
Żewġ kejliet

Kulħadd jaf kif naħsibha dwar l-ambjent. Li kien għalija jsir moratorium nazzjonali kull fejn hemm art verġni. Ma nistgħux inkomplu nibnu jew niżviluppaw il-bqija tas-65% tal-art vergni li fadal f’pajjiżna. Meta tgħid li 35% diġà mibnija mhux ċajta! Naħseb imkien fid-dinja, ħlief f’Hong Kong u Singapore, ma għandhom aktar minn 35% tal-art żviluppata.
Ir-rebgħa għal aktar art għall-bini għandha żewġ raġunijiet prinċipali. L-industrija tal-bini u industriji oħra relatati magħħa, bħal fost oħrajn it-turiżmu, għadhom jikkontribwixxu għal aktar minn 50% għal ġid nazzjonali. Għalhekk, sakemm ma niddiversifikawx l-ekonomija, l-aptit li niżviluppaw kull fejn nistgħu mhux ser jieqaf.
Dak li hu ż-żejt għal-Libja u deheb u djamanti għall-Afrika t’Isfel, il-ġebla u l-art huma għall-Malta. L-aqwa investiment li jista’ jkollok f’pajjiżna, fejn rari tista’ tmur ħażin, huma l-bini u l-iżvilupp tal-art. Għalhekk kull min jista’, jekk tiġih l-opportunità, jeħodha. Jekk jiġihom iċ-ċans, anke dawk li dejjem ikunu fuq quddiem jipprotestaw kontra kull proġett, jieħduh.
Kien għalhekk li ma ħadtha xejn bi kbira, anzi rajtha ġejja, meta tħabbar il-proġett ta’ università barranija fuq medda ta’ art verġni fin-naħa t’isfel ta’ Malta. Nifhem lil min qiegħed jipprotesta, għaliex bħalhom inħoss u bħalhom ħassejt meta rajt art verġni f’Marsaxlokk titħarbat mhux biss dak li kien fuq l-art, iżda anke l-baħar ta’ madwar. Dan ma sarx snin ilu iżda fi żmienna.
Hekk ħassejtni meta niftakar li tħarbtet raba’ mimlija siġar tal-ħarrub ħdejn tal-Qroqq biex inbena l-Mater Dei. Għadha xena friska quddiem għajnejja, bulldozer jissara ma’ ħarruba kbira f’nofs għalqa f’raba’ saqwi. Beda jiġbidha minn qaddha b’katina ħoxna, bil-ħarruba bħal donnha tirreżisti sakemm fl-aħħar ċediet. Dejjem ngħid, li ma’ kull għalqa li tinbena qegħdin nidfnu biċċa minna.
Iżda hemm argument, li fil-każ tal-università fin-Nofsinhar ta’ Malta, li ma niflaħx għalih. Indipendentement minn kull argument ambjentali, sotto-voce hemm attitudni daqxejn klassista. Dan mhux l-uniku proġett li jekk isir fin-Nofsinhar ta’ Malta fejn tkun tnaqqret art verġni. Fin-Nofsinhar ta’ Malta saru biżibilju ta’ proġetti maż-żmien li ħadu wesgħat u medded kbar ta’ art verġni u ma jidhirlix li qatt saret ir-resistenza li qegħdin naraw issa.
Fin-Nofsinhar ta’ Malta saret power station li taħdem biż-żejt. Dakinhar saret protesta mill-Partit Laburista u ż-Żgħażagħ għall-Ambjent. Xorta nbniet. Sar proġett għar-riċiklaġġ kemm tar-rifjuti u anke tad-drenaġġ. Ma nafx x’ma għamlux ir-residenti ta’ Marsaskala, għaliex ma felħux għall-irwejjaħ u l-kimika li tikkontamina l-arja. Dakinhar ukoll ittieħdet art verġni u xorta sar il-proġett. Saru mħażen u tankijiet għall-gass, għall-ħażna taż-żejt qalb in-nies u Freeport li kompla kiber bil-kbir taħt l-amministrazzjoni l-oħra.
Li llum hemm bajja bl-isem ta’ “Il-Bajja s-Sabiħa” hija ironika għaliex din l-akkwata tista’ ssejħilha kollox barra “sabiħa” b’Manhattan ta’ krejnijiet fl-isfond, bi ħsejjes ma jaqtgħu qatt. Biex sar dan kollu, mijiet ta’ tmiem ta’ art verġni kellhom ikunu sagrifikati, bil-ftit isiru miljunarji kbar għaliex kienu jafu qabel ħaddieħor x’ġej!
Mil-lista ta’ proġetti li semmejt li saru fin-Nofsinhar hemm ħaġa kommuni. Kollha huma proġetti li jdaħħnu, jħammġu, jpoġġu l-ħajja tan-nies fil-periklu, jagħmlu l-ħsejjes u jikkawżaw irwejjaħ insapportabbli. Dawn huma l-proġetti li saru s’issa fin-Nofsinhar ta’ Malta.
Hekk ħassejtni meta niftakar li tħarbtet raba’ mimlija siġar tal-ħarrub ħdejn tal-Qroqq biex inbena Mater Dei
S’issa kull min kien fil-Gvern dejjem ittratta dan ir-reġjun daqslikieku kien is-Cindirella jew aħjar l-landa taż-żibel tal-ekonomija Maltija. Anke ż-żoni industrijali tista’ tgħid li kollha qeghdin fin-Nofsinhar - Ismijiet bħal Bulebel, Ħal Far u l-Imrieħel, kollha kienu ismijiet ta’ reġjuni rurali fin-naħa t’isfel ta’ Malta.
Huwa minnu wkoll li l-ħażin li sar fl-imgħoddi ma jiġġustifika bl-ebda mod dak li jsir illum. Dik li noqgħod nagħmel referenza għall-ħażin ta’ ħaddieħor biex niġġustifika l-ħażin tiegħi ma niflaħiex. Din l-attitudni tipperpetwa l-ħażin u għalhekk seta’ ma nbidilx il-partit fil-Gvern. Iżda fil-każ tal-Università li ssemmiet li tista’ tinbena fin-Nofsinhar, tista’ tkun opportunità sabiex f’reġjun li ħlief proġetti “maħmuġin” ma rax, tkun nifs frisk għaliex għal darba, nkunu qegħdin nittrataw lil dan ir-reġjun bħalma nagħmlu b’reġjuni oħra.
Għalhekk ma nistax ma nosservax li bil-mod li qiegħed isir l-argument favur l-ambjent, għandu fih element ta’ klassiżmu, għaliex sa riċenti saru proġetti li ma huma xejn indaf u anke ttieħdet art verġni biex saru, u ma kienx hemm il-front li hemm issa biex joffri reżistenza għal dan il-proġett. Proġett li la ser idaħħan, lanqas ser iħammeġ, la ser ikun il-kawża ta’ ntejjen u lanqas ser imarrad in-nies.
Il-power station tal-Marsa ser tinħatt wara snin twal tmarrad li min joqgħod madwarha. Ser ikun hemm kwalita’ ta’ ħajja aħjar għan-nies tal-Marsa fejn hemm inċidenza straordinajrja ta’ mard respiratorju. Issa aktar lejn in-Nofsinhar, qed ikun propost proġett li huwa ta’ kwalità u mhux wieħed industrijali.
Jekk dan il-proġett ser isir, ikun ħasra li ma jsirx fin-Nofsinhar. Jiena għandi s-sensazzjoni li jkun aċċettabbli għal kulħadd, basta ma jsirx fin-Nofsinhar ta’ Malta. Fejn jidħol ippjanar dejjem imxejna b’żewġ kejliet. Dak li hu aċċettabbli band’oħra mhux aċċettabbli għan-naħa t’isfel. Dan ir-reġjun dejjem ittrattajnih qisu kien xi bin on wheels!