In-Neo-Kolonjaliżmu fostna
Din il-ġimgħa kont qiegħed inpoġġi toga lura fil-kassarizz fil-kamra tal-Avukati wara kawża. Ħadt gost partikolarment nara avukat li kien ilu ma jidher ftit xhur sew minħabba raġunijiet mediċi. Dan huwa wkoll esponenti Laburista imma d-diskors waqa’ fuq saħħtu u fuq ir-rebħa tal-Juventus. Wara ftit daħal avukat ieħor, diriġent prominenti fil-Partit Laburista u d-diskors ma damx ma’ waqa’ fuq il-politika. F’ħin minnhom it-tnejn li huma bdew jgħidu b’ċerta ironija li issa kulħadd sar Laburista.
M’għandhiex dubju li min jokkupa kariga mportanti qed jiltaqa’ ma’ ħafna nies li juru li qed jappoġġjaw lill-partit fil-gvern minkejja li fil-passat ma kienux. Nimmaġina li l-istess kien jiġri fi żmien l-amministrazzjoni Nazzjonalista. Fil-ħajja n-nies li jħobbu jintgħoġbu ma jonqsu qatt. U hu minħabba dawn it-talin li spiss min jiggverna jispiċċa jilludi ruħu li għandu appoġġ efimeru li mbagħad ma jissarrafx fl-elezzjoni. Tali periklu hu akbar u akbar meta wieħed jiftakar fid-dimensjoni straordinarja tar-rebħa tal-Partit Laburista ta’ ftit aktar minn sentejn ilu fejn numru bla preċedent ta’ votanti ma vvutax kif kien jagħmel qabel. Madankollu, hemm ukoll ħafna u ħafna nies li qatt ma juru eżatt fejn qed iħabbat il-polz tagħhom imma li jkunu qed josservaw bil-kwiet dak li hu għaddej u jiddeċiedu darba kull ħames snin fis-silenzju tal-urna.
Matul il-ġimgħa kelli laqgħat oħrajn. Iltqajt ma’ klijent tiegħi li kien ferm entużjażmat bir-rebħa Laburista. Din il-ġimgħa daqq diska ftit differenti u beda jaħlef li mhu ser jivvota għal ħadd. Għalkemm dawn id-dikjarazzjonijiet li minnhom nisma’ kultant żmien ma tantx iridu jittieħdu bis-serjetà meta l-elezzjoni għadha daqstant ’il bogħod, ċertament jirriflettu bidla fl-atteġjament - bħalma jirriflettu żewġ konversazzjoniet li kelli ma’ żewġ switchers prominenti din il-ġimgħa stess. It-tnejn li huma wrew sens qawwi ta’ nostalġija, ħassewhom mitlufin fir-realtà politika il-ġdida, il-bogħod mill-partit li trabbew fih u esklużi mill-partit fil-poter. It-tnejn wrew stmerrija għad-diriġenti li kellu l-PN imma ma tantx urew entużjażmu dwar il-mod kif inhu miexi l-pajjiż.
Qed ngħid dan kollu għax faċli li min hu fil-poter jaħrab bl-idea li għandu xi plebixxit ta’ appoġġ. L-evidenza fit-triq tindika li pjuttost l-Partit Laburista qed isoffri minn erożjoni ta’ appoġġ. Dan huwa naturali u ċertament dan il-proċess irid ħafna żmien sakemm il-posizzjoni tal-partiti terġa tibbilanċja ruħha. Imma hija erożjoni fi kwalunkwè każ li tista’ taċċellera jew tonqos skond kif wieħed jimxi.
S’issa il-Prim Ministru Joseph Muscat kellu ħajja mirakolata. B’kunfidenza mibnija fuq trijonfi elettorali suċċessivi, Muscat s’issa kellu ħajja pjuttost faċli. L-ekonomija, tajjeb jew ħażin, żammet il-momentum tagħha għalkemm kif ktibt ftit ilu, għandi riservi kbar dwar ir-Reaganomics tal-Professur Scicluna li huwa ffissat fit-tnaqqis tad-defiċit a skapitu tat-tkabbir ekonomiku. Fatturi internazzjonali ffavorew lill-gvern ta’ Muscat: l-instabilità politika f’bosta pajjiżi għarab għenet lit-turiżmu mentri l-ekonomija dinjija ħadet nifs meta l-prezz taż-żejt naqas bin-nofs. Fl-istess ħin, bdew jidhru l-ewwel sinjali ta’ tkabbir ekonomiku fiż-żona ewro.
Il-kontroversji li ffaċċja dan il-gvern ukoll ftit jidhru li affetwaw il-popularità personali ta’ Muscat. Kemm il-programm ta’ ċittadinanza kif ukoll il-każ pjuttost serju tal-Kafé Premier ma jidhierx li affetwaw il-prestiġju tiegħu fost l-elettorat. Il-fatt li kuntrarjament għall-istil ta’ tmexxija ta’ Mintoff u ta’ Sant, Muscat juri flessibilità fid-deċiżjonijiet li jieħu u lest li jbiddel il-posizzjoni tiegħu tgħinu. Kif ukoll l-ammissjoni li rrepeta kemm-il darba li twetqu żbalji u li l-affarijiet setgħu saru aħjar.
Tassew Muscat qisu miksi bit-teflon u kollox jiżloq minn fuqu. Imma f’xi ħin jew ieħor, it-teflon ser jingiref u x-xorti ser tinbidel u hemmhekk fejn irid igħaddi mit-test l-aktar iebes, meta l-kurrenti, kemm tal-opinjoni pubblika kif ukoll tal-konġettura politika u ekonomika, mhux neċessarjament ikunu daqshekk favorevoli għal Teflon Joe. Jidher li dan jista’ jkun il-każ wara l-aħbar li grupp ta’ investituri mill-Ġordan ħabru li ser jiżviluppaw università ġdida li qed isejħulha “Amerikana” f’90,000 metru kwadru ta’ art verġni f’Taż-Żonqor, Wied il-Għajn.
Din id-deċiżjoni qanqlet reazjoni pjuttost negattiva u dana għal bosta raġunijiet. Fil-waqt li ħadd mhu kontra li ssir università ġdida, il-poplu in ġenerali għadu ma fehemx il-ħtieġa li dina l-università tinbena f’art verġni barra miż-żona tal-iżvilupp u f’post li l-pjan lokali tan-Nofsinhar speċifikament alloka sabiex isir park naturali. Il-proposta tal-gvern hi li l-arja tal-park naturali tonqos u minflok tinbena din l-università. Il-fatt li l-investituri ġordanjani in kwisjoni għandhom interessi fil-qasam tal-lukandi u mhux fl-edukazzjoni wkoll qanqal ħafna tħassib. Mill-banda l-oħra, il-fatt li l-koinvolġiment tal-università amerikana DePaul, università li jkolli nammetti li jiena qatt ma kont smajt biha, huwa, tal-anqas f’dan l-istadju, pjuttost tenwu lanqas tant għolla l-kredibilità ta’ dan il-proġett.
Wieħed qajla jifhem kif xi ħadd li m’għandu l-ebda esperjenza fil-qasam ta’ l-edukazzjoni terzjarja jitfaċċa ħabta u sabta f’pajjiżna, jidentifika biċċa art verġni ta’ 80 tomna u jinsisti li għandu jibni università fiha għax altrimenti l-proġett ma jkunx vijabbli. U mhux talli li dan l-investitur novell fil-qasam tal-edukazzjoni terzjarja jinsisti fuq dan il-proġett, talli jiġi assekondat f’din l-impriża mhux biss mill-gvern, imma mill-istess enti pubblika li r-rwol tagħha hu li tirregola l-iżvilupp fil-pajjiż.
Ċertament li l-MEPA mhix istituzzjoni populari u dan anke bħala riżultat ta’ sikkatura li wriet fil-passat. Mhux darba jew tnejn, permess ma’ ġiex approvat għax l-applikant ikollu kamra minn dar li toħroġ mil-linja tal-iżvilupp. Għaldaqstant, hu pjuttost inspjegabbli, biex wieħed ma jużax aġġettivi aktar qawwija, kif ingħad li l-art proposta għal din l-università ġiet identifikata, jew tal-anqas ingħatat xi forma ta’ approvazzjoni preliminari, mid-direttorat tal-MEPA u anke mill-istess gvern.
Kull min għandu naqra ta’ familjarità mal-proċessi tal-MEPA jaf kemm tali eżerċizzju huwa ħażin u perikoluż. Il-MEPA inħolqot sabiex tieħu minn idejn il-ministru kkonċernat id-deċiżjonijiet dwar l-ippjanar fil-pajjiż, sabiex ma nerġgħux ngħaddu minn żmien fejn il-ministru kien jiddeċiedi fejn jista’ jinbena u fejn ma jistax. Verament il-ministru qatt ma sparixxa kompletament mill-orizzont għax hija tiegħu l-aħħar kelma għall-approvazzjoni tal-pjanijiet lokali, li flimkien mal-pjan ta’ struttura, jikkostitwixxu l-pern tas-sistema ta’ ppjanar fil-pajjiż.
Imma s-sistema ta’ ppjanar li għandna fil-liġi tagħna tħalli f’idejn l-organi tal-MEPA sabiex jiddeċiedu dwar l-applikazzjonijiet tal-ippjanar skont il-pjan lokali relattiv. Għaldaqstant, il-bini ta’ università f’żona intiża sabiex isir park naturali qatt ma tista’ tiġi approvata mill-organi kompetenti tal-MEPA u jekk jiġri hekk, dan ikun ksur ċar tal-liġi. Wieħed irid jistenna x’ser tkun ir-reazzjoni tal-bord għal din l-applikazzjoni. Ftit ġimgħat ilu, iċ-chairman tal-MEPA, il-perit Vince Cassar, bniedem li fil-passat ħadem ferm fil-qrib mal-perit Michael Falzon (għalkemm mhux fl-ippjanar), stqarr li l-bord tal-MEPA huwa awtonomu. Din l-istqarrija hija korretta skont il-liġi. Imma wieħed jistenna ħalli jara kif dina l-awtonomija formali ser tissarraf fil-prattika u jekk il-bord huwiex ser jaċċetta li jsir żvilupp li jmur bl-aktar mod ċar kontra l-pjan lokali.
Fl-isfond tal-fatt li ġew suġġeriti bosta siti alternattivi għal dina l-università (Alternattiva Demokratika pproponiet il-fortezza ta’ Rikażli mentri kien hemm min semma s-sit fejn kien hemm it-taqsima tal-pitrolju tal-Enemalta f’Birżebbuġa), il-poplu jistenna li ma jiġix ippreżentat b’fatt kompjut. Il-poplu jistenna ukoll li dan l-proġett ma jingħatax trattament preferenzjali imma jiġi skrutinat bħal kwalunkwe proġett ieħor, kbir jew żgħir, fil-pajjiż.
Ma tantx jagħmel sens id-diskors tad-deputat Laburista Silvio Parnis li rridu noqogħdu attenti li ma ngerxux l-investiment barrani mill-pajjiż u l-fatt li dan l-investitur barrani ddeċida li jinvesti f’Malta għandu jkun biżżejjed. Jiddispjaċini ngħid li din mhi xejn ħlief riflessjoni ta’ kultura servili lejn il-barrani li sfortunatament għadha preżenti fostna. F’pajjiżna, spiss tkun jew nejja jew maħruqa: jew ngħollu rasna u nirrifjutaw dak kollu li hu barrani jew inkella nbaxxuha quddiem l-għamar tiegħu.
Pajjiżna għamel passi kbar ’il quddiem u dan anke fil-qasam kummerċjali. Meta wieħed jiftakar li l-Corinthia mhux biss għandha lukandi prestiġjużi f’bosta pajjiżi Ewropej, talli dan l-aħħar xtrat l-Island Hotel Groups sabiex tkun tista’ twettaq investiment kbir ta’ bosta għexieren ta’ miljuni f’San Ġorġ, meta wieħed jiftakar li l-grupp ta’ Ħili qed dejjem jifrex l-interessi tiegħu barra minn Malta u jakkwista kumpaniji, portijiet u propjetajiet u meta wieħed jara l-faċilità kif kumpaniji lokali qed jiġbru għexieren ta’ miljuni ta’ ewro mingħand il-pubbliku, wieħed qajla għandu jimpressjona ruħu b’dan il-grupp ta’ Ġordanjani u jarmi l-ktieb tar-regoli sabiex jakkomodahom. U wieħed irid ifakkar ukoll fil-wegħdiet li saru fil-passat minn investituri barranin li ma seħħewx. Jista’ xi ħadd jgħidli kemm eżatt qiegħda tħaddem nies SmartCity?
Ejjew nilqgħu fostna l-investiment barrani imma mhux akkost ta’ kollox. Muscat u l-gvern tiegħu jridu joqogħdu attenti li ma jkissrux il-qafas tar-regolamentazzjoni tal-iżvilupp fil-pajjiż bl-approvazzjoni ta’ proġett li normalment ma jikkwalifikax mill-aspett ta’ l-ippjanar. Jekk dan jiġri, it-teflon jieħu daqqa ta’ ħarta u l-gvern juri wiċċ li ċertament evita li juri qabel l-elezzjoni. Kulħadd imbagħad ikun jista’ jagħmel il-kontijiet tiegħu.
Segwini fuq Facebook jew Twitter @ellisjoseph.