Simon, is-suffara u l-konkos
Jidher biċ-ċar li l-ewwel tisfira tas-suffara wara li l-gvern daħħal fis-seħħ il-Whisleblower’s Act xejn ma niżlet tajjeb mal-Kap tal-Oppożizzjoni. Rajna Kap tal-Oppożizzjoni ippanikjat u mifxul għall-aħħar quddiem ix-xhieda tal-kuntrattur li ammetta li fi żmien id-dominju tal-eks Ministru Nazzjonalista Giovanna Debono wettaq xogħlijiet fi propjetajiet Għawdxin minn flus il-poplu. Xibka ta’ pjaċiri mmexxija mir-raġel tal-eks Ministru sabiex jassigura li martu u l-partit tiegħu jiksbu ammont tajjeb ta’ voti.
Kienet ġimgħa wkoll fejn rajna jiżvolgi quddiemna każ ieħor li ħasad lill-bosta, il-każ tal-konkos ta’ kwalità inferjuri fl-isptar Mater Dei. Każ fejn rajna gvernijiet preċedenti Nazzjonalisti li bi ftehim minn wara dahar kullħadd daħlu fis-seħħ klawsola sabiex ineħħu minn fuq spallet il-kuntrattur ewlieni ta’ dan il-proġett kull responsabilità għal xogħol ħażin minn fuq dan dan il-progett.
Simon u s-Suffara
Jekk San Pietru kienet ħasditu it-tielet għajta tas-serduk jidher li lill Simon l-ewwel tisfira tal-Whistleblower’s Act ħasditu waħda u seww. U l-ħasda li ħa kellhu għalfejn jeħodha, u bir-raġun! Skont ix-xhud ewlieni fil-kumpilazzjoni tax-xhieda, Joe Cauchi magħruf bħala is-Sansun, waqt il-każ li għaddej fil-Qorti tal-Magistrati f’Għawdex ħareġ biċ-ċar li Simon Busuttil kien iltaqa’ b’ mod dirett ma’ dan il-kuntrattur u waqt laqgħa fl-uffiċju tiegħu fid-Dar Ċentrali allegatament qal lill Cauchi li missu ma kompliex iwettaq dan ix-xogħol lejliet l-elezzjoni ġenerali li għaddiet għaliex fi kliemu kienet xi ħaġa ċara li l-Partit Nazzjonalista kien ser jitlef l-elezzjoni ġenerali.
Wieħed ma jridx jinsa li qabel ma’ Joe Cauchi ta x-xhieda tiegħu dwar dan il-każ il-Kap tal-Oppożizzjoni għall-aktar minn darba kien ċaħad illi jaf bid-dettalji ta’ dan il-każ qabel ħareġ fil-media. Dikjarazzjonijiet li ġew imgiddba mill-ewwel whistleblower li ingħata protezzjoni taħt din il-liġi li daħħal fis-seħħ gvern Laburista wara snin twal li tħalliet fuq l-ixkaffa minn amministrazzjonijiet preċedenti.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni tant ippanikja u tħawwad quddiem id-dikjarazzjonijiet tal-whistleblower li spiċċa saħansitra prova jagħlaqlu ħalqu bi protest ġudizzjarju. Qalilna li l-poplu għandu għażla faċli x’jagħmel; dik li jew jemmen lilu jew inkella lil Joe Cauchi. Jidher però li mhux ser tkun xi ħaġa daqsekk faċli għall-poplu li jagħżel il-kelma ta’ Busuttil fuq dik ta’ Cauchi - għaliex dan diġà nqabad f’gidba meta sostna li qatt ma kien tkellem mal-whistleblower dwar dan ix-xogħol privat bi flus il-poplu.
L-attakk ta’ Simon Busuttil fuq il-whistleblower huwa wkoll attakk dirett fuq l-istess liġi li l-poplu ivvota favoriha b’tant saħħa fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet. Din hi liġi li flimkien ma dik dwar it-tneħħija tal-preskrizzjoni minn fuq il-politiċi u kif il-liġi li tirregola l-finanzjament tal-partiti, kienu intenzjonati sabiex jerġgħu inisslu sens ta’ fiduċja fil-poplu għall-klassi politika tiegħu. B’ dawn l-attakki fuq individwi li jitfgħu dawl fuq allegati illegalitajiet li twettqu fil-passat mill-politiċi Simon Busuttil b’mod dirett u intenzjonat, qed inaffar persuni oħra sabiex jagħmlu użu minn dawn il-liġijiet ġodda fil-futur. Mhux ta’ b’xejn dawn il-liġijiet tħallew fuq l-ixkaffa għal 25 sena sħaħ!
Konkos State of the Art!
Jekk mal-ewwel daqqa t’ għajn l-isptar Mater Dei kien jidher bħala wieħed state of the art wieħed zgur li ma jistax jgħid l-istess għall-konkos li intuża sabiex jinbena. Konkos li skont rapport ta’ kumpanija barranija li hija esperta f’dan il-qasam ġie ċċertifikat bħala wieħed ta’ kwalità baxxa ħafna - f’xi każijiet saħansitra deskritt bħala inqas b’saħħtu mit-tajn. Wara li ħareġ dan kollu fil-beraħ smajna biss reazzjonijiet ta’ paniku u taħwid fil-kliem min-naħa tal-Oppożizzjoni. Qalulna saħansitra li la l-isptar ma waqax matul dawn l-aħħar għoxrin sena, zġur li mhu ser jiġri xejn fil-futur.
Qalilna wkoll il-Kap tal-Oppożizzjoni li t-tort u r-responsabilità għal dan kollu issa għandha tintrefa’ mill-Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi, politiku li dak iż-żmien kien għadu lanqas biss qatt għamel pass ’il quddiem fil-ħajja politika! Qalulna wkoll li dan kollhu huwa tort tal-Labour għaliex fi kliemhom il-konkos kien tqiegħed fl-1996, argument ieħor li spiċċa fix-xejn hekk kif issa sar mgħaruf li l-konkos kien inxtara fl-ewwel nofs tas-sena 1996 taħt gvern Nazzjonalista!
Spiċċaw imbagħad qalulna li għandu jirrispondi l-kuntrattur u mhux il-politiku għaliex fi kliemhom dawn kienu kwestjonijiet tekniċi. Għaddew ftit jiem u sibna li Gvern Nazzjonalista kien għamel l-aqwa deal tal-millenju, dik li jneħħi kwalunkwe responsabilità futura minn fuq il-kuntrattur ewlieni ta’ dan il-proġett, l-Iskanska. Klawsola li mexxa ’l quddiem minn wara dahar kullħadd il-Gvern Nazzjonalista u li issa ser twassal sabiex il-gvern jispiċċa mingħajr rimedji legali sabiex jitlob kumpens għall-materjal inferjuri li intuża fil-bini ta’ dan l-isptar - sptar li għalih stennejna snin twal sakemm tlesta u ħallasna minn butna miljuni kbar ta’ ewro f’taxxi u piżijiet finanzjarji oħra.
Kif din il-klawsola li eżonerat minn kull responsabilità lill-kuntrattur ħarġet fil-beraħ, in-Nazzjonalisti reġgħu bdew jaraw fuq minn ser jitfgħu t-tort ta’ dawn l-oxxenitajiet u fil-mira tagħhom issa spiċċa l-Imħallef Emeritus Philip Sciberras, awtorità legali f’dak li għandu x’ jaqsam ma’ danni u r-responsabilità. Argumenti banali fejn l-għan waħdieni tagħhom huwa dak biss li jipprovaw inessu l-fatt li l-poplu wara li ħallas għall-sptar li sewa aktar minn €600 miljun, llum ser ikollu joħroġ minn butu €30 miljun oħra minħabba l-inkompetenza politika ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti. Dan huwa dak li qed tipprova taħbi l-Oppożizzjoni b’dawn l-argumenti pwerili!
PN = Politika Onesta?
Wara dan kollu l-Oppożizzjoni trid tibqa’ tilgħabha tal-Partit tal-Onestà - partit li kemm dam fil-Gvern ħema skandlu wara l-ieħor, partit li ħallielna b’sitwazzjonijiet ta’ konfuzjoni u taħwid kbir. Dan hu partit li llum l-unika skuża li qed isib sabiex jirribati dawn l-oxxenitajiet kollha hija dik li l-Gvern qed jaqla’ mill-qabar dawn l-istejjer minħabba mottivi politiċi biex jirbaħ l-appoġġ tal-poplu!
X’qed jippretendi l-Partit tal-Politika Onestà li nkomplu nilgħabu mas-sigurtà tal-pazjenti u nħallu l-isptar fl-istat li sibnieh għaliex s’issa għadu ma waqax? X’qed tippretendi l-Oppożizzjoni li nħallsu għal dawn ix-xogħlijiet minn flus il-poplu mingħajr ma nagħtu spjegazzjoni u mingħajr ma tintrefa’ responsabilità politika minn xi ħadd? X’qed tippretendi l-Oppożizzjoni li nirtiraw il-liġi tal-whistleblower sabiex ħadd ma jikkritika l-passat maħmuġ tal-Partit Nazzjonalista?
Il-poplu jrid Gvern serju li jaġixxi u jara li għall-flus il-poplu jkun hemm il-politiku responsabbli u kontabli għalihom. Il-Maltin u l-Għawdxin iridu Gvern onest li jammetti meta jiżbalja u jieħu azzjoni sabiex jirranġa b’mod immedjat u ekwu l-iżbalji li jkun għamel. Dan il-Gvern perfett mhuwiex, żbalji għamilna u ħafna drabi għamilnihom sforz l-entużjażmu li għandna u n-nuqqas ta’ esperjenza. Però l-fatt jibqa’ li qatt ma konna suppervi u dejjem rajna li nisimgħu il-karba tal-poplu u nibdlu fejn hemm bżonn nibdlu. Nippreferi Prim Ministru li jammetti meta jiżbalja milli Kap tal-Oppożizzjoni li jaħseb li hu infallibli f’kull ħaġa li jgħid u jagħmel!
Alex Saliba hu President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti