agħar mument kellu jkun dak tal-1989, sakemm ġie dak tal-2013, fejn żebilħuni, kasbruni u għadhom sal-lum jipprovaw idaħħku bija: l-inċident tal-blokka l-bajda, li kien il-frott ta’ kongura bejn ċertu Richard Vella, li kien barman ta’ ċentru politiku u dak li suppost onorabbli David Aguis – b’tal-aħħar jipprova jagħlaqli ħalqi għall-bassezzi li kien għamel waqt l-eżamijiet fl-Università. Dan kien inċident li kaxkar lil missieri fil-qabar. Pingewni ikrah għaliex ma ridtx ħmieġ fiċ-ċentri tagħna.
Niftakar li propju ftit sigħat qabel l-elezzjonijiet tal-2013, Simon Busuttil kien baqa’ jinsisti li għandi nirriżenja. Meta qalli hekk konna fuq il-programm TVPM ta’ Norman Vella. It-twegiba tiegħi kienet li inħallu għall-ġudizzju tal-poplu biex jiddeċiedi. Għedtlu ukoll li iħallu lill-poplu sovran jiddeċiedi min għandu kirrizenja jekk hux jiena jew hu. Il-poplu iddeċieda. Mhux biss baqa’ hemm, mhux biss sar Kap tal-PN, iżda saġansitra digà qiegħed jiġġustifika li jibqa’ fejn hu anke jekk jitlef l-elezzjoni li jmiss!
Issa għal darb’oħra, reggħu qabdu miegħi f’dawn l-elezzjonijiet, li saru fl-isfond tal-ħmieġ li kien għaddej Għawdex bil-moħbi. Qalgħu frazi minn diskors minn barra il-kuntest li għamilt u li użajt bl-aktar mod sarkistiku u Simon Busuttil rega’, għat-tieni darba, wara dik tal-blokka, jiskandalizza ruħu bija! Rega’ għamel l-iżball li attakka lili meta jaf li jiena onestissimu f’dak kollu li nagħmel. Ma ħax skandlu b’Toni Bezzina, ma ħax skandlu b’David Aguis, ma ħax skandlu b’Tonio Fenech meta kien minsitru, ma ħax skandlu meta bil-moħbi balla politiċi ħadu żieda fl-onorarja, ma ħax skandlu bl-iskandlu tax-xiri taż-żejt, ma ħax skandlu b’lista twila ta’ griefex u tawħid li ma jintesew qatt u ħa skandlu b’xi haga li jiena għedt b’sarkażmu. Kif dejjem għedtlu: ibati minn infantiliżmu politiku.
Iżda għal darb’oħra: inħallu lin-nies jiddeċiedu - bejn min daħal għal politika biex jieħu u min daħal għaliha biex jagħti.