Is-Sesswologu min hu? Id-disfunzjonijiet sesswali x'inhuma?

Bħalissa, fit-taħriġ u fl-ispecjalizzazzjoni tiegħi bħala sesswologu, kemm ġewwa Ruma kif ukoll fil-klinika ġewwa Malta, qiegħed niltaqgħa ta' kuljum ma' individwi u koppji li għaddejjin minn żmien iebes. Dan iż-żmien iebes mhux dejjem ikun relatat ma' problema relazzjonali, imma kemm 'il darba ikun relatat ma' problema sesswali. Għal snin twal, sal-lum, ħafna individwi għadhom iħossuhom skomdi li jmorru għall-għajnuna għand sesswologu għall-problemi kemm psikoloġiċi u relazzjonali, kif ukoll sesswali li persuna jew koppja jista' jkollha tul ħajjitha.
 
Tajjeb li nkunu nafu li sesswologu, li huwa psikologu jew psikjatra li jkun għamel kors speċjalistiku ta' madwar erba' snin fis-sesswoloġija, jieħu ħsieb li jagħmel id-dijanjosi u l-valutazzjoni tad-disfunzjonijiet sesswali u relazzjonali. Ukoll permezz tal-psikoterapija u t-terapija sesswali (sex therapy) jaħdem mal-individwu jew il-koppja biex il-problema tmur għall-aħjar. Parti mix-xogħol tas-sesswologu huwa wkoll fil-komunita' LBTIQ, speċjalment ma' dawk l-individwi li jkunu se jagħmlu l-bidla tal-ġeneru, jew l-operazzjoni tat-tibdil tas-sess.
 
Meta nitkellmu fuq disfunzjonijiet sesswali, inkunu qegħdin nirreferu għal problemi li wieħed jiltaqa' magħhom matul kwalunkwè fażi taċ-ċiklu tar-rispons sesswali. Dawn il-problemi jwasslu biex l-individwu jew koppja ma jesperjenzawx is-sodisfazzjon mixtieq fl-attività sesswali tagħhom. Iċ-ċiklu tar-rispons sesswali għandu erba' fażijiet: l-eċitament, il-plateau, l-orgażmu u r-riżoluzzjoni.
 
Għalkemm ir-riċerka turi li l-problemi sesswali huma komuni kemm fin-nisa u anke fl-irġiel, b’persentaġġ ta’ 43% u 31% rispettivament, huwa suġġett li, kif għedt diġa', ħafna nies iħossuhom imbarazzati jitkellmu dwaru u wisq aktar li jfittxu l-għajnuna. Fortunatament, ħafna każijiet ta' problemi sesswali jistgħu jiġu megħluba kemm bit-terapija psiko-sessoloġika u/jew dik medika. Għaldaqstant, huwa importanti li jekk inti għaddej minn xi sitwazzjoni simili, ninkoraġġik biex titkellem mal-partner tiegħek u/jew xi professjonist tal-fiduċja tiegħek fuq dak li inti qed tħoss.
 
X'jikkawża d-disfunzjonijiet sesswali?

 
Nibda biex ngħid li problemi sesswali jistgħu jkunu r-riżultat ta' problemi fiżiċi jew psikoloġiċi.
 
·         Kawżi fiżiċi - Ħafna kundizzjonijiet fiżiċi u / jew mediċi jistgħu jikkawżaw problemi fil-funzjoni sesswalitagħna. Dawn il-kundizzjonijiet jinkludu d-dijabete, mard tal-qalb, mard newroloġiku, żbilanċi ormonali, il-menopawsa, mard kroniku bħall-mard tal-kliewi u l-fwied, vizzji bħall-alkoħol u l-abbuż tad-droga. Barraminhekk, l-effetti sekondarji ta' ċerti mediċini, inklużi xi mediċini anti-dippressanti wkoll jistgħu jaffettwaw ix-xewqa u l-funzjoni sesswali tagħna.
·         Kawżi psikoloġiċi - Dawn jinkludu stress u ansjetà, tħassib dwar il-prestazzjoni sesswali, problemi fiż-żwieġ jew ir-relazzjoni, dippressjoni, sentimenti ta' ħtija jew l-effetti ta' xi trawma sesswali li tkun ġarrabt fil-passat.
 
Min jista’ jkun affettwat minn problemi sesswali?

Kemm l-irġiel u anke n-nisa jistgħu jkunu affettwati minn disfunzjonijiet sesswali. Problemi sesswali jistgħu jolqtu lil kull adult ta' kull età. Fost dawk li ġeneralment huma affettwati minn dawn il-problemi huma l-adulti anzjani. Dan huwa normalment kawża taż-żmien kif ukoll tal-mediċini. Biss dan ma jfissirx li adulti iżgħar m'humiex fir-riskju li jkunu affettwati minn problemi sesswali. Mill-esperjenza tiegħi fis-sesswoloġija, kull adult ta' kull età jista’ jgħaddi minn żmien ta' problemi sesswali anke jekk f’widnejna jinstemgħu strambi sitwazzjonijiet bħal dawn!
 
Id-darba li jmiss nitkellmu fuq waħda mill-iżjed problemi sesswali komuni li hija n-nuqqas tal-aptit sesswali fin-nisa. Inħeġġeġ lil min jixtieq biex jgħaddili xi suġġerimenti dwar xi suġġetti fuq [email protected] . Niltaqgħu!

More in Blogs