L-għada tar-Referendum

Sal-lum inkunu nafu jekk il-vot dwar il-kaċċa fir-Rebbiegħa għaddiex jew le. Jien ivvutajt le.
Osservajt li tħabbar li kien hemm mal-50 nies tat-teatru li qalu li se jivvutaw le. Lili ħadd ma kkuntattjani biex niffirma l-petizzjoni. Forsi għax mhux midħla ta’ ċerti ċrieki li donnhom ikkapparraw dak kollu li għandu x’jaqsam mal-arti u l-kultura. F’Malta kollox ikun ikkapparrat. Kollox għandu l-aġenda tiegħu. Domt 40 sena naħdem fit-teatru, bhala pedagoġu u bħala reġista. Imma lanqas ġejt ikkunsidrat bħala firmatarju.
Insomma, l-importanti li qed nerga’ niddikkjara, waħdi u mingħajr ma jien marsus ma’ grupp, li vvutajt Le għall-kaċċa fir-rebbiegħa.
Imma ridt ngħid xi ħaġa oħra dwar kif imxiet il-kampanja. Dik tal-Iva kienet tqarraq, b’posters u reklami tal-familji, bit-tfal b’kollox, jagħmlu piknik fil-kampanja, fuq ħaxix sabiħ u aħdar, bhal dak tar-reklam tal-butir Kerrygold mill-Irlanda: ħaxix aħdar sabiħ, maħsul b’xita fina li m’għandu x’jaqsam xejn ma’ kif il-kaċċaturi u n-nassaba Maltin imlew kullimkien bit-trabokki. Xejn ma seta’ kien imbiegħed aktar mill-verità, għax il-kaċċaturi dejjem ippreżentaw lilhom infushom bis-snieter u biċ-ċinturini tal-iskrataċċ - mhux f’atmosfera ta’ piknik. Fil-posters tal-kampanja s-snieter ma dehru imkien.
Il-lobby tal-Le kienet aktar infurmata u aktar “xjentifika”. B’Moira Delia u Saviour Balzan jippilotaw il-kampanja. B’emozzjoni u passjoni (Delia) imma anki b’doża pjuttost ikkulurita (Balzan), kienet kampanja studjata u mingħajr sensazzjonaliżmu.
Il-profil psikoloġiku
Dak li hassejt fil-kampanja tal-Le kien in-nuqqas ta’ xi forma ta’ spjegazzjoni psikoloġika dwar il-forma mentis tal-kaċċatur. X’iwasslu għall-gost, għad-divertiment, li jispara fuq tajra għajjiena, tipprova tfittex fejn tbejjet?
X’divertiment hemm li jimliha biċ-ċomb, u jaraha nieżla kollha demm u tinstabat mal-art, forsi fl-aħħar mumenti tal-ħajja, jekk mhux mejta digà, u tinġabar mill-kelb tal-kaċċa?
Dan l-element psikoloġiku kien nieqes fil-profil li l-Le ħoloq tal-kaċċaturi.
Il-kaċċaturi japoloġizzaw dwarhom infushom u jgħidu li l-percezzjoni tal-poplu dwarhom hi li huma bestji, fost aġġettivi oħra. Jiddikkjaraw ukoll li huma jikkaċċjaw biss il-gamiem u s-summien. Jilmentaw ukoll li mhux dejjem ikollhom kelb tal-kaċċa magħhom biex jgħinhom jifflaxxjaw l-għasafar.
Argument klassiku ieħor hu li n-nies tiekol il-ħut u r-rizzi. Dan ukoll argument li waqt il-kampanja kien injorat għal kollox (biex inkunu ġusti mal-lobby tal-Iva).
Lejn l-aħħar tal-kampanja, kelliem għal-le, Mark Sultana, żvela kif kien mhedded Sandro Mangion, editur ta’ It-Torċa, li ddikkjara li se jivvolta Le għall-kaċċa fir-Rebbiegħa. Anki Sandro Mangion innifsu żvela dan u kellu jmur għand il-pulizija. Dan hu t-tip ta’ theddid li l-10,000 kaċċatur matul is-snin ikkundannaw lilhom infushom bih. Il-messaġġi vjolenti u vandalistiċi li bagħtu lis-socjetà għal snin twal tefgħuhom taħt il-lenti kerha u inċivili ta’ ċittadini b’kuxjenza lejn in-natura u l-bilanċ ekologiku.
Issa l-kaċċaturi, biex indaħħlu skala parodika, għandhom il-plattini fuqhiex jisparaw jekk iridu. Jistgħu joħolqu industrija ta’ plattini bil-ġwienaħ u l-munqar u jisparaw fuqhom. Flok jifflaxxjahom il-kelb tal-kaċċa tifflaxxjahom il-magna, imma naturalment il-plattin ma jtajjarx demm.
Fost il-fanatiċi “illustri” internazzjonali kien hemm anki l-awtur Ernest Hemingway. Meta darba xi ħadd staqsieh għaliex għandu din il-passjoni għall-kaċċa (anki kontra annimali eżotiċi fl-Afrika) kien stqarr li ma jistax jirreżisti l-passjoni mdemmija. Kien kiteb lill-ħabiba tiegħu li jikkaċċja għaliex iħobb joqtol. Finalment qatel lilu nnifsu bi xkubetta, billi deffes il-kanna f’ħalqu.