L-Università tagħna lkoll
Elitiżmu? Qajla. Konna taħlita sew minn gruppi soċjali differenti
Fil-kontroversja li qamet dwar l-università Amerikana fil-ponta taż-Żonqor, iżżefnet fin-nofs anke l-università tagħna. Qed tiġi akkużata li tgawdi minn monopolju u li hija fortizza ta’ privileġġi u elitiżmu, liema forzi qegħdin jopponu it-twaqqif ta’ università ġdida fin-Nofsinhar ta’ Malta. Akkużi serji li saru mill-Prim Ministru nnifsu quddiem miġemgħa nies li nġabru l-Ħadd li għadda f’Wied il-Għajn. Akkużi li ġew ripetuti fl-editorjal tal-Orizzont tal-Ħamis li għadda.
Inħoss li dawn l-akkużi weġġgħu lil eluf li ħadu l-formazzjoni tagħhom fl-Università ta’ Malta. Meta jiena kont l-università tletin sena ilu, kull ma kien hemm kien 800 student. Konna kważi nafu kollha lil xulxin. Ftit minna kellhom karozza dak iż-żmien u ma kienx hemm il-problemi li jeżistu llum ta’ parkeġġ. Imma niftakar student, bin kuntrattur li kien jispikka għax kien jitla’ tal-Qroqq b’Mercedes bajda. X’uħud minna kellhom mutur u wieħed minn sħabi kien wara xi sentejn xtara karozza tat-tip li għadek tara fit-toroq ta’ Ħavana. Konna nieħdu lift mingħand dak u ieħor u ħafna drabi konna nieħdu tal-linja jew anke nimxuha. Timmaġinawni nitla’ fuq il-mutur żgħir li kellu l-Arċisqof Charlie Scicluna? Imma tlajt, u mhux darba.
Elitiżmu? Qajla. Konna taħlita sew minn gruppi soċjali differenti. Kien hemm ulied avukati, tobba u periti imma anke ulied ħaddiema taċ-ċivil, ħaddiema manwali u negozjanti. Minn dak iż-żmien ’l hawn, l-università kibret b’mod drammatiku. Il-populazzjoni studenteska żdiedet sew u llum tlaħħaq ’il fuq minn 11,000 student. Anke l-faċilitajiet espandew ferm u llum hemm ħafna bini ġdid li fi żmienna ma kienx jeżisti. Taħseb u tgħid li min ħolom oriġinarjament bis-sit il-ġdid għall-università wara l-Indipendenza tassew kellu viżjoni fit-tul u ħaseb biex ikollha biżżejjed spazju fiżiku għal espansjoni li żgur ħadd ma immaġina possibli ħamsin sena ilu.
Meta wieħed iqis li pajjiżna ma jimponi l-ebda tariffa fuq l-istudju universitarju u mhux talli hekk, talli jħallas stipendju universitarju lil min jistudja, żgur li m’hemm l-ebda restrizzjoni ekonomika għad-dħul fl-università. Wieħed jirrikonoxxi l-problemi ta’ dawk il-faxxi soċjali żvantaġjati li ma jivvalorizzawx l-edukazzjoni u fejn probabbli l-ġenituri huma ukoll illiterati. Imma kulħadd għandu aċċess għall-università irrispettivament mill-istat ekonomiku tiegħu.
Ċertament hemm lok għal titjib kemm fil-faċilitajiet kif ukoll fil-livelli akkademiċi. Kieku jitnaqqas l-isparpaljar ta’ riżorsi fi stipendji u jkun hemm aktar investiment f’riżorsi akkademiċi, żgur ikollna riżultati ferm aħjar. Għandi ukoll l-impressjoni li l-ħidma tar-rettur preżenti Juanito Camilleri, fil-waqt li kompliet fejn ħallew il-predeċessuri tiegħu, tgawdi kunsens pjuttost wiesa’ fost il-korp akkademiku. L-għażla tal-gvern dwar jekk hux ser ikompli fil-kariga jew min ser ikun is-suċċessur tiegħu hija kritika għas-suċċess kontinwu ta’ din l-istituzzjoni daqshekk importanti.
Ħafna mill-ħidma akkademija hija qajla tanġibbli f’termini ekonomiċi u monetarja. Imma dan ifisser li tali ħidma mhix importanti għas-soċjetà u għall-pajjiż? Xi snin ilu l-Ministru tal-Finanzi Taljan fil-gvern ta’ Berlusconi, Giulio Tremonti, li minkejja li suppost kien guru tal-finanzi, ġab lill-Italja f’xifer il-falliment, kien stqarr li Dante ma jitmax in-nies. Anke f’pajjiżna hawn ħafna li jaħsbuha bħal Tremonti. Jaħsbu li għandek tistudja biss sabiex tkun tista’ taqla x’tiekol.
Imma t-tentazzjoni li nisħqu fuq il-korsijiet li mid-dehra għandhom skop utiltarju biss hemm qiegħda. Niftakar lil Gonzi jgħid li min irid jistudja l-arkeoloġija jrid iżomm f’moħħu li l-opportunitajiet ta’ xogħol f’dan il-qasam huma limitati.
Il-ħidma akkademika fl-università sawret dan in-nazzjon u tatna l-identità u l-personalità li għandna. Għaliex min imur l-università mhux bl-iskop biss li jkollu ftit ittri wara ismu imma anke biex jitgħallem u jikber intelletwalment verament għandu privileġġ fuq ħaddieħor, il-privileġġ li jista’ jixtarr u jomgħod dak li jisma’ u jaqra, u dan irrispettivament mid-dixxiplina li jkun ħa.
Id-diskors ta’ Muscat faċli jagħti lok għal interpretazzjonijiet ħżiena li ma jagħmlu ġieħ lil ħadd, u anqas u anqas lilu nnifsu. U meta jittieħdu fl-isfond tal-battalji li jaħdmu kontrih, li l-Partit Laburista għamel fil-passat dwar l-università, ma jistgħux jimpressjonaw ħlief lil min hu tassew akkanit filwaqt li jdarsu lil min hu rasu fuq għonqu, anke l-bosta Laburisti li ggradwaw mill-università u li jgħallmu fiha.
Diskors bħal dak li hu qiegħed jipprova jkisser il-monopolju li għandha l-università hu fattwalment skorrett u negattiv. L-università m’għandha l-ebda monopolju formali għalkemm wieħed jirrikonoxxi li għandha monopolju naturali għaliex mhux faċli li wieħed jibni istituzzjoni bħalha. Imma l-possibilità legali li wieħed jiftaħ università hemm qiegħda u fil-fatt, hawn Malta diġà hawn bosta friegħi ta’ universitajiet barranin. Barra minhekk, studenti Maltin għandhom il-fakultà li jmorru jistudjaw barra jew li jieħdu korsijiet fuq l-internet.
Wieħed lanqas irid jinsa l-investiment massiċċ li sar fl-edukazzjoni teknika post-sekondarja bl-irxuxtar tal-MCAST li qabel kien ġie ntegrat mal-università u ssagrifikat fuq l-artal tar-riġidità ideoloġika tas-sebgħajnijiet. Anke l-MCAST joffri alternattiva għall-università bħalma jagħmlu bosta istituzzjonijiet oħra li qed joffru korsijiet ta’ universitajiet barranin.
Il-gvern qajla jista’ jiġġustifika l-proġett mhux daqshekk definit tal-grupp Sadeen sabiex iwaqqaf università li suppost hi Amerikana f’Malta, taħt il-pretest li ser ineħħi xi monopolju li ma jeżistiex. Dan aktar u aktar meta ntqal li dawn l-istudenti Għarab li ġejjin Malta ser iħallsu tariffi għoljin u li l-Maltin ser jibbenefikaw biss minn xi ftit boroż ta’ studju. Monopolju, kieku verament jeżisti, ma jitkissirx b’università li tal-anqas inizjalment ser toffri biss ftit korsijiet iddiżinjati minn università Amerikana li qajla hi magħrufa u mhi fl-ebda Ivy League.
Bħala lawreat kburi tal-Università ta’ Malta u bħala professjonista ferm grat għall-formazzjoni li ngħatajt anke fi żminijiet ferm diffiċli, dan id-diskors spreġġjattiv fil-konfront tal-università, barra li ma kienx meħtieġ u kien totalment barra minn loku, dejjaqni ferm u weġġgħani. Weġġħani bħalma meta jsir diskors dwar il-familja jew il-ħbieb. Inħoss li l-università tagħna hija istituzzjoni fundamentali għalina bħala nazzjon li tikkontribwixxi bil-kbir għal benesseri kulturali u ekonomiku tagħna u ħadd m’għandu jċekkinha għal xejn b’xejn, speċjalment jekk min jagħmel dan id-diskors jokkupa kariga għolja.
Min jipprova jżeblaħ dan il-patrimonju intanġibbli sabiex jiskorja punti politiċi faċli quddiem udjenza partiġjana jkun qed ibaxxi lilu nnifsu u ma jikkonvinċiex ħlief lil dawk li fi kwalunkwe każ, m’għandhom bżonn l-ebda konvinċiment. L-argumenti jridu jintrebħu b’aktar finezza intelletwali u forsi min ma għamielx użu tajjeb miż-żmien li qatta’ l-università llum għandu għalfejn jiddispjaċih.
Nagħlaq billi nsellem il-figura ta’ professur emeritu ta’ l-università tagħna, l-istoriku veteran Godfrey Wettinger li din il-ġimgħa tħabbret il-mewt tiegħu. Wettinger qatta ħajtu jgħallem, jistudja, jirriċerka u jikteb. Kien akkademiku pur, bniedem bi ftit li xejn interessi minbarra l-ħajja akkademika. Kiteb ħafna dwar perjodu ftit magħruf ta’ Malta, il-perjodu tal-okkupazzjoni Għarbija u l-Medjuevu. Flimkien ma’ Patri Mikiel Fsadni, kien ukoll skopra l-ewwel kitba bil-Malti, il-poeżija magħrufa bħala l-Kantilena fl-1966. Il-ħidma ta’ Wettinger u l-iskoperta tal-Kantilena ma żiedu l-ebda punt fil-Prodott Gross Domestiku ta’ pajjiżna imma sawru r-ruħ ta dan in-nazzjon ċkejken fost l-aktar ċkejknin u ta’ dan ilkoll għandna nkunu ferm grati.
Segwini fuq Facebook jew fuq Twitter @ellisjoseph.