Ftit filmati
Il-qtil sistematiku ta’ dawn it-tmint elef raġel u ġuvni Musulmani minn Srebrenica seħħ f’erbat ijiem kollox
Hemm filmati li jiddisturbaw ħafna ta’ suldati jixorbu u jqassmu ċ-ċikkulata u l-ħelu lil tfal jiffullaw wara l-ħitan xbieki ma’ ommijiethom konfużi u mbeżża’ ftit qabel ma’ dawn l-istess tfal u ommijiethom jitgħabbew fuq numru ta’ karozzi u jispiċċaw imkeċċija minn fejn twieldu u għexu.
Filmati oħrajn juru lil żwieġ u missirijiet ta’ dawn mgħobbija fuq il-karozzi, jiġru maħruba fil-foresti. Mal-mogħdija tal-foresti u l-għoljiet hemm, kull erba’ jew ħames metri, żewġ irġiel armati bl-azzarini lesti biex jiġbdu l-grillu. Mhumiex qegħdin jikkaċċjaw l-għasafar, tant li l-azzarini mmirati ’l isfel mhux lejn is-sema. Qed jikkaċċjaw lil dawn l-irġiel, magħluba donnhom skeletri jieħdu n-nifs wara xhur ta’ ġuħ mhedda bil-bombi sparati mit-tankijiet skjerati fuq l-għoljiet.
U hemm filmati ta’ katavri jinqalgħu bil-gafef minn taħt il-ħamrija.
Qed nitkellmu dwar kważi tmint elef minn dawn il-katavri. Jidhru fil-filmati. U l-filmati kollha huma bil-kulur u isfel, fuq il-lemin, tidher data: Lulju 1995. Mhumiex filmati ta’ rikostruzzjoni ta’ xi avveniment, jew xi film minn Hollywood. Huma filmati oriġinali li nġibdu għoxrin sena ilu fi Srebrenica, il-belt tal-biki u l-mistħija f’dik li xi darba kienet il-Jugoslavja.
Il-qtil sistematiku ta’ dawn it-tmint elef raġel u ġuvni Musulmani minn Srebrenica seħħ f’erbat ijiem kollox imma l-proċess storiku tiegħu huwa biss parti minn gwerra krudili, mimlija (bħal dejjem) b’sensiela ta’ atti kriminali li jiksru l-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, għax il-mibegħda ma timxix mal-konvenzjonijiet. Proċess li diffiċli ssib il-bidu tiegħu. U għalkemm għaddew għoxrin sena, il-ġerħa għadha miftuħa u d-demm għadu ma nixifx. Fuq l-għoljiet ta’ Srebrenica u fil-lukandi u fis-swali tal-iskejjel primarji ta’ rħula fil-viċin, inqatlu dawn l-eluf ta’ nies Musulmani fi proċess ta’ tindif etniku, proprju fil-qalba tal-Ewropa, il-kontinent bi storja twila ħafna, twila wisq, ta’ demm u mibegħda.
Sal-lum għad hemm nies meqjusin ‘mitlufa’. Sal-lum għad hemm nisa jistennew l-aħbar ta’ żwieġhom u wliedhom subien. Sal-lum għad hemm min ma jafx x’sar minnhom l-għeżież li rahom jitbiegħdu u jisparixxu minn ħajjithom darba għal dejjem.
U dan fi Srebrenica biss. Sarajevo, il-belt il-miskina l-oħra, għandha ħafna stejjer x’tirrakkonta. Stejjer li ma jitwemmnux, aktar u aktar meta ċ-ċittadini ta’ dawn l-inħawi u dawk li qagħdu moħbija jisparawlhom kienu semgħu, kienu jafu, x’kien ġara fl-Ewropa ħamsin sena qabel. Imma huwa proprju dak li jiġri meta l-istorja tiġi nnegata mhux minħabba xi kontroversja akkademika daqskemm minħabba l-motivi politiċi li jafu jibdlu l-bniedem f’mostru.
Il-mostrożità fi Srebrenica tieħu xejra ironika meta wieħed jiftakar li dan il-post kien iddikjarat bħala ‘safe area’, protett minn ftit suldati Olandiżi taħt il-bandiera tan-Nazzjonijiet Magħquda. U f’dan il-qasam protett spiċċaw inqatlu tmint elef raġel ċivili: fuċillati f’ġenoċidju li jfakkar f’ġenoċidji oħra (anki jekk għad hawn min jinnegahom).
Il-mostrożità ma kinitx biss ta’ min qatel imma anki ta’ min ħalla l-qtil iseħħ. Għal xhur sħaħ kien hemm talbiet biex il-qawwiet tal-Punent iqumu u jieħdu azzjoni, anki permezz ta’ attakki mill-ajru fuq l-iskwadri tal-mewt immexxija minn Ratko Mladic. Imma l-Punent qagħad igiddem difrejh minkejja l-evidenzi li kellu ta’ dak li kien qiegħed jinħema.
Dan ukoll huwa parti mill-istorja ta’ Srebrenica. L-istess bħalma huwa parti mill-istorja l-fatt li s-suldati li suppost iddefendew lin-nies ċivili baqgħu jħarsu huma u jaraw lill-għedewwa tal-Musulmani jisseparaw lin-nisa u t-tfal mill-irġiel biex dawn tal-aħħar jinqatlu.
Hemm filmat ieħor: suldati Olandiżi jixorbu l-Heineken, idoqqu u jiżfnu wara li ċedew Srebrenica, dabbru rashom, u għaddewha b’waħda.
Minbarra d-demm u l-mibegħda, ġrajjiet bħal din huma ġrajjiet ta’ ħabi u tentattivi għall-amnesija. Fin-nota introduttorja għad-dramm tiegħu ‘Srebrenica’ (2005) Nicolas Kent jirrakkonta li l-imħallef Sudafrikan Richard Goldstone, maħtur bħala l-Kap Prosekutur tat-Tribunal tan-Nazzjonijiet Magħquda għall-Krimini tal-Gwerra fl-eks Jugoslavja, kien talbu jmur għall-proċess li kien se jibda dalwaqt. Kent jirrakkonta li filwaqt li ħaseb li kien se jkun impossibbli jidħol fl-awla, f’The Hague sab biss għoxrin persuna jisimgħu l-ġuri. L-attenzjoni tal-midja ma kinitx fuq Srebrenica, jgħid Kent. U dak huwa dnub ieħor fis-sensiela twila ta’ dnubiet kontra l-umanità.
Waqt li qed nikteb dan l-artiklu, fi Srebrenica qed isiru l-aħħar preparamenti għal ċerimonja li għandha tfakkar l-għoxrin anniversarju tat-traġedja. Mistiedna, minbarra l-familjari tal-vittmi (uħud għadhom mitlufa) se jkun hemm il-mexxejja politiċi minn diversi pajjiżi. Ma nafx x’se tkun ir-reazzjoni, il-ħsieb, l-emozzjoni ta’ dawk li tilfu lill-għeżież tagħhom, meta jħarsu lejn ir-rappreżentanti ta’ pajjiżi li, bid-deċiżjonijiet politiċi tagħhom, għandhom sehem minn dak li ġara.
U la qegħdin nitkellmu fuq il-politiċi: proprju din il-ġimgħa, fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, tressqet riżoluzzjoni biex, fl-għoxrin anniversarju ta’ dak li seħħ fi Srebrenica, il-massakru jibda jitqies bħala ‘ġenoċidju’, deċiżjoni li The Hague kienet diġà ħadet fl-2004. Meta r-riżoluzzjoni tressqet għall-vot nhar l-Erbgħa li għadda, ir-Russja użat il-veto tagħha għax, skont l-ambaxxatur Vitaly Churkin, ir-riżoluzzjoni kif miktuba mir-Renju Unit ma kinitx kostruttiva anzi kellha linja ta’ konfrontazzjoni u immotivata politikament. Skont ir-Russja din ir-riżoluzzjoni kienet biss se tkompli tfannad it-tensjoni li għad hemm fir-reġjun. Allura r-Russja rrikorriet għall-veto. Iċ-Ċina, in-Niġerja, l-Angola u l-Veneżwela astjenew.
Sadattant, is-Serbja esprimiet l-oppożizzjoni tagħha għal din ir-riżoluzzjoni lejlet li tressqet minħabba li setgħet tkabbar il-qasmiet etniċi fil-Bosnja. Fl-2010 s-Serbja, ovvjament għal raġunijiet politiċi fit-tentattiv biex issaħħaħ il-kuntatti tagħha mal-Punent, irrikonoxxiet li seħħew atti kriminali, iżda qatt m’għarfet li kien seħħ ġenoċidju.
Nipprova nimmaġina kif jinħassu d-daqqiet ta’ ħarta minn min tilef il-familjari tiegħu fil-Bosnja Herzegovina.