L-isptar li mhux sod

L-isptar Mater Dei jidher li ma jista’ qatt jeħles milli jkun fl-aħbarijiet għal xi raġuni jew oħra

L-isptar Mater Dei jidher li ma jista’ qatt jeħles milli jkun fl-aħbarijiet għal xi raġuni jew oħra. L-aktar aħbar riċenti hi l-konferma ta’ dak li kien diġà ntqal f’Settembru li għadda, jiġifieri li l-konkrit tal-kolonni li jiffurmaw l-istrutturi tal-bini huma mibnijin b’konkrit li hu ta’ kwalità inferjuri.

Ir-rapport tal-ARUP li ħareġ nhar il-Ħamis, juri ċar li l-isptar, partikolarment is-sezzjoni fejn hemm id-dipartiment tal-emerġenza, għandu kolonni li s-saħħa tagħhom hi ftit aktar minn nofs tan-norma li kolonni ta’ dawn it-tip huma suppost li jifilħu.

Anke l-kolonni tal-parti fejn hemm is-swali tal-pazjenti jidher li, għalkemm huma ħarira aħjar minn dawk tad-dipartiment tal-emerġenza, huma wkoll magħmula minn konkrit li mhux tal-kwalità li suppost kellu jintuża f’dan l-isptar li, għal ħafna żmien, il-Partit Nazzjonalista fil-gvern kien isejjaħlu bħala sptar state-of-the-art. Sptar li aħna llkoll domna wisq nistennew it-tlestija tiegħu u ħallasna prezz għoli għalih mit-taxxi tagħna.

Sptar li ma solva qatt il-problema ta’ pazjenti fuq is-sodod fil-kurituri għax min ħaseb biex jibnieh ma ħasibx biżżejjed fit-tul. Għalhekk dawk l-isfortunati li għalihom m’hemmx wisgħa biżżejjed, kienu u għadhom qed jispiċċaw wiċċhom ’il fuq f’kurituri li żgur ma nbnewx biex jakkomodaw pazjenti b’kundizzjonijiet fejn anke kien hemm min kien fl-aħħar nifs ta’ ħajtu, u spiċċa miet f’dawn il-kurituri.

Din is-sitwazzjoni wiritha l-gvern Laburista wara l-elezzjoni tal-2013 u kien propju x-xogħol li beda l-istess gvern li wasslet biex ikunu żvelati dawn il-problemi strutturali. Dawn il-problemi nkixfu wara li kien konkluż li hemm bżonn li jitkabbar id-dipartiment tal-emerġenza u l-admissions u kien ġie deċiż li jinbnew aktar sulari fuq l-istess dipartiment. 

Marbuta ma’ din id-deċiżjoni, l-periti għamlu xogħolhom kif suppost biex jassiguraw li l-binja tiflaħ is-sulari addizzjonali li kien hemm bżonn u hemm inkixef dak li jista jissejjaħ bħala l-iskandlu fi sptar li hu l-uniku sptar pubbliku li għandna f’dan il-pajjiż ċkejken tagħna. 

Intant, il-Gvern żamm quddiem għajnejh it-tbatija tal-pazjenti f’moħħu u waqt li assigura li ma kienx hemm l-ebda periklu immedjat għall-pazjenti u ħaddiema li jaħdmu fl-emerġenza, sab sit alternattiv biex beda jibni binja oħra li tinsab biswit l-emerġenza sabiex jindirizza immedjatament il-problema ta’ nuqqas ta’ sodod. 

Illum hu magħruf li biex is-sitwazzjoni strutturali tal-isptar Mater Dei tkun indirizzata, hemm bżonn nefqa li tlaħħaq mat-€30 miljun. Spiża mhux żgħira u li iżda li jridu jinstabu l-fondi għaliha għax l-uniku sptar ġenerali pubbliku li għandna għandu dejjem jieħu l-prijorità assoluta fuq kull proġett ieħor.

Sadanittat, waqt li jkun żgurat li l-isptar Mater Dei jista’ jibqa’ għaddej bl-operat preżenti tiegħu mingħajr periklu għal ħadd, għandhom isiru l-inkjesti kollha meħtieġa biex ikunu magħrufa dawk responsabbli minn dan il-proġett u jwieġeb għal dawn in-nuqqasijiet. Ħadd m’għandu jitħalla jaħsel idejh u jfarfar minn dawn ir-responsabilitajiet, kemm jekk kuntrattur tal-bini u kemm jekk hu politiku responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet.  

More in Blogs