Xejn ċert f’Bisanzju
Id-destin tal-Greċja jiddependi aktar fuq dawn il-pajjiżi, u anke fuq pajjiżna, milli fuq ir-Renju Unit li baqgħet barra mill-ewrożona
Sar ir-referendum u l-Griegi b’maġġoranza kbira ta’ 61% tal-votanti m’aċċettawx il-proposti li kienu fuq il-mejda fis-26 ta’ Ġunju 2015, proposti li kienu jinvolvu €8.5 biljun fi tnaqqis ta’ nfiq u żieda fit-taxxi. Tsipras u l-Ministru tal-Finanzi Varoufakis kienu minn ta’ quddiem iħeġġu lill-elettorat sabiex jivvota “Oxi”, le. Varoufakis stqarr li kien jippreferi li jaqta’ idu u ma jiffirmax il-ftehim propost. Għajjar lill-kredituri bħala “terroristi” peress li għalqu l-banek. Varoufakis nesa li l-banek kellhom jagħlqu għaliex il-B.Ċ.E. ma baqgħetx tippompja likwidità fis-sistema bankarja Griega wara li skada t-tieni “bail-out” fl-aħħar ta’ Ġunju.
Min-naħa tiegħu, Tsipras bellagħha lill-elettorat li b’vot qawwi għal “Le”, il-gvern Grieg ser isaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fin-negozjati mal-kredituri. U l-poplu tal-“Le” ħareġ jiċċelebra r-rebħa kbira tiegħu fl-illużjoni li bil-vot populari, sar il-funeral tal-politika ta’ awsterità li tassew kiddet il-poplu Grieg f’dawn l-aħħar ħames snin.
Ir-referendum sewa daqs kemm sewa l-għamar tar-re Canute sabiex jieqaf il-mewġ milli jxarrbu s-saqajn rjali. Sewa daqs kemm jiswa referendum biex ma jkunx hemm tibdil fil-klima. Kien eżerċizzju bla sens frott il-politika populista ta’ Tsipras sabiex iżomm magħqud il-partit tiegħu. Ma ninsewx li Syriza hija r-riżultat tal-għaqda ta’ bosta partiti u movimenti tax-xellug radikali u bosta esponenti tiegħu ma jridux jaċċettaw il-politika ta’ aktar awsterità li l-Greċja jkollha tadotta sabiex takkwista self ġdid.
Il-Ħadd filgħaxija l-poplu nġabar fi Pjazza Sintagma sabiex jiċċelebra. Imma t-Tnejn filgħodu l-Greċja qamet f’atmosfera ferm differenti. Il-banek baqgħu magħluqin u n-nies baqgħu jikkjujaw sabiex jiġbdu €60 mill-ATMs. Anzi fil-maġġorparti tal-każijiet, l-anqas setgħu jiġbruhom kollha minħabba li skarsaw ferm il-karti tal-€20 u kellhom jikkuntentaw b’€50. Fil-verità, il-Griegi qegħdin f’tellieqa biex jiżvujtaw il-banek għax qed jibżgħu li jekk il-gvern tagħhom ikollu jniedi munita ġdida minflok l-ewro, din dlonk titlef tal-anqas 50% tal-valur tagħha. B’hekk, min għandu l-flus il-bank qed jibża li ser jispiċċa jitlef nofshom jekk mhux aktar. Il-paniku fost l-investituri Griegi qed jagħti lok għall-investiment qawwi fis-safes u fis-sistemi ta’ sigurtà kif ukoll xiri ta’ oġġetti ta’ lussu bħall-ġojjelli. Insomma kif kien qalli darba investitur xiħ u għaref, illum sfortunatament mejjet, li kien aktar jgħix fuq il-whisky u s-sigaretti milli fuq l-ikel, dejjem ikun hemm opportunità biex wieħed jaqla lira jew euro jew drachma.
It-Tnejn filgħodu, il-Ministru tal-Finanzi Grieg Yannis Vaoufakis ħabbar ħabta u sabta li kien ser jirriżenja għaliex kif qal hu, bosta mill-Ministri tal-Finanzi tal-ewrożona urew ix-xewqa li ma jinnegozjawx miegħu. Fir-realtà, jidher li Tsipras keċċieh wara li ddikjara mad-Daily Telegraph il-Ħadd filgħaxija li l-Greċja tista’ tadotta munita alternattiva jekk il-B.Ċ.E. jibqa’ jifga l-banek Griegi, ħaġa li effettivament tfisser li Greċja toħroġ mill-euro, il-famuż Grexit.
Minflok Varoufakis, Tsipras ħatar persuna li fil-karattru hija kompletament differenti, Euclides Tsakalotos li kienet id-deputat ministru tal-ko-operazzjoni ekonomika internazzjonali. Tsipras kien ħatru n-negozjatur prinċipali mal-kredituri minflok Varoufakis meta dan tal-aħħar beda jdarras lil bosta fi Bruxelles. B’differenza minn Varoufakis, Tsakalotos ilu jimmilita fi ħdan Syriza minkejja li ġej minn ambjent pjuttost privileġġjat. Twieled fl-1960 f’Rotterdam fejn missieru kien inġinier ma’ kumpanija tal-vapuri. Studja fl-istess skola privata ta’ St. Paul’s f’Londra u hemm min jgħid anke f’Eton u kompla l-istudji tiegħu fi Queen’s College f’Oxford u f’Sussex. Iqabluh mal-Ministru tal-Finanzi tar-Renju Unit, George Osborne li wkoll studja f’St. Paul’s u f’Oxford. Imma fuq kollox huwa persuna fommha siekta li żżomm ’il bogħod mill-kontroversja b’differenza ta’ Varoufakis li qatta’ l-maġġorparti tal-ħin tiegħu jagħti l-intervisti, jiddandan bil-mara sabiħa tiegħu u jiġġerra fuq il-mutur u bil-haversack.
It-Tnejn il-partiti Griegi kollha, bl-eċċezzjoni tal-Komunisti, għamlu appell lill-B.Ċ.E. sabiex tippompja aktar likwidità fil-banek Griegi. Tsipras ukoll talab self temporanju sabiex il-Greċja tkun tista’ tonora l-obbligi immedjati tagħha, fosthom it-€3.5 biljun li trid tħallas lura lill-B.Ċ.E. sal-20 ta’ Lulju. Jekk il-B.Ċ.E. ma titħallasx sa dakinhar, il-B.Ċ.E. żgur titlob lura t-€89 biljun li selfet lill-banek Griegi bħala għajnuna t’emerġenża u effettivament tfallihom. L-appelli tal-Griegi waqgħu fuq widnejn torox u l-Griegi ġew mistiedna jagħmlu l-proposti tagħhom sabiex jerġgħu jinfetħu n-negozjati li l-Griegi stess kienu abbandunaw qabel mal-ewrożona tikkonsidra x’għajnuna tagħtiha.
It-Tnejn filgħaxija ltaqgħu Hollande u Merkel sabiex it-tandem Ewropew li huwa s-sinsla tal-ewrożona jadotta pożizzjoni komuni. Mill-ewwel deher ċar li l-Ġermanja u Franza qed jadottaw pożizzjoni differenti bi Franza tkun aktar konċiljanti u tfittex soluzzjoni li tevita l-Grexit. L-għada t-Tlieta, saret laqgħa tad-19-il ministru tal-finanzi tal-ewrożona kif ukoll laqgħa tal-kapijiet tal-gvern tal-ewrożona. Għal darb’oħra, il-Greċja ddiżappuntat lil ħafna għax Tsakalotos ma ressaq l-ebda proposti ġodda u ppreżenta ruħu b’erba noti mħarbxin fuq biċċa karta li sab fil-lukanda li l-fotografi mill-ewwel perrċuhom mad-dinja kollha. Fost l-oħrajn, Tsakalotos kiteb li m’għandhux jadotta ton trijonfalistiku. B’pajjiżu għarkopptejh u b’dejn ta’ €380 biljun, huwa tassew surreali li wieħed jista’ jikkontempla trijonfaliżmu. Imma Tsakalotos kellu jfakkar lilu nnifsu biex ma jkunx trijonfalistiku!
Ir-rabja fost il-mexxejja Ewropej kienet ċara daqs il-kristall. U l-Greċja ngħatat ultimatum sabiex tippreżenta l-proposti tagħha sal-Ħamis in antiċipazzjoni tal-laqgħa tal-ewrogrupp tas-Sibt u dik tal-mexxejja tal-ewrożona u tal-mexxejja tat-28 membru tal-U.E. illum il-Ħadd. Għal darba, il-Greċja onorat it-terminu mogħti lilha u bagħtet ittra ta’ 13-il paġna bil-proposti tagħha u b’talba għal self ġdid tal-anqas €53 biljun mingħand il-Mekkaniżmu Ewropew għall-Istabbilità Finanzjarja.
Tsipras bela’ prattikament kollox u ppropona pakkett li kien eħrex minn dak li kien fuq il-mejda fis-26 ta’ Ġunju u dan minkejja r-rebħa kbira tal-Le. Verament eżempju tajjeb ta’ politika biżantina li tipproponi referendum sabiex ma taċċettax proposti tal-kredituri biex imbagħad tagħmel U-turn komplet u taċċetta pakkett aktar sever li jinvolvi €12-il biljun fi tnaqqis fl-ispiża u taxxi ġodda flok it-€8.5 biljun li l-programm preċedenti kien jinvolvi. Mid-dehra, il-Griegi fl-aħħar irrealizzaw li qed jilagħbu bis-serjetà l-permanenza tagħhom fl-ewrożona.
Il-proposti Griegi, li saru b’għajnuna teknika Franċiża, jipproponu ħafna mill-affarijiet li l-elettorat Grieg irrifjuta mhux is-sena l-oħra imma ġimgħa ilu biss. Sabiex tinġabar 1% tal-PGD, il-Greċja aċċettat tliet rati tal-VAT, waħda standard ta’ 23%, oħra mnaqqsa ta’ 13% għall-ikel, enerġija u lukandi (minħabba t-turiżmu) u oħra ferm imnaqqsa ta’ 6% għall-mediċini, kotba, u x’tistenna mill-patrija tat-traġedja u tal-kummiedja, it-teatru. Barra minn hekk, mis-sena d-dieħla, ser jispiċċa t-tnaqqis ta’ 30% fir-rata tal-VAT fil-gżejjer prinċipali.
It-taxxa fuq il-kumpaniji trid tiżdied minn 26 għal 28%, it-taxxa fuq il-lussu minn 10% għal 13% u l-bdiewa ser jitneħħewlhom il-privileġġi fiskali. Fost il-miżuri fil-qasam tal-pensjonijiet, għandhom jieqfu l-pensjonijiet f’età żgħira u l-età tal-pensjoni tiżdied għal 67 sena sal-2022. Il-Greċja qiegħda wkoll timmira għal surplus fil-budget primarju tagħha ta’ 1% tal-PGD fl-2015, 2% fl-2016, 3% fl-2017 u 3.5% fl-2018. Fl-amministrazzjoni pubblika, il-Greċja qiegħda taqbel mal-proposti tal-kredituri li s-salarju jibda jingħata abbażi tal-kompetenza, ta’ kif wieħed jaħdem u tar-responsabilità (xejn rivoluzzjonarju f’dan) u l-ispiża tad-difiża tonqos b’€100 miljun din is-sena u b’€200 miljun is-sena d-dieħla. Proposta oħra frott is-sens komun hi li titwaqqaf aġenzija awtonoma għall-ġbir tat-taxxi. Il-gvern Grieg qed ukoll jipproponi li jkompli bil-privatizzazzjoni tal-portijiet u ajruporti kif ukoll il-liberalizzazzjoni ta’ diversi setturi protetti bħall-ispiżeriji.
Syriza spiċċat tadotta bosta mill-miżuri li ħalfet li qatt mhu ser twettaq u li nkuraġġiet in-nies jivvotaw il-kontra l-Ħadd li għadda. Mhux ta’ b’xejn li din il-U-turn spettakulari ħolqot problemi kemm fi ħdan Syriza kif ukoll fost il-pajjiżi ta’ l-ewrożona u l-kredituri istituzzjonali. Meta l-proposti tal-gvern Grieg tresqu fil-parlament Grieg, l-għaqda fi ħdan Syriza ġiet mheżża sew u 17-il deputat ta’ Syriza (minn 149) ma vvutawx favur imma jew astjenew jew ma vvutawx. Dawn kienu jinkludu l-ispeaker u żewġ ministri. L-oppożizzjoni, ħlief dik neo-nażista u komunista, ivvutat favur il-proposta tal-gvern imma mill-162 deputat tal-koalizzjoni bejn Syriza u partit tal-lemin, 145 deputat biss ivvutaw favur. Jidher li issa Tsipras sejjer jagħmel reshuffle u l-indikazzjonijiet f’Ateni huma li ser titwieled koalizzjoni kbira mal-partiti tal-Oppożizzjoni sabiex tiżgura l-istabilità fil-Greċja. L-aħħar ħaġa li l-Greċja għandha bżonn bħalissa hija elezzjonijiet ġodda.
Imma anke fost il-pajjiżi tal-ewrożona hemm xettiċiżmu kbir dwar il-proposti Griegi. Il-ministru tal-finanzi Olandiż qal li dawn il-proposti mhumiex biżżejjed, Schauble tal-Ġermanja għandu dubji kbar kemm huma realistiċi n-numri Griegi mentri ministri oħra qegħdin juru xettiċiżmu kbir kemm il-Griegi huma serji dwar l-intenzjonijiet tagħhom u kemm ser iwettqu dak li qed iwiegħdu.
Wara ħames xhur ta’ kummiedji minn Tsipras u Varoufakis, il-fiduċja tal-Ewropej fil-gvern Grieg hija tassew baxxa. Kif qed nikteb, l-eżitu tal-laqgħa tal-ewrogrupp għadu mhux magħruf u kollox jidher possibbli, anki l-ħruġ tal-Greċja mill-ewrożona, forsi għal żmien limitat kif qed isemmi ġurnal Ġermaniż li skopra dokument tal-ministeru tal-finanzi Ġermaniż. Imma ftit huma dawk il-mexxejja Ewropej li jixtiequ jiġu assoċjati ma tali eżitu. Jidher ukoll li hemm nuqqas ta’ qbil kbir fil-Ġermanja. Merkel qed taffaċja rvell mid-deputati tagħha li ma jridux jivvutaw favur it-tielet bail-out għalkemm l-alleati soċjaldemokratiċi bidlu t-ton ostili tagħhom u laqgħu l-proposti Griegi. Ħaġa interessanti li qed nassistu għaliha hi li l-pożizzjoni pjuttost ostili lejn il-Greċja tal-pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa bħas-Slovakkja, Latvja u Litwanja li għandhom livell t’għixien aktar baxx minn dak Grieg, adottaw miżuri severi t’awsterità u mhumiex juru ħniena mal-Greċja. Ironikament, id-destin tal-Greċja jiddependi aktar fuq dawn il-pajjiżi, u anke fuq pajjiżna, milli fuq ir-Renju Unit li baqgħet barra mill-ewrożona.
Kollox jidher li għadu inċert f’Bisanzju.
Segwi l-aħħar żviluppi fix-xena internazzjonali billi ssegwini fuq Facebook jew Twitter @ellisjoseph.