Qed inneħħu l-moffa
L-editorjal tal-ILLUM
Il-film taħt id-direzzjoni ta’ Martin Scorcese ‘The Last Temptation of Christ’ kien qajjem furur sħiħ madwar id-dinja kollha. Mill-attakki fit-Teatru ta’ Saint Michel f’Pariġi fl-1988 għaċ-ċensura tal-istess produzzjoni f’diversi pajjiżi, inkluż f’Malta, fejn apparti li ma ntweriex kien diffiċilissimu li mqar ssibu għand il-ħwienet li dak iż-żmien kienu jikru l-videos.
Qed inġibu l-eżempju ta’ dan il-film ta’ Scorcese minn tant produzzjonijiet, kotba u xogħlijiet artistiċi li ġew iċċensurati għax inħossu li dan, iktar minn kull xogħol ieħor juri kif iċ-ċensura hija r-riżultat ta’ forzi fundamentalisti, awtoritarji u konservattivi li jħossu li għandhom jimponu sarima jew kontroll fuq dik li huma jqisu bħala “l-massa injoranta” li għandha bżonn min jiggwidaha. Dan il-film, jekk xejn, juri kemm fil-verità Ġesu Kristu, anke ffaċċjat bl-uġigħ u l-prospett ta' mewta ċerta, umiljat fuq is-salib, xorta baqa’ sod u ma waqax għat-tentazzjoni ‘mxajtna’ ta’ ħajja miżżewġa bit-tfal ma’ Marija Madalena.
Iżda, bħal dejjem, min jiċċensura jidhirlu li kull idea jew fehma li tmur lil hinn minn xi dogma stretta hija ħażina u m’għandhiex tkun pubblika għax inkella l-“popolin” ikun impressjonat.
Din l-attitudni patronizzanti setgħet ħadmet fit-tmeninijiet meta l-popli kienu għadhom ħerġin mill-għanqbut ta’ injoranza grassa, iżda llum inbidlet il-mentalità, żdiedet l-edukazzjoni u n-nies saru iktar kapaċi jevalwaw u jgħarblu dak li qed jaraw u jisimgħu. Għalhekk id-deċiżjoni tal-Gvern li jneħħi ċ-ċensura minn fuq produzzjonijiet u xogħlijiet artistiċi hija pass ’il quddiem u wieħed ’il bogħod mill-moffa li ħallejna titrabba f’din is-soċjetà. Sa fl-aħħar dan il-pajjiż għandu Gvern li kapaċi jilleġiżla skont ir-realtajiet soċjali li qed ngħixu fihom, hekk kif għamel ukoll bl-introduzzjoni tal-Unjoni Ċivili. Sa fl-aħħar dan il-pajjiż għandu Ministri li lesti jieħdu deċiżjonijiet li ilhom jistennew snin sħaħ għax ħaddieħor kien iktar moħħu f’dak li qaltlu l-Madonna dwar id-divorzju jew biex joqgħod jippoża fuq quddiem tal-knisja biex ikun jista’ jaħbi dnubietu.
Ikun pjuttost diżonest minn naħa tagħna jekk ngħidu li dawn l-affarijiet “kellhom jiġru b’mod naturali”, meta kulħadd jaf li dawn it-tibdiliet qatt ma kienu se jseħħu b’nofs tużżana pulizija tal-moralità u membri tal-Opus Dei li kienu jokkupaw uħud mill-ogħla karigi tal-pajjiż sa ftit żmien ilu biss. Dawn it-tibdiliet seħħew u l-moffa qed nixkupawha ’il barra għax fl-2013 kien elett Gvern Laburista li wiegħed li se jneħħi lill-pajjiż mid-dinja surreali u ipokrita tal-“għat-taparsi ma nafux u għat-taparsi ma rajniex.”
Naturalment, bħal dejjem, ikun hemm ċerta mistoqsijiet u dubji. Kif jixhed il-feature li għandna llum fuq paġna 7, il-fatt li dawn it-tibdiliet se jwasslu biex, fost oħrajn, jinfetħu ‘sex’ jew ‘porn’ shops iqajjem ċerta mistoqsijiet bħal dik ta’ Fr Rene Camilleri, li tagħmel ħafna sens. Bħalu niġbdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet illi minkejja li qed niddiskutu ħwienet tas-sess, m’aħniex qed niddiskutu, jew mhux biżżejjed, il-bżonn li f’dan il-pajjiż ikollna edukazzjoni sesswali effettiva u li tħalli l-frott.
U ejja naqtugħha darba għal dejjem din il-prassi li f’ċerti skejjel biex issemmi l-kelma sess trid tbaxxi leħnek ma jmurx jisimgħek xi ħadd. Ir-riżultati tas-sess bħala tabù wasluna biex inkunu fost l-aktar pajjiż bi tfal li jkollhom it-tfal u irresponsabilità ta’ ġuvintur li l-unika ħaġa li tagħmilhom missirijiet huwa l-fattur bijoloġiku. Jiġifieri l-qdusija żejda u l-biża’ li nitkellmu dwar is-sess ma wassal għal imkien.
Għal bidu l-bidliet imħabbrin din il-ġimgħa jistgħu jkunu interpretati min uħud bħala traġedja morali, iżda fil-verità, meta jgħaddi ż-żmien, nindunaw li dawn kienu biss bidliet fuq il-karta li għalkemm kuraġġużi qed jirriflettu l-fatt li mxejna, mmaturajna u m’għadniex ngħixu fiż-żmien id-dlam u l-biża’.