Ġebel, ħobż u żejt
Fil-gwerra li ddikjarajna lill-ambjent insejna l-ovvju: li l-ambjent mhux biss jagħmilna fiżikament imma anki psikoloġikament. Ambjent marid jew irvinat mhux biss se jispiċċa biex imarrad lil dawk li qegħdin jgħixu fih imma se joħloqilhom diffikultajiet psikoloġiċi li mhux faċli tippremedita eżattament x’għad ikunu. Min mar jgħid fil-pubbliku li ma jistax jistenna sakemm jara r-railings minn Wied il-Għajn sa Smart City mhuwiex jifhem xi jfissru dawk ir-railings. Flejjes? Forsi. Imma anki jekk aħna ċerti li dawk ir-railings se jġibu l-flejjes, imbagħad irridu naraw f’liema but se jispiċċaw. U rridu naraw ukoll, minbarra l-flejjes x’aktar se jġibu magħhom.
Xi kultant jgħaddili minn moħħi li ħafna minna nibżgħu mill-ispazju. Imqar l-idea li għandna ta’ x’għandha tkun l-ħarġa tal-Ħadd waranofsinhar, tixhed il-preferenza ta’ bosta għal postijiet maħnuqa bin-nies biex l-ispazju, il-ftuħ, ikun limitat kemm jista’ jkun. Il-memorja ta’ Ħdud tfuliti ttellagħli xbihat ta’ karozzi pparkjati waħda maġenb l-oħra, f’nofs għelieqi mimlija tfal jiġru, viċin ta’ xulxin tant li jibdew jitfixklu liema hu u liema mhux il-ballun tagħhom, u familji sħaħ bilqiegħda fuq il-pultruni jmissu mal-karozzi jekk mhux iqarmċu l-biskuttelli u jixorbu l-kafè mit-thermos fil-karozza stess. Għal ħafna minna l-ħarġa tal-Ħadd kienet tfisser (u jidhirli li hekk għadha) kemm toqmos mid-dar għal ġol-karozza u lura d-dar.
Dan il-biża’ mill-ispazju wassal ukoll biex ħafna kunsilli lokali, fiż-żelu li ‘jsebbħu’ l-lokal, spiċċaw biex qagħdu jistadu għal kull roqgħa ‘miftuħa’ tar-raħal tagħhom u bidluha f’hekk imsejjaħ ġnien, bil-bankijiet u mogħdijiet dojoq biex issorġi u l-aktar l-aktar tagħmel passejn sa ma ssib il-bank li jmiss. U ħafna drabi, qabel ma tidħol f’dal-ġnien, ikollok tixħet ħarstek fuq numru ta’ tabelli li jipprojbixxu r-roti, il-blalen, l-iskateboards u kull ħaġa oħra li timxi jew iġġiegħlek timxi.
Forsi hija din l-iskumdità bil-ftuħ, minbarra l-wegħda ta’ muniti tad-deheb iċekċku fil-bwiet, li ħajret lil bosta jarmaw irwieħhom sa snienhom f’battalja oħra, jew waħda kontinwa, kontra l-ambjent. Din hija biss Blata - u l-ġebel imtella’, imserraħ, imkaħħal u mibni, inħobbuh daqs il-ħobż. Għandu mnejn qiegħed inkun poetiku żżejjed iżda l-fatt li naraw it-tarf tal-art kważi minn kull fejn ngħaddu, u mdorrijin inħarsu lejn swar għoljin u ċittadelli, jista’ jagħmilna komdi naraw it-torrijiet ma’ kullimkien minflok firxiet u għoljiet ħodor. Allura jekk iż-Żonqor se jsir konkrit m’għandniex ninkwetaw wisq ħlief li nittamaw li l-kwalità ta’ dan il-konkrit tkun aħjar minn dik ta’ Mater Dei.
Is-satira tilħaq l-aqwa tagħha meta l-oġġett indirizzata lejh ikun meqjus bħala sagrosant. Anki jekk satiristi kbar m’għandhom ebda ħniena u jiġbdu l-grillu fuq kulmin jidhrilhom, l-attakk fuq il-kbir jibqa’ l-aktar wieħed importanti. Dan hu diskors li smajna ħafna dwaru mal-attakk fuq il-karikaturisti ta’ Charlie Hebdo xi xhur ilu. Imma ma kienx diskors ġdid dak għaliex ilna li ntbaħna li s-satira – għallinqas dik vera – għandha ħabta tieħu gost biha nfisha l-aktar meta tkun irreverenti.
L-iskandlu tal-FIFA li ħareġ fil-beraħ din il-ġimgħa bl-arrest għodu għodu ta’ wħud mill-uffiċjali u eks uffiċjali tagħha, inevitabbilment spiċċa suġġett interessanti għal ħafna karikaturisti. Interessani ħafna l-fatt li għalkemm, (għallinqas sal-mument meta qed nikteb dal-kumment), il-kap tal-FIFA ma ġiex arrestat, kien proprju hu, Sepp Blatter, il-persunaġġ ewlieni tal-ħafna karikaturi li faqqsu madwar il-globu. Blatter, fil-kariga tiegħu ta’ kap tal-FIFA, jitqies bħala annimal sagru, tant li f’età venerabbli qiegħed – jew kien qiegħed – jimmira li jerġa’ jiġi elett fil-kariga. U allura, bil-loġika perfida tas-satira, kellu jkun hu l-oġġett ċentrali tagħha.
Meta fil-bidu tas-seklu l-ieħor tfaċċa Juann Mamo, il-letteratura lokali nidiet il-programm satiriku tagħha. Mamo ma wera ħniena ma’ ħadd (anki jekk jidhirli li hija sinifikanti ħafna l-iskarsezza ta’ satira mmirata lejn il-ħakkiem Ingliż). Ir-raħħal miskin, il-proletarju jekk mhux is-sottoproletarju, kienu l-figuri l-aktar ovvji tas-satira tiegħu, imma daqstant ieħor il-politiċi Nazzjonalisti u l-Kleru bil-pompożità u l-faċċoliżmu tagħhom. Issa dan l-aħħar feġġ werriet ieħor ta’ dan il-kittieb imqareb u fit-Teatru Manoel ippreżenta l-farsa Sibna ż-Żejt. Wayne Flask ikompli ma’ tradizzjoni mhux daqshekk ippopolata ta’ nies li, imdejqin b’dak ta’ madwarhom, jinfexxu jitbellhu bil-bluha tal-oħrajn. B’Sibna ż-Żejt Flask iniżżel ismu flimkien ma’ ta’ oħrajn li ddeċidew li l-politiċi, sagri kemm jaħsbu li huma sagri, huma persunaġġi perfetti biex minflok is-soliti eloġji u tifħir fanatiku, għandhom isibu ma’ wiċċhom ħalq kbir miftuħ beraħ bid-daħq.
It-tama ta’ ħafna hija li satira ta’ dan it-tip, bħalma kien seħħ fil-passat bi programmi li sfortunatament imbagħad sparixxew, issib ruħha trażmessa fuq it-televixin u l-mezzi tax-xandir tal-istat u l-istazzjonijiet l-oħrajn. Jeħtieġ nifhmu li f’Malta l-kumment politiku ma jistax jibqa’ biss f’fomm il-politiċi u dawk li jiktbu b’fanatiżmu kbir fil-kummenti taħt l-artikli tal-gazzetti online. U jeħtieġ nifhmu wkoll li lit-telespettaturi ma nistgħux nibqgħu nagħtuhom biss telenovelli mimlijin melodrama ta’ gangsters u pulizija redikoli, familji mkissra, drogati u l-bqija ta’ suġġetti li issa xbajna naraw kopji ta’ kopji tagħhom. Jekk dawn huma l-uniċi prodotti li x-xandir f’Malta se jkompli joffri, allura nkunu qegħdin nikkonfermaw li l-għeluq għal qalbna aktar mill-ftuħ u l-beraħ.