Il-verità, xejn ħlief il-verità

Il-MEPA għandha tibqa’ newtrali
Il-MEPA għandha tibqa’ newtrali

Fil-kontroversja li għaddejja dwar il-bini ta’ università, u issa anke cruise terminal f’Għawdex, barra miż-żona ta’ żvilupp, spiss qed jingħadu affarijiet li ma jgħinu xejn id-dibattitu. Bir-riżultat li l-poplu jispiċċa żvijat mill-kwistjonijiet reali. U jiddispjaċini ngħid li l-ebda naħa, kemm min hu favur l-iżvilupp, kif ukoll min hu kontra, mhux dejjem qiegħed ikun fattwali imma jħalli l-emozzjonijiet tiġri bih. 

Il-mod kif qed jopera l-Gvern qiegħed jagħti lok għal dawn il-kontroversji li mhux la kemm jikkalmaw fil-klima attwali. Jidher ċar li l-Gvern għadu ma rrealizzax li l-pajjiż m’għadux aktar fis-snin sittin jew sebgħin jew tmenin u llum hawn reġim regulatorju fil-qasam tal-ippjanar li jeħtieġ jiġi rispettat sabiex proġett jitwettaq. Jekk il-Gvern mhux ser jirrealizza li ma jistax jiddetta b’mod assolut kif u fejn isiru l-proġetti kif kien jagħmel fil-passat, ser ikompli jitlef l-appoġġ fost dik il-faxxa tal-elettorat li emmnet li dan il-gvern ser juri aktar rispett lejn l-ambjent mill-predeċessuri tiegħu.  Faxxa li mhux ta’ min jittraskuraha u għandha ċerta piż elettorali.

Sabiex jiddefendi ruħu, il-Gvern qed jipprova jinqeda bil-figuri mill-passat. Il-Kap Eżekuttiv tal-MEPA qal lill-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ta’ l-Iżvilupp tal-Parlament li fl-2006, il-gvern Nazzjonalista dawwar 2 miljun metru kwadru li kienet barra miż-żona ta’ l-iżvilupp f’art fabbrikabbli .  Din l-istqarrija ġiet aċċettata minn kulħadd u ħadd ma ddubbitaha. Karmenu Cacopardo dlonk mar jikteb fuq il-blog tiegħu “2 miljun metru kwadru, rigal tal-PN lill-ispekulaturi.”

Dak li qal Johann Buttigieg fil-Parlament huwa korrett imma mhux preċiż u hemm bżonn ta’ aktar approfondiment sabiex wieħed jifhem sew u ma jissensazzjonalizax id-dibattitu. Għax kulħadd għandu l-aġenda tiegħu: il-Gvern irid juri li żvilupp propost ta’ 90,000 metru kwadru f’żona barra mill-iżvilupp mhux xi ħaġa ta’ barra minn hawn, mentri hawn min jipprova jitfa’ lill-PN u lill-PL fl-istess keffa ħalli jidher sabiħ hu.

Il-verità hi li min qed jamministra l-pajjiż, irid jimxi mal-liġijiet tal-pajjiż u dawn il-liġijiet jistgħu jinbidlu, imma sakemm ma jinbidlux, għandhom jiġu rispettati. Mela ħa niġu għal din il-famuża figura ta’ 2 miljun metru kwadru (li l-Ministru Evarist Bartolo żied għal 3 miljuni fuq Facebook).  L-ewwel irridu mmorru lura minfejn konna tlaqna. It-Town and Country Planning Act li gvern Nazzjonalista kien għadda fl-1970 qatt ma daħlet fis-seħħ u l-epoka ta’ Mintoff kienet karatterizzata b’deċiżjonijiet fl-ippjanar li kellhom riħa qawwija ta’ ndħil ministerjali. Fil-bidu tas-snin tmenin, il-Ministru Karmenu Vella pprova jirrimedja bil-liġi dwar l-Arji tal-Iżvilupp tal-Bini imma din kienet liġi li ħolqot ħafna problemi u ma kinetx risposta komprensiva għall-problemi ta’ l-ippjanar fil-pajjiż.

Meta telgħu n-Nazzjonalisti fil-gvern fl-1987, mill-ewwel ippruvaw jindirizzaw il-problema u fl-1989 kienet għaddiet liġi mill-Parlament li ddelimitat l-arji tal-iżvilupp bl-hekk imsejħa Skemi Temporanji tal-Iżvilupp li kulħadd jirreferi għalihom bħala TPS. Dawn it-TPS kellhom ikunu, per definizzjoni, temporanji u kellhom jeħdulhom posthom il-pjani lokali li kellhom jiġu abbozzati skont kif ikkontemplat fil-liġi li waqfet l-Awtorità tal-Ippjanar wara li ġie approvat il-Pjan ta’ Struttura. Sakemm jiġu adottati l-pjani lokali, it-TPS kellhom iservu bħala l-pjan regolatur tal-pajjiż minflok dak tas-snin sittin minkejja d-difetti evidenti li kien fihom.

Li ġara hu li l-proċess tal-abbozzar tal-pjani lokali kien interminabbli u tneħħi xi pjan lokali jew tnejn, sal-2006 kien għadu  mhux konkluż. Verament kien eżerċizzju massiċċ li pajjiżna qatt ma kien ikkontempla qabel imma d-dewmien in kwistjoni qajla kien skużabbli. Id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar l-Assessjar tal-Ambjent Strateġiku xpruna lill-gvern Nazzjonalista sabiex jipprova jagħlaq il-kwistjoni. Imma għalaqha f’mod, li fl-opinjoni umli tiegħi, kien kompletament żbaljat. Għax minflok mal-Ministru Pullicino rrefera lura l-abbozzi tal-pjani lokali lill-MEPA sabiex jieħdu in konsiderazzjoni l-artijiet li dehrlu li kellhom jiġu inklużi fl-arji tal-iżvilupp u jiġu żżonjati bħal kumplament tal-artijiet fiż-żona ta’ l-iżvilupp, ħolom bl-iskema ta’ razzjonalizzazzjoni li serviet biex art li suppost kienet tikkwalifika skont memorandum tal-kabinett tiġi nkluża fiż-żona fabbrikabbli skont riżoluzzjoni li għaddiet mill-Parlament.

Għalkemm fir-rigward ta’ din ir-riżoluzzjoni, l-Oppożizzjoni Laburista vvutat kontra, fil-kumitat parlamentari, id-Deputati Laburisti pproponew li jkun hemm aktar art li  ssir fabbrikabbli minn kemm kienu qed jipproponu d-Deputati Nazzjonalisti. Mhux ta’ b’xejn li meta ssejħu sabiex jixhdu f’kawża li 150 individwu u tlett għaqdiet ambjentali għamlu sabiex jikkontestaw din l-famuża skema ta’ razzjonalizzazzjoni li fiha jiena avukat, ħadd mid-Deputati Laburisti ma ftakar xejn u rreferewna għall-minuti.

F’din il-kawża li għadha sejra minkejja l-intoppi kontinwi, inġabret ħafna informazzjoni utli, fosthom dwar x’kien jiddistingwi l-proċess tar-razzjonalizzjoni mill-adozzjoni tal-pjani lokali li ġew approvati wkoll fl-istess jiem f’Lulju 2006.  Tela’ jixhed Frans Mallia, uffiċjal għoli tal-MEPA li kien (u forsi għadu) inkarikat mil-Local Planning Unit li esebixxa lista tal-artijiet kollha li b’xi mod jew ieħor ġew reżi fabbrikabbli fl-2006. U xħin tgħoddhom, verament tasal għal figura ta’ xi 1.9 miljun metru kwadru.

Imma kif kien qal Keynes, hemm ġideb, ġideb misħut u statistika. U x’irriżulta meta wieħed jifli d-dokument li pproduċa Frans Mallia? Jirriżulta li minn dawn il-famużi żewġ miljuni metri kwadri, 1.1 miljun metru kwadru kienu saru fabbrikabbli skont il-proċess ikkontemplat mil-liġi fl-adozzjoni tal-pjani lokali. Fost dawn il-1.1 miljun metru kwadru, kien hemm 330,000 metru kwadru fl-Imtarfa li kienet tħalliet kompletament barra mit-TPS.  Kien hemm ukoll xi 150,000 metru kwadru l-Imsida li nimmaġina kienu minħabba Mater Dei.  Ma naħsibx li dawn in-nofs miljun metru kwadru kienu rigal lill-ispekulaturi kif qed igħid Karmenu Cacopardo.

Fl-iskema tar-razzjonalizzazzjoni, daħlu 700,000 metru kwadru li kienu jinkludu ukoll 150,000 metru kwadru ta’ Smart City li kienet tħabret fl-epoka u li għalkemm kienet ser tiġi żviluppata f’art barra miż-żona ta’ l-iżvilupp, kienet ser tiġi żviluppata f’żona ndustrijali li kien fiha bosta fabbriki abbandunati jew nofshom vojta.  Nerġa ngħid li l-iskema ta’ razzjonalizzazzjoni kienet żball u minkejja li l-art saret fabbrikabbli, iż-zoning għadu qed isir sal-lum bi proċess fażull ta’ planning control applications.  U għalkemm l-opposizzjoni laburista vvutat fil-plenarja kontra r-riżoluzzjoni parlamentari sabiex dawn is-700,000 metru kwadru ta’ art isiru fabbrikabbli, wara sentejn u nofs fil-gvern, ma sar xejn sabiex jirriversja dina l-iskema ta’ razzjonalizzjoni u l-applikazzjonijiet ta’ kontroll ta’ l-ippjanar sabiex jiżżonjaw dawn il-meded ta’ art għadhom għaddejjin bħal qabel.  

Dan kollu qed jingħad għax in-nofs veritajiet jew in-nuqqas totali ta’ veritajiet ma jagħmlu tajjeb għal ħadd u kemm il-media kif ukoll il-klassi politika spiss issoffri minn każijiet ta’ amneżija selettiva. Imma ħaġa ferm importanti li kulħadd, klassi politika u soċjetà ċivili għandhom iżommu f’moħħhom, li impossibli ssostni li ma jsir assolutament l-ebda żvilupp barra miż-żoni tal-iżvilupp. Kif ġie rrapurtat li qal Michael Falzon, il-politiku li ppilota l-Pjan ta’ Struttura fil-Parlament, il-pjani lokali mhux vanġelu. Il-Pjan ta’ Struttura, kuntrarjament għal dak li qed isostnu Marlene Farruġia u Astrid Vella, ma fih l-ebda projbizzjoni assoluta kontra żvilupp barra mil-linji tal-iżvilupp u huwa evidenti li ċertu żvilupp irid bil-fors isir barra mil-linja tal-iżvilupp. M’għandhiex għalfejn nenfasizza wisq dan il-punt u nirreferikom għall-artiklu eċċellenti li James Debono kellu ftit jiem ilu fuq il-MaltaToday. 

Il-Pjan ta’ Struttura jsostni li hemm preżunzjoni kontra l-iżvilupp f’żoni li mhux fabbrikabbli u tali żvilupp jista’ jsir biss meta verament m’hemmx alternattiva.  Li mhux aċċettabli hu li xi ħadd jaqbad u jmur kontra dak li jiddisponu l-pjani lokali b’leġġerezza u mingħajr ma jsiru studji adegwati jekk verament hemmx alternattivi.  U f’tali eżerċizzji, l-awtorità regolatorja, il-MEPA, għandha tibqa’ newtrali u mhux taqbad u tidentifika hi l-art u tiddeċiedi a priori li għandha tabbanduna l-pjani lokali li saru wara ħafna studji u wara li ngħatat l-approvazzjoni ministerjali.

Kieku wieħed jimxi mal-liġijiet tal-pajjiż, kieku l-affarijiet jimxu ħafna aktar ħarir.  Imma l-politiċi tal-lum, bħal dawk ta’ qabilhom, spiss ma għandhomx paċenzja u jippruvaw jaqtgħu għad-dritt. Bir-riżultat li lkoll rajna u qed naraw.

Segwini fuq Facebook jew
Twitter @ellisjoseph.

More in Blogs